|
1/26/2012
|
|
Michael Parnis
|
|
Dep. Secretary General
|
Print
|
Illum jittieħed vot
fil-Parlament! Diskussjoni ilha għaddejja ġimgħat sħaħ u llejla mhu se jiġri
xejn biex din id-diskussjoni tieqaf. Il-vot tal-lejla jista’ biss jagħti
indikazzjoni ta’ x’se jiġri u xejn aktar. Finalment huwa l-Prim Ministru li
jieħu deċiżjoni finali.
Nista’ nimmaġina mill-liema
inkwiet għaddej il-Prim Ministru iżda nemmen li ma jistax iħalli din
l-inċertezza li hawn fil-pajjiż. Kollox jindika li resqin lejn elezzjoni
mingħajr ma għandna data fissa. Ħafna mid-dipartimenti u ministeri jidher li
qegħdin jaħdmu biss fuq l-elezzjoni. L-appuntamenti għal-laqgħat ma diriġenti
saru diffiċli ħafna u mhux qegħdin isiru passi ’l quddiem. Dan hu l-effett li
jħalli meta wieħed ikun qed jistenna elezzjoni. Ħafna mill-ħaddiema li semmejt
ikunu aktar moħħhom kif il-Ministru se jerġa’ jiġi elett milli dak li jista’ jiġri
fil-kumplament ta’ Malta.
Aktar ma din is-saga
tintemm malajr, aktar inkunu nistgħu nkomplu b’xogħolna. L-elezzjoni tiġi u
tmur iżda mill-għada aħna fil-GWU, bħall-kumplament ta’ Malta, irridu nerġgħu
nidħlu għax-xogħol. Għalhekk kull ġurnata li tgħaddi tfisser aktar stennija
għad-data. Nispera li l-Prim Ministru jifhem din is-sitwazzjoni (m’għandix
dubbju li jaf eżatt x’qed jiġri) u mingħajr ebda dewmien iħabbar id-data.
Inutli f’dan l-istadju noqogħdu nisimgħu diskorsi u attakki. Mhux żmien li noqogħdu
nisimgħu x’għamel il-Gvern matul dawn l-aħħar erba’ snin. Il-kwistjoni hi
n-nuqqas ta’ appoġġ li qed jagħti wieħed mill-membri eletti mill-PN
fil-Parlament. Il-kwistjoni mhix il-PL jew il-mexxej tiegħu, iżda
n-nuqqasijiet li elenka l-Onor. Franco Debono u n-nuqqas ta’ fiduċja li għandu
fil-Prim Ministru u membri oħrajn tal-Kabinett. Dawn huma l-kwistjonijiet li
għandhom jiġu indirizzati u xejn aktar. Personalment ma kontx naqbel li l-PL
iressaq vot ta’ sfiduċja fil-Gvern imma kif qegħdin jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi,
nammetti li kont żbaljat. Aktar ma din il-kwistjoni tinqata’ malajr, aħjar għal
kulħadd.
Matul dawn l-aħħar ġranet
kont qed insegwi ftit il-ġirja biex jinħatar kanditat li għandu jisfida lil
Barak Obama fl-elezzjonijiet li daqt isiru fl-Istati Uniti. Fl-ewwel jiem
l-attakki tal-kontestanti mill-istess Partit Repubblikan kienu ffokati fuq
l-istess Obama, iżda wara ftit daru u l-attakki bdew isiru fuq il-kandidati
infushom. Fil-fatt kont ftit sospriż meta bdew jattakkaw lil Obama personali
għax hu m’għandu x’jaqsam xejn mal-ġirja bejniethom. Ara kieku l-attakki kienu
dwar il-politika tiegħu u dak li huma se jagħmlu biex ikunu aħjar, hekk kont
nifhem, iżda li tattakka personali ma nifhimha qatt. F’Malta qed isir hekk
eżatt. Din il-ġimgħa smajt lill-Prim Ministru jgħid li l-problema mhix Franco
Debono iżda Joe Muscat, anzi lill-ġurnalisti qalilhom “intom tistaqsuni dwar
Franco u jien nistaqsikom dwar Joe Muscat”. Ħakkejt ftit rasi meta smajt dan
il-kliem. Ma nistax nifhem kif il-PM qed jitkellem hekk. Ma jistax ikompli
jitfa’ t-trab taħt it-tapit qisu mhu qed jigri xejn. Ma jistax juri mod u
jagħmel ieħor. Minn PM nistennew direzzjoni u mhux devjar.
Illum jiġi u jmur iżda
għada filgħodu se terġa’ tqum il-mistoqsija meta se ssir din l-imbierka
elezzjoni? Id-data biss tista toħroġ dan il-pajjiż mil-limbu li waqa’ fih.
Nispera li l-PM jifhem li ż-żmien tal-logħob spiċċa u issa wasal iż-żmien
tas-serjetà.