TOP


GWU

 

Ftehim kollettiv ġdid bejn il-GWU u l-GO



24062017

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-kumpanija GO. Ftehim li żgur se jagħti sodisfazzjoni iktar lill-ħaddiema b’kundizzjonijiet li jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.

Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU David Darmanin stqarr li dan il-ftehim kollettiv wasal wara perjodu twil ta’ negozjar. Huwa qal li jinsab sodisfatt li dan il-ftehim kollettiv ġie ffirmat u konkluż. Qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir kemm għalih u anke għall-Union il-fatt li dan il-ftehim, li kien ilu ma jiġi mġedded snin twal minħabba taqlib li kien hemm fil-kumpanija, irnexxielhom jikkonkluduh. Darmanin irringrazzja lix-shop stewards tal-kumpanija li ħadmu ħafna b’dedikazzjoni u b’lealtà u lill-membri li wrew il-fiduċja fil-GWU biex jiġi konkluż il-ftehim.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja faħħar ix-xogħol kbir li sar mis-Segretarju tat-Taqsima David Darmanin, mix-shop stewards u r-rapreżentanti kollha waqt in-negozjar tagħhom biex il-ħaddiema li jħossuhom parti mill-GO, ikomplu jikbru fl-istess kumpanija.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-GO Attila Keszeg qal li f’ġurnata hekk importanti xtaq jirringrazzja lix-shop stewards u lill-ħaddiema li ħadmu ħafna biex dan il-qbil, li ilu biex jiġġedded snin twal, issa huwa konkluż. Żied jgħid li l-kompetizzjoni qawwija ma’ kumpaniji oħra li joffru l-istess servizzi bħall-GO titlob li min iħaddem jara li l-impjegati jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet ta’ xogħol biex ikunu jistgħu jagħtu servizz eċċellenti lill-klijenti tal-kumpanija.