TOP


GWU

 Taqsimiet

Metall u Kostruzzjoni

Fi snin meta t-Tarzna kienet taħt il-kontroll tal-Gvern Brittaniku, din it-taqsima kienet magħrufa bħala t-Taqsima tal-Ammiraljat. Fil-fatt it-Taqsima tal-Ammiraljat kienet fost l-ewwel taqsimiet organizzati fi ħdan il-GWU. Meta fl-1959 il-Gvern Kolonjali ddeċieda li jipprivatizza lit-tarzna, it-Taqsima inqasmet fi tnejn. It-Taqsima tal-Ammiraljat baqgħet tirrappreżenta lil dawk il-ħaddiema li għażlu li jibqgħu fuq il-kotba tal-Gvern Ingliż, filwaqt li t-Taqsima Metall bdiet tirrappreżenta lil kumplament tal-ħaddiema – ’il fuq minn 6,000 – li għaddew għand il-privat. Aktar tard din it-Taqsima bdiet tirrappreżenta ħaddiema oħra mis-settur privat fosthom mill-industrija tal-metall. Illum it-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tirrapreżenta l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema fis-settur tal-bini u tiswija ta’ bastimenti, ħaddiema fl-IPSL (kumpanija li nħolqot wara r-ristrutturar ta’ dawk li kienu l-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuilding) kif ukoll ħaddiema impjiegati ma’ kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-kostruzzjoni.

 

Professjonisti, Finanzi u Servizzi

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tkopri firxa wiesgħa ta’ impjiegi fi ħdan is-settur tas-servizzi f’pajjiżna. It-Taqsima kienet stabbilità lura fl-1964 bħala l-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Impjiegati fi gradi ta’ Superviżjoni u Klerikali u kienet tirrappreżenta anke impjiegati fi gradi tekniċi u maniġerjali, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. Illum it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tirrappreżdenta ħaddiema f’diversi setturi u kategoriji ta’ xogħol fost dawn:

(i) Impjegati fi gradi Professjonali u Maniġerjali

(ii) Impjiegati fis-settur finanzjarju, bħal ma huma l-banek, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tal-assikurazzjoni,

(iii) impjiegati fis-settur tas-sigurtà u loġistika,

(iv) u fil-midja.

 

Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi inħolqot fl-1943 u llum tirrappreżednta ħaddiema f’diversi setturi bħal ma huma dawk tas-saħħa, servizzi soċjali u kura tal-anzjani, istrutturi, dwana, servizzi tal-ilma, posta, u ħaddiema tax-xogħlijiet pubbliċi fost oħrajn. L-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku kien iffirmat fl-1998 u beda jgħodd b’mod retro attiv mill-1996. Sa qabel dan il-ftehim kollettiv daħal fis-seħħ sar eżerċizzju kbir ta’ titjieb u riskali tal-pagi biex ikunu adattati għaż-żminijiet tal-lum. Il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku huma stabbiliti bil-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Public Service Management Code.

 

Ospitalità u Ikel

It-Taqsima Ospitalità u Ikel kienet organizzata fil-perjodu li fih kienet qed tiffjorixxi l-industrija turistika f’pajjiżna bil-bini ta’ lukandi u ftuħ ta’ ristoranti ġodda. Sa mit-twaqqif tagħha t-Taqsima kompliet tikber u llum tirrappreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità, divertiment u produzzjoni tal-ikel f’Malta. Illum it-Taqsima tgawdi rikonoxximent fil-lukandi prinċipali kollha ta’ pajjiżna, ristoranti u anke f’kumpaniji li jipproduċu ikel għall-esportazzjoni, u fil-kumpanijiet li jipproduċu x-xorb minerali għall-konsum lokali. Fil-preżent it-Taqsima qed tirrappreżenta wkoll ħaddiema fis-settur tat-tindif, kif ukoll qed tikkordina l-ħidma tat-tliet unjins affiljati fil-GWU li jirrappreżentaw l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija u Uffiċjali Korrettivi. It-Taqsima hija involuta b’mod dirett fil-ġlieda kontra l-prekarjat f’pajjiżna.

 

Kimika u Enerġija

Sa minn meta twaqqfet fl-1971 biex tirrappreżenta l-ħaddiema fl-industriji tal-fuel, plastik u gomma, it-Taqsima Kimika u Ħaddiema ġenerali kompliet tikber u llum tirrappreżenta ħaddiema f’għadd ta’ setturi tal-produzzjoni. Illum it-Taqsima għandha imsieħba mis-setturi tal-manifattura u pproċessar tal-injam, karta, ħġieġ, ċeramika, siment, tabakk, prodotti sintetiċi kif ukoll farmaċewtiċi. Bħala parti minn riorganizzazzjoni kontinwa tat-taqsimiet, it-Taqsima Kimika u Enerġija bdiet tirrappreżenta ħaddiema fis-settur tal-enerġija bħal ma hi l-Enemalta plc u servizzi ta’ manutenzjoni fis-settur tal-avjazzjoni bħal ma hi Lufthansa Technik.

 

Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni

It-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazjoni tirrapreżenta ħaddiema fis-settur tat-teknoloġija, stampar, karozzi u komunikazzjoni. Fost il-kumpaniji li fihom it-Taqsima għandha rikonoxximent ewlieni hemm ST Microelectronics, Go plc, De LaRue security printing  u l-importaturi ewlenin tal-karozzi. Sa mit-twaqqif tagħha din it-Taqsima kompliet tespandi biex toffri s-servizzi tagħha skont il-ħiliet tal-membri tagħha.

 

Marittima u Avjazzjoni

It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni hija waħda mit-taqsimiet li kienu organizzati fl-ewwel snin tal-ħidma tal-GWU. Sa mill-1950, it-Taqsima tirrappreżenta ħaddiema li huma impjiegati ma’ kumpaniji tat-tbaħħir jew li jiddependu mis-setturi portwali bħal ma huma ħaddiema fil-Malta Freeport Terminals, kif ukoll dawk fis-settur tal-avjazzjoni bħal huma l-ħaddiema impjiegati mal-linja tal-ajru AirMalta. It-Taqsima għandha organizzati anke fi ħdana l-ħaddiema li jaħdmu fit-trasport pubbliku. Ir-rappreżentanza ta’ dawn il-ħaddiema seħħet wara li l-Gvern kien iddeċieda li jipprivatizza it-trasport pubbliku f’Malta.

 

Għaqda Pensjonanti 

 

L-Għaqda Pensjonanti tal-GWU twaqqfet f’Ġunju tal-1987 bil-għan li ttejjeb il-livell tal-ħajja tal-pensjonanti Maltin. Iżda l-ħidma tal-Għaqda Pensjonanti tmur aktar lil hinn min titjib fil-benefiċċji għaċ-ċittadini rtirati. Il-kontribut huwa wkoll l-esperjenza ta’ snin twal ta’ involviment trejdunjonistiku, liema esperjenza tgħin fit-tfassil ta’ proposti ġodda li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-lum u ta’ għada. Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni ta’ pensjonanti ġeddew il-ħidma tal-Għaqda biex tibqa’ aġġornata għaż-żminijiet kurrenti. B’dan il-mod l-Għaqda baqgħet iżżomm ir-relevanza tagħha.

 

GWU - Youths

 

Kien f’Awwisu tal-1944, ftit anqas minn sena wara l-ħolqien tal-GWU, li l-Union kienet sejħet rally għaż-żgħażagħ fejn dak inhar kienet twaqqfet l-Għaqda Ħaddiema Żgħażagħ. L-ewwel eżekuttiv ta’ din l-Għaqda iltaqa’ f’Mejju tal-1945. Illum-il ġurnata l-GWU Youths, kif sar jisimha l-fergħa, hija għaqda mhux għall-profit li taħdem biex fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa tifrex aktar l-għarfien trejdunjonistiku. Dawk il-membri tal-GWU li għandhom anqas minn 35 sena huma awtomatikament imsieħba tal-GWU Youths. Aktar tagħrif dwar l-għaqda jista’ jinkiseb fuq: www.gwuyouths.com