Articles

Il-qgħad

1/22/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General - International and Educ.
Print


 

Dawk bla xogħol f’pajjiż­na laħqu 7%. Skont sta­tistika maħ­ruġa mill-Eurostat, f’pajjiż­na wieħed minn kull 14-il persuna m’għand­homx impjieg. Din hi l-ogħla rata ta’ qgħad f’Malta għal dawn l-aħħar snin u kollox jindika li din ir-rata se tiż­died aktar matul din is-sena u se tilħaq is-7.5%. Dawn huma figuri inkwetanti u fl-opinjoni tiegħi ma tantx huma reali.

Filwaqt li nemmen li hemm nies li jirreġistraw għax-xogħol li mhux veru jridu jaħdmu u jagħmlu minn kollox biex ma jmorrux kull darba li jiġu offru­ti impjieg jew taħriġ, nemmen ukoll li hemm ħafna ħaddiema li m’għandhomx triq oħra għajr li jaċċettaw impjiegi b’kun­diz­z­jo­nijiet baxxi, xi kultant taħt dak li tipprovdi l-liġi biex ikollhom xi ħaġa tal-flus. Ħafna ħad­diema qegħdin jaċċettaw xogħ­ol prekarju u mhedda li jekk biss jitkellmu dwar trejdunjin isibu ruħhom barra. Smajt b’każ li għax ħaddiem staqsa jekk hemmx unjin f’post ġdid tax-xogħol tkeċċa l-għada.

Dan l-aħħar smajna b’ħaddie­ma li jingħataw paga minima permezz ta’ ċekk u hekk kif isarfu dan iċ-ċekk miżeru jagħtu lura €20 lill-‘employer’ tagħ­hom bħala ħlas talli jim­pjeg­hom. Bla dubju ma jingħatawx riċevuta iżda jekk xi ħadd jitkellem jew ma jħallasx jispiċċa barra. Każi fejn ħaddiema huma mħallsin bir-rata ta’ €3.50 is-siegħa jew inqas, meta il-paga minima hi €3.8. Ħaddie­ma li jingħataw impjieg partajm u jiġu mġiegħlin jaħdmu 60 siegħa. Ħaddiema li jingħataw l-overtajm u jitħallsu bis-siegħa siegħa jew saħansitra anqas. Stejjer simili ta’ ħaddiema ab­bu­żati kontinwament. Kull meta niġu ffaċċjati b’każi simili nistaqsu jekk iridux li aħna nitkellmu għalihom u r-risposta tkun mill-ewwel “le għax għall-inqas għandi impjieg u jekk naż­żarda nitkellem nitlef il-ftit li għandi u nerġa’ nispiċċa mingħajr impjieg.”

 

Min­­kejja dan xorta waħda ssib minn ikollu kuraġġ u jitkellem. Ħafna minn dawk li jersqu ’l quddiem jindunaw kemm kienu żbaljati li ma daħlux f’un­jin qabel. Ħafna jingħataw lura dak li jkunu tilfu jew insterqu.

Dan kollu ma jnaqqasx mir-res­­­pon­sabbiltajiet tal-Gvern li diversi drabi jkollu hu ukoll rapporti bħal ma jkollna aħna. Minkejja dan kollu diversi entitajiet pubbliċi jagħtu tenders lil min ikun jidher ċar li għandu xi ħaġa ħażina. Fl-opinjoni tiegħi m’għandniex noqogħdu sempliċiment fuq dak li jinkiteb fl-offerti, iżda l-Gvern qabel jagħti tender għandu jagħmel ċerti verifiki dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Dan għan­­du jssir mhux biss qabel it-tender iżda anke waqt li dak li qed jinħadem. Ħafna huma dawk li jieħdu offerti u wara jkeċċu ħaddiema u jim­pje­gaw oħrajn mingħajr ktieb tax-xogħol, b’kun­dizzjo­ni­jiet inqas mil-liġi jew ħaddiema barranin. Il-Gvern għandu jara kif joħloq ċertifikat għal diversi kumpaniji, mhux sempliċiment li dak li jkun kapaċi jieħu x-xogħol li għalih ikkwota, iżda anke ċer­tifi­kat dwar il-kundiz­zjo­nijiet tal-ħaddiema. Jekk hemm bżonn għandu anke jinvolvi lit-trejdunjin f’dan kollu. Mhux sew li f’pajjiżna, tant żgħir li kulħadd jaf lil kulħadd inħallu dawn l-oxxenitajiet iseħħu.

Kull meta nisma’ dwar ir-rata tal-qgħad jaqbadni tkexkif għax konvint li minbarra dawk l-eluf bla xogħol hemm eluf oħrajn li għandhom xogħol pre­karju li mhu xejn għajr skjavitù modern.

Min-naħa l-oħra nappella lill-ħaddiema li qegħdin jaħ­dmu b’dan il-mod biex jersqu għandna, m’hemmx għalxiex ħafna daqq ta’ trombi u llum tista’ anke tagħmel kuntatt magħ­na bl-Internet, aħna noffru għajnu­na u ħafna drabi soluzzjonijiet.

Anke dawk li dan l-aħ­ħar kienu mpjegati f’xi post tax-xogħol milli semmejt aktar ’il quddiem u tilfu l-impjieg tagħ­hom jistgħu jiġu għandna u flim­kien naraw x’nistgħu nagħ­m­lu. Nagħ­mel appell lil dawk li għad­hom ftit beżgħana milli jersqu lejn unjin, żommu kollox li hu bil-miktub għandkom. Dawn tafu tiġu bżonnhom biex tieħdu lura dak li serqulkom meta tagħm­lu kuraġġ u tersqu lejn il-GWU kif qegħdin jagħmlu l-eluf.



Id-djalogu soċjali

Kull soċjetà hi magħ­mula minn gruppi differenti – gruppi li ħafna drabi għandhom interessi differenti. In-nies kienu draw li l-aħjar metodu biex tmexxi l-interessi tiegħek hu li tin­għa­qad.

L-istess jiġri fil-qasam tax-xogħol fejn sew dawk li jħadd­mu u dawk li jaħdmu għandhom l-għaqdiet tagħhom biex imexxu sew l-interessi soċjali u sew dawk ekonomiċi. Dan isir f’kull post tax-xogħol fejn il-maniġment u l-unjin jin­ta­­qgħu biex jassiguraw li jkoll­na postijiet tax-xogħol li jaħ­dmu b’mod effiċjenti u bl-akbar profitt u min-naħa l-oħra fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu l-aħjar possibbli.

F’dinja aktar movimenta speċ­jalment fil-qasam ekono­mi­ku fejn dak li jiġri f’post, minkejja d-distanzi twal, ikollu effett fuq ħafna aktar postijiet oħrajn fid-dinja. F’tebqa t’għajn, hi l-ekonomija kollha li tkun trid tinbidel il-ħin kollu biex tilqa’ għat-tibdil fis-swieq internazzjonali li naħdmu fihom. Biex jintlaħaq dan l-għan, ikun importanti wkoll li l-Gvern tal-pajjiż ikun imdaħ­ħal ukoll biex il-politika tiegħu twassal għal aktar ġid mingħajr ma jkun hemm sfruttament tal-ħaddiema.

Id-djalogu soċjali għandu għeruq fondi f’Malta, fejn meta l-ekonomija kie­net tidde­pendi mis-servizzi In­gliżi, il-GWU dejjem ħasset il-bżonn li jkun hemm qsim ta’ ideat bejn­ha u bejn il-Gvern fuq l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Gvern In­gliż fuq l-ekono­mija Maltija.

Meta l-ekonomija tagħna żvi­luppat biex tinkludi sew il-qasam industrijali u sew il-qasam tas-servizzi speċjalment it-turiżmu, il-ħtieġa li jkun hemm djalogu bejn it-tliet sieħ­ba soċjali żdied. Fejn qabel dan kien isir b’mod informali, fid-disgħinijiet inħolqot struttura fejn dan seta’ jsir. Qegħ­din nirreferu għall-MCESD – il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

L-MCESD sar il-mekkaniż­mu li jintuża fuq livell nazzjo­nali biex isir id-djalogu soċjali. Tajjeb li ngħidu li d-djalolgu soċjali hu prinċipju bażiku sew għall-ILO – l-organizzaz­zjoni dinjija tax-xogħol u sew għall-UE. Dan għax dawn jem­mnu li aktar ma jkollok taħditiet għaddejjin bejn l-imsieħba soċjali aktar ikun jista’ jsir tibdil mgħaġġel fl-eko­nomija biex nil­qgħu għat-tibdil li jkun għad­dej fid-dinja.

Il-mistoqsija ta’ din il-ġim­għa hi dwar id-djalogu soċjali. Il-mistoqsija kienet: Temmen li l-Gvern ve­ra­ment jemmen fid-djalogu soċ­­jali?

1. Le, mhux vera jemmen 87%

2. Iva, jemmen 3%

3. Xi kultant iva u xi kultant le 10%

Kummenti: Il-maġġoranza kbira, kwazi disgħa minn kull għaxar qarrejja ta’ l-orizzont jem­m­nu li dan il-Gvern ma jemminx verament fid-djalogu soċjali. Kien hemm tlieta minn kull mitt qarrej li jemmnu li l-Gvern verament jemmen fid-djalolgu soċjali u wieħed minn kull għaxra jemmnu li xi kultant jemmen u xi kultant le.

Li 3%emm­nu li l-Gvern ve­ra­ment jemmen fid-djalogu soċ­­jali juri kemm għal ħafna nies din il-frażi ma saret tfis­ser xejn. Dan għax tant hi minoranza żgħira li kważi huma ftit li xejn li jemmnu dak li jin­t­qal sew mill-Gvern u sew minn gazzetti oħrajn fejn illum saret drawwa li wara kull laqgħa jkollna kummenti dwar kemm il-laqgħat qegħdin ikunu pro­dut­tivi. Kien ikun tajjeb għall-ħaddiema jekk min iħaddem jemmen f’dan it-tip ta’ produttività fuq il-post tax-xogħol għax il-ħaddiem kull ma jkun irid jagħ­mel hu li jisma’, jaqbel mal-‘employer’ u fl-istess ħin ma jagħmel xejn għax jgħid li ma jista’ jsir xejn. Hekk qed jagħ­mel il-Gvern fl-MCESD.

Min-naħa l-oħra hemm 10% li jemmnu li l-Gvern xi kultant jemmen fid-djalogu soċjali. Dan il-grupp probabbilment jif­takru li meta l-Gvern ikun irid xi ħaġa li ma tiddependix minnu jipprova jidħol fi djalogu soċjali. Ara meta, per eżempju, il-Gvern kien jinteressah li jkun hemm Patt Soċjali biex ikollu x’juri li kulħadd hu wara d-deċiżjonijiet tiegħu, hemm emmen fid-djalogu.

Iżda f’ħafna mill-okkaż­jo­ni­jiet l-oħrajn, speċjalment meta l-Gvern ikun diġà ddeċieda u beda jagħmel d-deċiżjonijiet tie­għu, hemm ma jkollniex bżonn djalogu soċjali. Hemm kull ma jkollna bżonn ‘notice board’ – bħalma ddeskriva taj­jeb is-Sur Michael Parnis. F’dawn l-okkażjonijiet issib li l-Gvern kull ma jagħmel hu li jġib lil xi ħadd biex joqgħod jispjega sew lill-‘employers’ u l-unjins li huma rappreżentati fuq l-MCESD kemm kienet għaq­lija d-deċiżjoni li jkun diġà ħa l-Gvern. Xi kultant lan­qas dan mhu biżżejjed għax il-Gvern ħafna drabi qed jip­pre­tendi li wara li jkun għabba lill-poplu b’xi piż kbir, l-unjins jgħidulu graz­zi.

Sintendi dawk li huma ppri­vileġġati, l-obbligi tagħhom iħallsuhom bis-skiet. X’hemm isbaħ milli toqgħod kwiet u minflok titkellem fuq il-problemi vera li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddie­ma u l-familji tagħhom titkellem fuq affarijiet oħrajn. Biex aktar toħroġ tajjeb, kull ma tkun trid tagħmel hu li thedded li se tieħu xi azzjoni fuq xi ħaġa oħra meta taf li minn dak li tkun qed tgħid ma jkollok l-ebda intenzjoni li tagħmel xi ħaġa minnu.

Iżda l-GWU ħadet pożiz­zjo­ni oħra. Pożizzjoni ċara. Hi lesta li tiddiskuti u lesta li tara l-ħaddiema jġorru sehemhom. Iżda mhix lesta li tgħabbi l-ħaddiema bil-piżijiet min­għajr l-ebda nifs. Mhix lesta li tieħu sehem f’din il-farsa li qiegħda issir biex ibella’ lin-nies li m’hemm xejn li jistgħu jagħ­mlu ħlief li jdaħħlu idejhom fil-but u jkomplu jħallsu għall-inefficjenzi li qed jippermetti l-Gvern filwaqt li jkomplu jnaqqsu milli jixtru bżonnijiet oħrajn.

Il-GWU ma marritx għall-aħ­ħar laqgħa li għalkemm qalu li kienet produttiva ħafna ma ħareġ xejn! Dan għamlitu biex turi li hi mhix sehem mill-farsa li qiegħda ssir biex ngħad­du ż-żmien bin-nies. Dan qed tagħmlu għax hi unjin serja.



Stharrig

Ix-xoghol prekarju hu forma ta' skjavit' modern?

1. IVA

2. LE

3. Gieli IVA gieli LE



Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119