TOP


GWU

 Segretarju Ġenerali



 

Josef Bugeja

 

Imwieled fl-1968, Josef Bugeja, huwa s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union.

Huwa daħal fid-dinja tax-xogħol bħala machine setter mal-kumpanija SGS, wara ingħaqad mad-Dipertiment tal-Posta fejn serva bħala pustier. Huwa kompla javvanza f’dan il-qasam meta kien appuntat bħala amministratur ta’ fergħa postali u aktar tard bħala Counter Administrator. Bugeja beda l-karriera trejdunjonistika tiegħu meta ssieħeb fil-GWU ftit taż-żmien wara li beda jaħdem mal-Malta Post plc.

Fis-sena 2003, bħala Junior Secretary tal-GWU kien assenjat  biex jassisti t-tmexxija tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, taqsima li tirrappreżenta kemm lil ħaddiema fis-servizz pubbliku kif ukoll dawk fis-settur pubbliku. F’din il-kapaċità huwa kien involut fin-negozjati tal-ftehim kollettiv f’diversi setturi għall-impjiegati statali. Matul dan iż-żmien huwa ddefenda l-interessi ta’ għadd ta’ ħaddiema quddiem bordijiet ta’ dixxiplina kif ukoll ħa ħsieb li jħarreġ Shop Stewards u rappreżentanti tal-ħaddiema fil-ħiliet ta’ negozjar u rappreżentanza.

Fl-2005 huwa kien magħżul mill-Kunsill Nazzjonali biex iservi fit-Taqsima Ospitalità u Ikel, liema kariga baqa’ jokkupa sakem fl-2011 huwa inħatar Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi.

F’Jannar tal-2014, waqt Konferenza Nazzjonali Straordinarja, Bugeja kien elett bħala Deputat Segretarju Ġenerali. Kien f’Settembru tal-istess sena li huwa kien appuntat bħala Segretarju Ġenerali Deżinjat. Nhar it-8 ta’ Ottubru 2015 waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-GWU Josef Bugeja kien konfermat bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Preżentament Josef Bugeja jirrappreżenta lill-GWU f’diversi fora nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Huwa għandu Diploma fis-Social Policy and Labour Studies, Diploma Internazzjonali Avanzata fil-Business Management u Baċellerat fil-Works and Human Resources.