Articles

‘Notice Board’

1/15/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General
Print


 

Normalment in-‘Notice Boards’ jintużaw biex fuqhom jitpoġġew xi avviżi li xi organizzazzjoni jew individwi jkunu jixtiequ jwasslu. Ħafna drabi jkunu magħluqin bil-ħġieġ u ma tkunx tista’ tidħol ġewwa biex tbiddel dak li jkun hemm. Anke jekk ma jkunux magħluqin ma tkunx tista’ tbiddel il-kontenut ta’ dak li jkun hemm miktub, tista’ biss tirrispondi u tikkummenta, daqshekk biss.

Xi żmien ilu, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali kien ġie ttimbrat bħal ‘talking shop’ u saħansitra ‘ħanut tat-titotla’. Illum l-affarijiet huma ferm aktar gravi minn hekk. Illum għandna sitwazzjoni fejn jiġu njorati talbiet għal-laqgħat b’urġenza u fl-istess waqt joħroġ il-Prim Minsitru jgħid li dak li sar sar u ma hemmx x’wieħed ibiddel. Jien dejjem emmint, u hekk għadni llum li xogħol l-MCSED hu dak li janalizza suġġetti marbutin mal-ekonomija u l-qasam soċjali u wara, flimkien, jekk jista’ jkun bi qbil tingħata opinjoni lill-Gvern dwar l-istess suġġett. Jekk ma jiġrix hekk inkunu qegħdin naħlu l-ħin ta’ kulħadd. Kif nista’ niddiskuti xi ħaġa meta diġà hemm deċiżjoni? Kif nista’ nargumenta fuq xi ħaġa li ġiet implimentata qabel ma tlaqqa’ l-Kunsill? Kif nista’ jkolli fiduċja meta naf li dak kollu li se jsir, se jsir biss għall-konvenjenza? Għalfejn għandi mmur għal-laqgħa meta sempliċiment se niġi informat b’dak deċiż mill-Gvern?

Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li jiġu b’moħħ xi ħadd li jkun involut f’dawn il-laqgħat. Bħal ma jiġri dejjem f’Malta l-attakk idur fuq il-GWU u mhux fuq min qed jagħmel minn kollox biex jimmina d-djalogu soċjali. Tinsewx li fil-bidu ta’ Diċembru tas-sena l-oħra l-employers kienu ħarġu jgħajtu li jridu laqgħa urġenti tal-MCESD, il-GWU qablet ma’ din it-talba. Ftit wara sirna nafu li l-Ministru qiegħed jiltaqa’ ma’ diversi korpi iżda lilna qatt ma bgħat għalina. L-urġenza kollha spiċċat min-naħa tal-employers minkejja li f’laqgħat oħrajn li jkollna magħhom tgħidx kemm jibku u juru d-dwejjaq tagħhom magħna.

L-urġenza spiċċat ukoll għaliex min għamel l-ewwel talba ma kellu xejn ippreparat u ddeċidew li jikkummissjo- naw rapport. Min-naħa tagħna ridna li niddiskutu qabel ma l-poplu jiġi mgħobbi bil-piżijiet. Irrid infakkar ukoll li laqgħa li tlabna aħna flimkien mal-Forum tat-Trade Unions Maltin mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi wkoll ġiet rifjutata.

Issa wara aktar minn xagħar ġie deċiċ li ssir il-laqgħa tal-MCESD u l-Ministru ħareġ jgħid li se jkompli bid-diskussjonijiet. Deċiżjoni li diġà ttieħdet qabel għax fil-fatt il-Ministru kien diġà beda jitkellem mal-employers. Għall- ħaddiema u l-familji qal li hemm għotja ta’ flus ta’ darba iżda għas-snin li ġejjin xejn. Mela jekk il-piż hu kbir sas-sena d-dieħla nieħdu nifs żgħir u wara nifggħu lkoll flimkien.

Izda l-importanti li saret il-laqgħa tal-MCESD biex wara li noqogħdu naraw it-tabelli ta’ kif waslu għaż-żidiet, u nisimgħu l-Ministru jgħidilna kif se jkompli jiltaqa’ mal-employers, noħorġu ngħidu kemm il-laqgħa kienet produttiva.

Din hi sempliċi sistema kif tkisser il-ftit fiduċja li kien hemm. Sistema li timmina d-djalogu soċjali li tant kien isir ftaħir dwaru. Sistema ta’ ‘Notice Board’ fejn naqraw biss l-avviżi. L-uniku mezz kif wieħed jista’ jargumenta dwar l-affarijiet li jkun hemm fin-‘notice board’ huwa biss minn barra għax ġewwa kollox lest. Hekk eżatt se tagħmel il-GWU.



Dak li hu importanti għalik

Qegħdin fil-bidu ta’ sena oħra. Sena ġdida ġġib magħha tamiet ġodda. Biex wieħed jew waħda tasal għal twettiq ta’ dawn it-tamiet hu essenzjali li naraw fiex aħna.

Biex wiehed jiddeċiedi t-triq li għandu jieħu biex jasal f’post, irid ikun jaf fejn qiegħed. Dak hu l-iskop ta’ dan l-istħarriġ li jsir kull ġimgħa fost il-qarrejja ta’ l-orizzont. Dan jagħtina idea ta’ dak li jkunu għaddejjin minnu l-qarrejja u t-tamiet tagħhom. Fost l-aktar ħwejjeġ importanti li għandu l-bniedem żgur li nsibu l-impjieg li jkollu. Dan għaliex l-impjieg jiddetermina ħafna affarijiet. Jiddetermina mhux biss il-qagħda li int għandek fis-soċjetà, iżda wkoll id-dħul tiegħek.

Hu skont id-dħul li għandek li ssawwar l-istil tal-ħajja tiegħek u tal-familja tiegħek. Impjieg tajjeb jassiguralek mistrieħ tal-moħħ u jgħinek tippjana aħjar għall-futur. Impjieg prekarju jġib miegħu stil ta’ ħajja li tgħix għal-lum għaliex għada ma tafx x’se jġib. L-inċertezza qiegħda hemm il-ħin kollu, ma taqta’ xejn.

Is-suġġett ta’ din il-ġimgħa hu dwar dak li l-qarrejja tagħna jħossu li hu importanti dwar l-impjieg tagħhom. Il-mistoqsija ta’ din il-ġimgħa kienet:

Bħala ħaddiem, x’inhu l-aktar importanti għalik?

1 Żieda fil-paga 2.3%

2 Sigurtà tal-impjieg 65.15%

3 Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol 32.6%

Kummenti: It-tweġibiet li rċevejna juru li l-aktar importanti għall-qarrejja ta’ l-orizzont hu li jkollok sigurtà fl-impjieg tiegħek. Kien hemm ftit aktar minn 65% li jemmnu dan. It-tieni l-akbar grupp kien dak li jemmen li l-aktar importanti huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li l-iżgħar grupp (ftit aktar minn 2%) jemmnu li l-aktar importanti hi żieda fil-paga.

Jekk inħarsu lejn l-aħħar grupp għall-ewwel jista’ jkun li naħsbu li hemm xi ħaġa li ma ddoqqx speċjalment meta nafu li Malta dan l-aħħar snin kellna għoli tal-ħajja qawwi. Meta għandek għoli tal-ħajja, issib li l-ħaddiem ma tantx ikollu triq oħra ħlief li jitlob li jkollu żieda fil-paga. Biss dan jagħmlu sakemm l-impieg tiegħu jkun fis-sod. Għaliex jekk ikollok impjieg prekarju taf li kif titlob iż-żieda, l-ewwel ħaġa li tara hu l-bieb ta’ barra. Dan jagħti spjegazzjoni għaliex minkejja Malta dan l-aħħar kellha waħda mill-ogħla għoli tal-ħajja, xorta nsibu li ż-żidiet fil-pagi kienu l-iżgħar fl-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ gruppi l-oħra jipprovdu aktar spjegazzjoni. L-akbar grupp jindika li għandek sezzjoni mdaqqsa sew (madwar tnejn minn kull tliet persuni) li jħossu li l-aktar ħaġa importanti hi s-sigurtà tal-impjieg. Dan ifisser li dawn in-nies kollha llum ma jħossuhomx li għandhom moħħhom mistrieħ mill-impjieg tagħhom. Jidher li x’imkien, jista’ jkun ‘il bogħod jew ħafna aktar fil-viċin, dawn in-nies iħossu li l-impjieg tagħhom hu mdendel b’xi mod.

Dan hu indikazzjoni tal-ekonomija. Tajjeb li ngħidu li l-ħaddiema huma l-ewwel li jittendu kif tkun sejra l-ekonomija. M’għandhomx għalfejn joqogħdu jistennew l-istatistika. Jekk ħaddiem jaħdem fl-industrija, mal-ewwel jittendi meta l-ordnijiet jikbru jew meta l-ordnijiet jibdew jixxottaw. L-istess fis-settur tas-servizzi. Jekk nieħdu s-settur turistiku, il-ħaddiema ta’ lukanda mal-ewwel jittendu meta t-turisti jiżdiedu u meta jonqsu. Mill-perkaċċi li jingħataw jittendu wkoll bil-kwalità tat-turisti li nkunu qegħdin niġbdu lejn Malta.

It-tieni l-akbar grupp, dawk li jħossu li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma l-aktar importanti, ikompli jagħti spjegazzjoni ta’ dak li qed jiġri fis-suq tax-xogħol f’Malta. Dan il-grupp ilaħħaq għal madwar wieħed minn kull tliet persuni.

Dan il-grupp jitfgħalna dawl fuq l-impjiegi li hawn bħalissa fis-suq tax-xogħol. Jgħidilna li l-impjiegi li hawn bħalissa mhux qegħdin jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol. Statistika li ħarġet riċentament turi li madwar aktar minn terz tal-impjiegi llum huma partajm. Ngħiduha ċara li l-impjiegi partajm huma importanti fl-ekonomija għaliex għandek ċertu settur, bħal ġenituri li għandhom l-ulied, li impjieg partajm hu l-uniku impjieg li huma jkunu jistgħu jokkupaw. Iżda l-ammont kbir (35%) jindika li ħafna mill-impjiegi li llum qegħdin jinħolqu huma partajm.

Dan jagħti lok għal esplojtazzjoni tal-ħaddiema. Illum issib ħafna eżempji ta’ dan. Sa ftit taż-żmien ilu l-GWU kienet qiegħda turi t-tħassib tagħha li hemm ċerti setturi fejn dan it-tip ta’ impjieg jagħti lok għal abbużi. Kien issemma s-settur tas-sigurtà, fejn sid iwaqqaf tliet kumpaniji biex minflok iħaddem lill-ħaddiema fultajm iħaddimhom partajm fit-tliet kumpaniji.

Kien pass għaqli u importanti li l-GWU tkellmet u ġibdet l-attenzjoni sew tal-awtoritajiet u sew tal-pubbliku b’dawn l-impjiegi prekarji li qegħdin jinħolqu għaliex jirriflettu t-tħassib li għandhom ħafna ħaddiema llum.



Stharrig

Temmen li dan il-Gvern verament jemmen fid-djalogu socjali?

1. LE mhux vera jemmen

2. IVA jemmen

3. Xi kultant iva u xi kultant le



Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119