TOP


GWU

 Storja



Il-GWU twieldet waqt il-qerda tal-Tieni Gwerra Dinjija, fi żmien meta Malta kienet kolonja fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran. Għal pożizzjoni ġeo-strateġika tagħha Malta serviet bħala bażi militari utli għall-qawwa tal-ajru u flotta Brittanika. Għal dan kienet magħrufa bħala l-gżira-fortizza. It-Tieni Gwerra Dinjija, naturalment rat livell relattivament għoli ta’ impjiegi fis-settur tiswija tal-bastimenti navali u setturi aċillari oħra marbuta direttament mal-bżonnijiet militari.

Din ir-realtà kkondizzjonat il-ħajja tal-ħaddiema Maltin jgħixu tajjeb fi żminijiet ta’ gwerra u jiffaċċjaw il-faqar fi żminijiet ta' paċi. Tali realtà wasslet lill-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin biex timmobilizza ruħha u tifforma trade union qawwija biex tiproteġi l-impjiegi tagħha, itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħha u tiġġieled għall-ġustizzja soċjali.

Oriġinarjament, il-GWU sabet l-għeruq tagħha lejn l-aħħar tal-1942 fost il-ħaddiema dik li kienet magħrufa bħala t-Tarzna tal-Mammiraljat. Reggie Miller, li kien jaħdem bħala skrivan ċivili fid-Drydocks, ikkonvinċa grupp żgħir ta’ ħaddiema billi qalilhom li setgħu jagħtu l-ħajja għal union ġenerali qawwija li fil-futur setgħet tħalli l-marka tagħha fuq l-istorja tal-pajjiż.

L-impatt fuqhom ta’ dak li qal Reggie Miller kien immedjat. Hawn Miller beda l-ħidma tiegħu għat-twaqqif ta’ dik li kellha tkun il-GWU. Għalhekk għalina huwa meqjus bħala l-missier fundatur tal-GWU. L-ewwel laqgħa pubblika tal-GWU saret f’Marzu 1943 fejn attendiet massa enormi ta’ ħaddiema. Minn fosthomk, inħatar kumitat interim bir-responsabbiltà tat-tfassil ta’ kostituzzjoni (Statut). Sussegwentement l-abbozz tal-kostituzzjoni kienet inqara u spjegat lill-ħaddiema f’attività tal-massa msejħa ftit jiem wara.

Fl-istess laqgħa Reggie Miller b’entużjażmu aċċettat is-sedjħa tal-ħaddiema biex iservi bħala l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Union. Mal-ħolqien tagħha  l-GWU l-mexxejja imbarkaw fuq kampanja intensiva għas-sħubija tal-membri. Ġew organizzati ħafna laqgħat pubbliċi u konferenzi madwar Malta. Naturalment, attivitajiet simili saru wkoll fil-postijiet varji tax-xogħol, u dan fost il-biżgħa, l-ostilità u antagoniżmu minn min iħaddem. L-ewwel membri tal-GWU kienu inizjalment rreġistrati fl-1 ta’ Lulju, 1943.

Minkejja li kienet għadha fil-bidu tagħha l-GWU, flimkien ma’ organizzazjonijiet oħra, nhar is-6 ta’ Lulju, 1943, il-GWU issottomettiet lill-Gvern Brittaniku memorandum b’numru ta' talbiet fosthom talba għal żieda adegwata fil-pagi u s-salarji tal-ħaddiema.

L-ewwel strajk mhux uffiċjali sar fl-24 ta’ Awwissu tal-1943 u dan kien minħabba l-l-intransiġenza tal-awtoritajiet Tarzna li ma riedux jaċċettaw it-talbiet tal-ħaddiema. F'Settembru kienet tħabbar li kienet se tingħata ż-żieda fil-paga, madankollu, din ż-żieda ma kinitx skond it-talbiet oriġinali, u għalhekk kienet immedjatament miċħuda mill-ħaddiema u mir-rappreżentanti tagħhom. Konsegwentement din iċ-ċaħda kienet segwita minn strajk ieħor nhar it-28 ta’ Settembru tal-istess sena.

Fil-ġranet ta’ wara, għadd ta’ ħaddiema f’diversi setturi oħra fis-settur militari Brittanniku taw l-appoġġ tagħhom lil dawn il-ħaddiema. Biss minħabba li l-unions l-oħra bdew jibżgħu mir-riperkussjonijiet u ritraljazzjoni tal-Gvern Ingliż, abbandunaw is-solidarjetà tagħhom mal-ħaddiema li kienu qed jistrajkjaw. Effettivament dan ħalla lill-GWU tiġġieled waħeda din it-tilwima.  

Fi żmien meta r-Renju Unit kien maqbud fi gwerra, kien ovvju għalihom li kellhom jagħmlu minn kollox biex b’mod diplomatiku u sottili ma jħallux lill-pġoplu jkun jaf x’kien qed iseħħ. Dan sar grazzi għall-kontroll fuq il-midja stampata, speċjalment dik bil-lingwa Ingliża.

Madankollu, minkejja li Reggie Miller u sħabu l-mexxejja tal-union, kienu akkużati bħala sabutaturi u li riedu jħeġġu l-ħaddiema għall-vjolenza, waqt attività tal-massa li saret nhar il-5 ta’ Ottubru tal-1943 l-ħaddiema preżenti vvotaw u akklamaw bil-ħerqa għall-ħolqien uffiċjali tal-General Workers’ Union.

Sa mill-ħolqien tagħha fis-snin tal-gwerra, il-GWU u l-mexxejja tagħha stinkaw ħafna biex itejbu u jiggarantixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Maltin. Għal għexieren ta’ snin mill-ħolqien tagħha l-GWU mhux biss ħeġġet it-trejdunjoniżmu f’Malta, bdiet twettaq b’suċċess il-ħidma u l-missjoni tagħha dik li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tiggarantixxi futur ġust għall-ħaddiema Maltin. Bl-għaqda fost il-ħaddiema l-GWU ħadmet u wasslet għall-kisba tal-progress ekonomiku u soċjali fl-oqsma kollha tad-dinja tax-xogħol