TOP


GWU

 Segretarji tat-Taqsimiet

Pawlu Bugeja

 

Segretarju Taqsima Metall u Kostruzzjoni

 

Mwieled fir-Rabat fl-1955, Pawlu Bugeja huwa artist speċjalizzat fid-disinn u l-inċiżjoni. Huwa ħa t-taħriġ tiegħu fil-qasam tal-arti fl-Accademia Pietro Vannucci f’Perugia, ġewwa l-Italja, fejn kiseb id-diplomi relatati fl-ispeċjalizzazzjoni tiegħu. Huwa ħadem fis-settur tat-tessuti fil-Belġju u wara kompla jaħdem f’dan is-settur ukoll f’Malta, sakemm fis-snin ta’ wara beda jaħdem fit-Tarzna ta’ Bormla. Hawn beda jinvolvi ruħu kemm fil-kumitati tal-ħaddiema kif ukoll fil-Kunsill tat-Tarzna. Fl-2004 inħatar bħala President tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni u tliet snin wara nħatar bħala Segretarju tal-istess Taqsima. Huwa membru attiv fis-Social Dialogue Ship Building/Repair kif ukoll fl-Eżekuttiv tal-BFBWW/EFBH.

email: pbugeja@gwu.org.mt

 


 

Charlie Galea

 

Segretarju Taqsima Professjonali, Finanzi u Servizzi

 

Imwieled fl-1965, Charlie Galea huwa min-Naxxar, miżżewweġ u għandu tliet itfal. Huwa beda l-karriera bankarja tiegħu bħala student fil-Bank of Valletta fl-1984, fejn kien assenjat f’diversi xogħlijiet kemm dawk dipartimentali kif ukoll fil-fergħat. Huwa kompla l-istudji tiegħu fil-qasam tal-informatika kif ukoll fil-Purchasing and Resourcing Management. Għal dawn l-aħħar disa’ snin huwa kien membru tal-Eżekuttiv tat-Taqsima fejn serva kemm bħala President kif ukoll bħala Assistent Segretarju. Galea serva wkoll bħal President tal-Kumitat tal-Ħaddiema tal-Bank of Valletta kif ukoll bħala membru ta’ Bordijiet ta’ Dixxiplina. Charlie Galea fil-ħin ħieles tiegħu huwa attiv fl-isport lokali tal-avjazzjoni u huwa wkoll pilota u sid ta’ ajruplan. Kien ukoll is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Piloti u Sidien ta’ Ajruplani.

email: cgalea@gwu.org.mt


 

Jeremy James Camilleri

 

Segretarju Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi

 

Imwieled fl-Mtarfa fl-1974 huwa daħal fid-dinja tax-xogħol meta fl-1992 ingħaqad bħala pustier mal-kumpanija Maltapost. Fl-1996 kien maħtur bħala rappreżentant tal-ħaddiema postali fil-GWU u aktar tard, fl-1998, kien maħtur bħala Shop Steward Ġenerali  kif ukoll membru tal-Eżekuttiv tat-Taqsima. Huwa baqa‘ jservi f’din il-kariga sal-2007 meta kien elett Assistent Segretarju tal-istess Taqsima kif ukoll biex ikun membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-GWU. Fl-2013 huwa kien appuntat bħala Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni. Kariga li baqa’ jokkupa sal-2015 meta kien elett bħala Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi. Gradwat fir-Relazzjonijiet Industrijali u bi sfond ġurnalistiku, Jeremy James Camilleri huwa impenjat f’diversi kampanji ta’ natura soċjali.

email: jcamilleri@gwu.org.mt 


Rita Dimech

 

Segretarju Taqsima Kimika u Enerġija

 

Imwieleda f'Settembru 1961, bdiet l-ewwel passi fid-dinja tax-xogħol bħala machine operator ma’ Shirasuna Ltd. Sussegwentament ħadmet ukoll bħala infermiera fl-isptar tal-Blue Sisters. Fl-1980 ingħaqdet ma’ Hob Electronics (kumpanija sussidjarja ta’ Playmobil Malta) bħala machine operator, u fl-1990 saret Quality Inspector. Sitt snin wara ngħaqdet mal-Playmobil Funpark bħala Sales Assistent u fi ftit saret Sales Representative. Wara xi żmien kienet promossa għall-kariga ta’ Administrative Coordinator. L-involment tagħha mal-GWU beda meta daħlet fid-dinja tax-xogħol lura fl-1978. F’temp ta’ tliet snin ġiet maħtura mill-kollegi tagħha bħala Shopsteward tal-GWU. Matul is-snin hija okkupat diversi karigi fil-GWU fosthom Assistent Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija, President tal-istess Taqsima kif ukoll membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-GWU. Rita Dimech tħobb il-qari, speċifikament bijografiji u l-ivvjaġġar.



email: rdimech@gwu.org.mt

David Darmanin

 

Segretarju Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni

 

Wara aktar minn 38 sena jaħdem mal-kumpanija De La Rue, fi Frar tal-2014 kien elett bħala Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni. Fl-età ta’ 56, miżżewweġ u missier ta’ tifel, qabel ma kien elett bħala Segretarju tat-Taqsima, Darmanin serva għal 28 sena bħala Shop Steward tal-ħaddiema tal-kumpanija fejn kien jaħdem. Tul dawn is-snin kollha David kellu l-opportunità li jservi kemm fuq l-Eżekuttiv tat-Taqsima kif ukoll fil-Kunsill Nazzjonali tal-GWU. Huwa dilettant kbir tal-karozzi antiki tant li fil-ħin ħieles tiegħu jieħu gost iżarma, isewwi u jarma fi ġdid dawn it-tip ta’ karozzi.

email: ddarmani@gwu.org.mt 


 

Sandro Vella

 

Segretarju Taqsima Marittima u Avjazzjoni

 

Wara li ssieħeb bħala membru tal-ekwipaġġ mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru AirMalta fl-1987, bejn l-1996 u l-2009 huwa serva bħala Segretarju tal-Union tal-Membri tal-Ekwipaġġ. Bħala Segretarju huwa kien responsabbli min-negozjar u ffirmar ta’ tliet ftehimi kollettivi kif ukoll mill-iffirmar tal-pjan ta’ għajnuna għal-linja tal-ajru tal-2007. Fl-2011 huwa ngħaqad mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jaħdem fuq Proġett Ewropew bl-isem ta’ Youth Employment Programme (YEP). Huwa ngħaqad mal-GWU f’Lulju tal-2014 bħala Assistent Segretarju tat-Taqasima Marittima u Avjazzjoni. Fl-età ta’ 48 sena, f’Lulju tal-2015, huwa kien nominat u maħtur bħala Segretarju tal-istess Taqsima.

email: svella@gwu.org.mt 


 

Kenny Muscat

 

Segretarju Taqsima Ospitalità u Ikel

 

Imwieled il-Ħamrun fl-1982, miżżewweġ u jgħix f’Ħaż-Żabbar, Kenny Muscat ħadem fis-settur tal-ospitalità b’mod temporanju waqt l-istudji terzjarji tiegħu. Wara l-istudji huwa kellu karriera fil-qasam ta’ Sales and Marketing. Beda jkun attiv fil-qasam trejdunjonistiku meta kien impjiegat mal-kumpanija General Soft Drinks fid-dipartiment tal-kontrol tal-kwalità. Kien hawn li huwa intgħażel mill-kollegi tiegħu biex ikun ir-rappreżentant tagħhom fil-GWU kif ukoll ir-Rappreżentant tas-Saħħa u Sigurtà fl-imsemmija kumpanija. F’dan il-perjodu huwa kien membru tal-Eżekuttiv tat-Taqsima. Wara li f’Ġunju tal-2014 ingħaqad mal-GWU bħala Assistent Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, kien f’Novembru tal-2015 li waqt konferenza straordinarja tat-Taqsima huwa kien maħtur Segretarju tat-Taqsima.

email: kmuscat@gwu.org.mt


 

Jason Deguara

 

Segretarju Internazzjonali

 

Wara li d-delegati fil-Konferenza Nazzjonali tal-2015 approvaw tibdil fl-istatut, Jason Deguara kien maħtur bħala l-ewwel Segretarju Internazzjonali tal-GWU. Aktar qabel, Deguara serva għal tmien snin bħala Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija. L-involviment ta’ Deguara fil-qasam trejdunjonistiku imur lura għal aktar minn 28 sena hekk kif huwa kien maħtur minn sħabu l-ħaddiema tal-kumpanija Playmobil Malta biex ikun ir-rappreżentant u x-ShopSteward tagħhom. Dawn is-snin servew biex hu jkun jista’ jifhem id-diffikultajiet lit a’ kuljum jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema. Fil-ħin ħieles tiegħu huwa jħobb isegwi l-logħob tal-futbol, jivjaġġa u jaqra.

email: jdeguara@gwu.org.mt


Anthony Busuttil

 

Segretarju Għaqda tal-Pensjonanti

 

Mwieled f’Jannar tal-1931, fl-età ta’ 15-il sena, huwa daħal jaħdem ma’ dik li kienet magħrufa bħala His Majesty Dockyard. Huwa beda l-apprentistat tiegħu fid-Dipartiment tal-Inġinerija. Fl-1977 il-Kunsill Nazjonali tal-GWU għażlu biex ikun is-Segretarju tat-Taqsima tal-Metall. Huwa baqa’ jokkupa din il-kariga sa ma rtira bl-età fl-1992. Fl-1981 huwa kien wieħed mill-fundaturi taċ-Ċentru għall-Iżvilupp u l-Parteċipazzjoni tal-Ħaddiema (WPDC) fl-Università ta’ Malta. Huwa serva għal diversi snin bħala membru tal-bord tat-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru u mal-irtirar tiegħu mid-dinja tax-xogħol huwa inħatar membru onorarju tal-istess bord.

email: pensioners@gwu.org.mt

 


 

Kendrick Bondin

 

Segretarju GWU Youths

 

Kendrick Bondin beda jaħdem mal-General Workers' Union bħala rappreżentant tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku u s-settur tas-saħħa. Fil-preżent huwa responsabbli mill-koordinazzjoni ta’ proġetti varji fi ħdan il-GWU. Fl-istess waqt hu jifforma parti mill-Kumitat tal-Ugwaljanza tal-GWU kif ukoll huwa membru tal-kunsill Malti tal-LGBTIQ. Huwa għandu Baċellerat fil-Komunikazzjonijiet u Filosofija, u bħalissa qed jistudja għall-Baċellerat fix-Xjenza Sportiva u Ħajja Attiva. Esperjenzi preċedenti ta’ xogħol u responsabbiltà jinkludu kariga ta’ Project Manager fi ħdan id-Diviżjoni tal-Koordinazzjoni tal-Ippjanar u Prijoritajiet u wkoll bħala Prinċipal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-interessi tiegħu jinkludu attivitajiet sportivi individwali, yoga, drittijiet umani u ċivili, kif ukoll interess fil-ħarsien tal-annimali u l-ambjent.

email: kbondin@gwu.org.mt