TOP


GWU

 

F’Marzu li ġej il-Kumitat Eżekuttiv tal-ETUC se jitlaqqa’ f’Malta



17012017

Wara ħidma intensiva u wara numru ta’ diskussjonijiet, f’Malta u fi Brussel, bejn il-General Workers’ Union u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), sar qbil biex bejn il-15 u s-16 ta’ Marzu li ġej f’pajjiżna jitlaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv ta’ din il-Konfederazzjoni. Din se tkun l-akbar attività ta’ organizzazzjonijiet mhux politiċi li se tkun qed iseħħ f’Malta, proprju fl-eqqel tal-perjodu li Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew. Għal dan il-Kumitat Eżekuttiv, li se jkun l-ewwel darba li jitlaqqa’ f’pajjiżna, huma mistennija li jattendu delegati mill-għaqdiet tal-ħaddiema kemm dawk li ġejjin minn pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea kif ukoll minn dawk li ma humiex. Ma’ dawn jingħaqdu wkoll delegati minn organizzazzjonijiet Ewropej oħra affiljati mal-ETUC kif ukoll, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jistqarr li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li f’dan il-perjodu daqstant importanti għall-pajjiżna, il-GWU – li hija membru fundatur tal-ETUC – irnexxielha tattira din il-laqgħa daqstant importanti għall-moviment trejdunjonistiku Ewropew. Laqgħa li se tkun qed tiddiskuti propju l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u rwol li għandu jkollhom it-trade unjins u l-ħaddiema fil-bini ta’ dan il-ġejjieni.