Articles

L-uniformi

1/29/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General - International and Educ.
Print


 

L-uniformi tagħti status lil min jilbisha. Huma ħafna dawk il-ħaddiema li fil-qagħdi ta’ dmi­rijiet jeħtieġilhom jilbsu uniformi. L-uniformi tidentifika l-ġeneru tax-xogħol li jkollok u ħafna drabi tagħtik ċerti drittijiet li ħaddieħor ma jkollux. Immaġina kaptan ta’ ajruplan li jiġi għax-xogħol bix-xorts jew ġardinar bil-ġlekk, naħseb kieku taħ­seb li qiegħed fuq xi ‘candid camera’. Iżda minkejja kollox l-uniformi m’għan­dhiex tintuża b’abbuż u lanqas tnaqqas xi drittijiet. Fost l-aktar uniformijiet popolari hemm dawk li jilbsu l-pulizija, is-suldati u ħaddiema fil-protezzjoni ċivili. Biex nifhmu aħjar dawk hekk magħrufin bħala “tas-servizz”. Dawn il-persuni li huma ħad­diema bħali u bħalek huma mċaħ­ħdin minn diversi drittijiet li l-ħaddiema għandhom.

Wara dik l-uniformi hemm persuna umana li minkejja li forsi dik l-istess uniformi tagħtih ċerti drittijiet fl-istess waqt tnaqqaslu ħafna oħrajn. Dritt li joħroġ anke mill-kostituzzjoni ta’ pajjiżna hu d-dritt li tingħaqad fi trejdunjin. Dritt li l-ħaddiema kollha f’pajjiżna għandhom għajr għall-ħaddiema li semmejt aktar ’il fuq. Ħafna jinħbew wara il-fatt li jekk il-pulizija jingħaqdu fi trejdunjin dawn ikollhom id-dritt għal strajk. Din hi sempliċiment skuża komda biex dawk li jmexxu jaħarbu mir-responsabbiltajiet lejn dawn il-ħaddiema li xogħol primarjament hu li jservu lill-istat u liċ-ċittadin.

Ħafna jistaqsu, ”allura kif tista’ trejd­unjin tgħin lil dawn it-tip ta’ ħaddiema? Xi bżonnijiet għandhom dawn il-ħaddiema?” Ftit tax-xhur ilu grupp imdaqqas ta’ pulizija fetħu kaw­ża fil-Qorti biex jitħallsu tas-sagħra li għamlu xhur qabel. Ħad­mu sigħat aktar u ma tħallsux ta’ dan ix-xogħol u kellhom jirrikorru għall-Qorti biex jieħdu dak li hu tagħhom. Din mhix xi sitwazzjoni rari fis-settur privat u ħafna drabi fejn ħaddiema membri tagħna jilta­qgħu ma’ sitwazzjonijiet simili, is-segretarji tagħna jagħmlu rappre­żentaz­zjonijiet quddiem il-maniġment, diskussjoni madwar mejda u wara ftehim kif dawn il-ħlasijiet ikunu jistgħu isiru. Xejn ta’ barra minn hawn! Iżda mhux biss l-‘overtajm’ hu suġġett li dwaru persuna fis-servizz tista’ tin­għata għajnuna. Xi ngħidu għal ħafna każi fejn pulizija jiġu mġegħlin jaħ­dmu sigħat sħaħ mingħajr ‘break’, xiftijiet strambi u anke mingħajr ebda lbies protettiv. Il-ħinijiet tax-xogħol huma koperti bil-liġijiet ta’ pajjiżna u anke tal-Unjoni Ewropea iżda qajla xi ħadd jgħaddilu minn moħħu li dawn jiġu applikati fil-qasam tal-ħaddiem fis-servizz. “Addio working time directive!”

Xi ngħidu għas-suldati li jiġu mġegħlin joqgħod għal taħriġ, ħafna drabi perikoluż u jekk jiftħu ħalqhom jingħataw kastigi esaġerati. Nafu b’ka­żi fejn għax pulizija jagħmel xi ħaġa li forsi mhux mistennija ngħataw kastigi, saħansitra qtugħ fil-pagi bla ebda possibbiltà li jiddefendu ruħhom, ’l hekk imseħjin ’charges’. Xi ngħidu għall-mijiet ta’ trasferimenti li dawn jaqgħilu bla ebda konsiderazzjoni ta’ xejn. Xi drittijiet għandu pulizija jew suldat li jkollu xi ħadd jiddefendih? Il-Parlament tagħna għadu kif għadda avviż legali li jagħti dritt lil dawk li jkunu qegħdin jiġu interogati mill-pulizija għall-assis­ten­za ta’ avukat. Tgħid din tgħodd ukoll għall-istess pulizija?

Personalment nemmen bis-sħieħ li dawn it-tip ta’ ħaddiema għandhom jkollhom id-drittijiet kollha li tagħtik il-liġi. Għandu jkollhom id-dritt li jissieħbu fi trejdunjin li tkun tista’ titkellem f’isimhom mingħajr ebda biża ta’ xejn. Iva nemmen ukoll li m’għand­homx ikollhom dritt ta’ strajk iżda xi forma ta’ dritt ta’ azzjoni għandu jkoll­hom. Dan kollu jista’ jiġi biss jekk dawn jitħallew jingħaqdu fi trejdunjin u ma nibqgħux aktar indaħqu n-nies billi ngħidu li dawn għandhom assoċjazzjoni. Dak li hu tajjeb għall-kumplament tal-Ewropa għandu jkun tajjeb għal Malta wkoll. Ir-res­ponsabbiltà taqa’ kollha fuq il-Gvern. Il-GWU lesta tgħin lil dawk kollha li jersqu ’il quddiem u jingħaqdu membri. Fil-preżent l-ismijiet jibqgħu moħbijin sakemm il-Gvern jiċċaqlaq u jagħmel kuraġġ.



‘Cheap labour’

Tul is-snin l-unjins għam­lu minn kollox biex il-bniedem meta jkun ħaddiem jibqa’ xorta jkun stmat ta’ bnie­dem. Kien għalhekk li l-unjins jorganizzaw il-ħaddie­ma biex jiksbu l-kundiz­zjo­ni­jiet li jkunu xierqa għal xogħolhom. Kun­diz­zjonijiet li l-ħaddiema jkunu jistgħu jgħixu ta’ nies lill-familji tagħhom.

Min-naħa l-oħra kull negoz­ju, irid jara li hu jkun qiegħed jaħ­dem bl-aktar mod effiċjenti biex mhux biss isalva fid-dinja tas-suq, iżda jkab­bar il-profitti u l-azjenda stess. Aktar ma tkun ħarxa l-kom­­petizzjoni, aktar tkun qaw­wija l-ħeġġa biex l-azjenda taħ­dem b’mod effettiv.

Il-globilizzazzjoni ġabet magħ­­ha oppor­tunitajiet għax hu aktar faċli li tesporta u għal­hekk tkabbar is-suq tie­għek. Iżda dan ġab miegħu kompetiz­zjo­ni aktar ħarxa f’kull suq. Ilum mhux biss trid tikkompe­ti ma’ kumpaniji f’paj­­jiżek iżda trid tikkompeti ma’ kum­paniji oħrajn minn kull pajjiż. U f’dinja tas-suq, min hu l-aqwa jħawwel.

Din il-ġirja għal aktar effiċ­jen­za ġġib sforz biex tkun l-or­ħos. L-aktar for­mola faċli biex traħħas il-prodott tiegħ­ek hi li tnaq­qas l-ispejjeż. U l-aktar mod faċli biex tnaq­qas l-ispej­jeż hu li tnaqqas il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Nara kif nimpjega l-anqas ammont ta’ nies u nara wkoll li l-ispiża tal-pagi nnaqqashom kemm jista’ jkun. Kif għidna dan hu l-aktar mod faċli għax hemm modi oħrajn, ħafna drabi aktar effiċjenti, biex jien inkun kompetittiv.

Iżda l-aktar waħda faċli hi li noħloq sistemi ġodda ta’ impjiegi biex inħaddem il-ħaddiema b’anqas spiża. Din mhix xi ħaġa faċli biex tagħmilha speċjalment meta l-maġġoranza tal-ħaddiema kienu daqu minn kundizzjonijiet ta’ xogħ­ol tajbin. Żmien fejn il-ħad­diem kien isib post tax-xogħol li jħaddmu b’paga tajba, faċilitajiet tajbin, imdaħħal fid-deċiżjonijiet u fejn jista’ jaħdem mingħajr it-taqtigħ ta’ qalb li l-għada jista’ jispiċċa bla xogħol. Kundizzjo­nijiet li ġabu magħ­hom ġid għall-kumpaniji għax il-ħad­die­ma kienu aktar leali lejn il-kumpanija fejn jaħdmu.

Kien għalhekk li llum nu­żaw kliem li ġeneralment ifis­ser affarijiet tajbin iżda f’ċerti sensi għandu tifsira speċifika u qarsa. Waħda minn dawn il-kliem hi l-flessibbiltà. Kelma li hi tajba. Aktar ma tkun flessibbli aktar tkun tista’ tilqa’ għat-tibdil li jsir. Iżda llum din il-kel­ma ssib li fis-suq tax-xogħol hi ħafna drabi abbużata. Dan għax għal xi wħud din il-kelma tfisser li għandek tagħsar lill-ħaddiem u wara tar­mih bħal-lumija magħsura.

Forma komuni ta’ flessibbil­tà fis-suq tax-xogħol hi l-impjieg. Il-ġimgħa li għad­diet sem­mejna li llum għandna mad­war 35% tan-nies f’Malta li jaħdmu partajm. Fil-ġimgħat ta’ qabel semmejna wkoll kif il-ħaddiema qegħdin jiġu impje­gati f’forom oħrajn bħal kuntratti li mhux l-ewwel darba jpoġġu lill-ħaddiem f’pożiz­zjoni li jtellfuh ċertu drittijiet. Huma dawn il-forom ta’ xogħ­ol li huma prekarji u li jġorru l-agħar kundizzjonijiet tax-xogħ­ol.

Il-mistoqsija ta’ din il-ġim­għa kienet dwar dan is-suġġett:

Ix-xogħol prekarju hu forma ta’ skjavitù modern?

Naqbel 92.3%

Ma naqbilx 1.9%

Ġieli iva u ġieli le 5.8%



Kummenti: Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu huma tal-fehma li l-impjiegi prekar­ji huma forma ta’ skjavitù modern. Hemm ftit aktar minn 92% tal-qarrejja ta’ l-oriz­zont li jemmnu dan. Min-naħa l-oħra, l-iżgħar grupp kien dak li ma jemmnux li xogħol prekarju jwassal għal forma ta’ skja­vi­tù modern. Kien hemm madwar 2% li jemmnu dan. Il-grupp tan-nofs li jlaħħaq għal madwar 6% jemmnu li jsir xi kultant.

Jekk inħarsu lejn l-iżgħar grupp jista’ jkun li nsibu fih taħ­lita ta’ nies. Nies li verament jemmnu li din mhix forma ta’ skjavità. Dan għax skont dawn, tista’ ssib xogħol ieħor. Il-problema hi li min jirraġuna hekk ġeneralment mhux l-istess nies li jaħdmu f’dan ix-xogħol. Ħafna minn dawk li jaħdmu f’dak ix-xogħol jew kellhom xi xogħol ieħor u tilfuħ u dan l-unika xogħol li hemm, jew dawn huma nies mingħajr l-ebda sen­għa u għalhekk dan hu l-uniku xogħol li jgħodd għalihom. Il-grupp l-ieħor hu dak li sab ruħu f’dan ix-xogħol minn fuq il-bank tal-iskola. Dan l-aħħar grupp ma jafx mod ieħor u għalhekk jaħseb li dan hu l-unika forma ta’ xogħol li jeżisti.

Hemm il-grupp tan-nofs li jemmen li dan ix-xogħol mhux dejjem hu forma ta’ skjavitù. Dan għax jista’ jkun hemm grup­pi li din il-forma tgħodd għalihom. Dan speċjalment meta dan ix-xogħol ma jorbotx ħinijiet twal u speċifiċi ta’ kul­jum. Hemm min ikun irid jaħdem għal jumejn jew tlieta fil-ġimgħa u jaħdem għal xi sagħ­tejn jew tlieta. Għal dawn in-nies din il-forma ta’ xogħol toq­għod għalihom. Dan għax jista’ jkun li qegħdin jgħixu f’ċirkostanzi li jkunu jridu jduru b’xi ħadd id-dar. L-akbar grupp jemmen li din il-forma hi dejjem forma ta’ skjavitù modern. Dan għax jemmnu li minkejja l-forma ta’ xogħol, il-ħaddiema għandhom jitħallsu tajjeb barra li m’għandhomx jiġu mċaħħdin minn ċerti affarijiet bħall-ammont ta’ ‘sick leave’. Ir-ra­ġuni hi li kulħadd jimrad u hu f’dan iż-żmien li jkollok bżonn aktar flus f’idejk.

Il-kelma skjavità tista’ tinste­ma’ ħarxa ħafna għal ċertu nies. Biss jekk int tħares sew lejn is-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn in-nies, issib li mhux mod li jgħixu fih in-nies li għandhom xogħol prekarju jixbaħ ħafna dak li kien jinsab fiż-żmien tal-iskjavitù. Illum mhux se ssib l-arkuzin bil-frosta f’idu jsawwat lill-ħaddiema, iżda ssib l-arkuzin modern li liebes pulit iżda li jħaddmek aktar minn magna u kif tgħolli rasek ikeċċik. Peress li għal ħafna, dan ikun l-uniku xogħol li għandhom jispiċċaw biex ikollhom ibaxxu rashom u jaċċettaw kollox. Jekk wie­ħed iħares lejn dawn in-nies issib li ħafna minnhom għandhom ukoll problemi kbar id-dar, ħafna drabi ta’ mard. F’sit­wazzjonijiet bħal dawn m’għan­dek l-ebda triq oħra ħlief li taċċetta l-loqom li jagħtu għax jekk titlef dan, titlef l-unika forma ta’ għixien.

Il-GWU ilha tipponta lejn dawn il-forom ta’ xogħol u mingħajr l-ebda biża’ titkellem biex speċjalment l-awtoritajiet jieħdu l-passi u jaraw li x-xogħol hu għall-bniedem u mhux il-bniedem hu għax-xogħol. Dan għax il-GWU tem­men mod ieħor. Temmen li għandu jkun hemm flessibbiltà iżda din m’għand­hiex iġġib lill-ħaddiem skjav. Għalhekk li l-GWU f’kull ftehim kollettiv taċċetta l-flessibbiltà. Iżda dik li taċċetta hi flessibbiltà li tgħin il-kumpanija li tkun aktar produttiva min­għajr ma tgħa­kkes lill-ħaddiem.

Il-GWU mhix waħedha għax din hi l-għa­j­ta wkoll tal-unjins fl-Ew­ro­pa. Il-GWU bħala parti mill-ETUC, temmen li l-avvanzi li għandu jkun hemm fl-Ew­ropa għandhom ikunu b’tali mod li ssir aktar Ewropa Soċjali u mhux li tis­fru­tta lill-ħaddiem. Dak li tagħmel barra, il-GWU qiegħda tagħm­lu wkoll f’Malta. Il-GWU temmen li għandna jkollna xogħol li hu dehen għall-bniedem. Trid ukoll li nibnu ekono­mija fis-sod u mhux ekonomija taċ-‘cheap labour’.



Stharrig

Taqbel li l-pulizija u s-suldati ghandhom ikollhom dritt jissiehbu f'unjin?

1. Iva naqbel

2. Le ma naqbilx

3. Ma taghmilx differenza



Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119