TOP


GWU

 

Il-GWU teżiġi li Lufthansa Technik tirrispetta l-ftehim kollettiv attwali



01072017

Il-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Kimika u Enerġija qed teżiġi mill-kumpanija Lufthansa Technik li din tirrispetta l-kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv attwali u ma timplimentax proċeduri li jmorru kontra dan l-istess ftehim kollettiv. Il-GWU tħoss li l-attitudni tal-kumpanija li ddaħħal proċeduri mingħajr ma huma diskussi jew maqbula magħha jikkostitwixxi ksur tal-ftehim kollettiv kif ukoll nuqqas ta’ rispett fil-konfront tal-ħaddiema tal-istess kumpanija.

Il-kwistjoni hija dwar il-kumpens ta’ kuljum li l-kumpanija tagħti lill-impjegati tagħha li jkunu intbagħtu fuq xogħol barra l-pajjiż. Fil-preżent il-ftehim kollettiv, li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwaru wara li ilu ħames snin li skada, jistipola b’mod ċar kemm għandu jkun dan il-kumpens. Fil-fatt din il-klawsola ilha fis-seħħ – wara qbil li kien intlaħaq – għal dawn l-aħħar għaxar snin. Biss id-deċiżjoni arbitrarja tal-kumpanija li timplimenta proċeduri ġodda li jirregolaw dan il-kumpens wasslet biex il-kumpens f’ħafna mill-każi jitnaqqas bi kważi 50%.
Il-GWU ssostni li huwa inaċċettabbli li mingħajr ebda konsultazzjoni l-kumpanija taqbad u tiddeċiedi li tnaqqas l-kumpens li tagħti lil ħaddiema, meta dan huwa stabbilit b’mod ċar bil-ftehim kollettiv. Attitudni bħal din min-naħa tal-kumpanija timmina r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat, u twassal għal tnaqqis tal-fiduċja tal-ħaddiema fil-kumpanija, tant li f’dawn l-aħħar tlett snin kien hemm madwar 15% tal-ħaddiema li taw ir-riżenja mill-impjieg. Għaldaqstant il-GWU qed tagħmilha ċara li jekk il-kumpanija tonqos li tirtira din id-deċiżjoni, mhu se jkollha l-ebda triq oħra ħlief li tieħu dawk l-azzjonijiet kollha permessi mil-liġi biex tiddefendi l-interessi tal-ħaddiema u l-imsieħba tagħha fil-Lufthansa Technik.