|
2/4/2010
|
|
Tony Zarb
|
|
Secretary General
|
Print
|
Il-proposta li ħarġet biha l-GWU
l-ġimgħa l-oħra, dik li l-Pulizija, s-suldati u l-Membri tal-Protezzjoni
Ċivili, kif ukoll ħaddiema li jaħdmu f’korpi dixxiplinarji, eżempju l-Gwardjani
tal-Ħabs, jingħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin, ġiet milqugħa tajjeb ħafna
minn diversi membri tal-korpi dixxiplinarji. Dan ħareġ fiċ-ċar meta aħna
l-uffiċjali tal-GWU kellna ħafna messaġġi pożittivi, kemm permezz ta’ telefonati,
imejls u SMSs u anki kien hemm min bagħtilna ittri biex jifirħulna
għall-proposti li għamilna u wrew il-gratitudni tagħhom għal dak li għamilna
bħala GWU.
Bħala
GWU nħossu li dawn il-persuni li jaħdmu f’xi korp dixxiplinarju huma ħaddiema
daqs l-oħrajn u għaldaqstant, għandu jkollhom id-dritt li jissieħbu f’unjin.
Dan id-dritt joħroġ mill-istess Kostituzzjoni u għaldaqstant, m’għandux jiġi
mċaħħad. Tajjeb li wieħed jinnota wkoll li anki f’ħafna pajjiżi tal-Unjoni
Ewropea dan id-dritt huwa wieħed awtomatiku. Allura wieħed jistaqsi għaliex
f’Malta le, meta niftaħru tant li aħna nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea.
Is-seminar li sar mill-GWU, permezz tal-Fondazzjoni Reggie Miller
(il-Fondazzjoni Edukattiva tal-GWU) kien seminar ta’ interess kbir u proprju
waqt dan is-seminar li tħabbar li l-Partit Laburista jaqbel li l-ħaddiema li
jaħdmu f’korpi dixxiplinarji għandhom jingħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin.
Dan ifisser li, jekk dan se jiġi diskuss fil-Parlament, l-Oppożizzjoni se tkun
favur. Issa jmiss lill-Gvern li jiddikjara li anki hu jaqbel li jagħti d-dritt
ta’ sħubija f’unjin lill-ħaddiema li jaħdmu f’korpi dixxiplinarji u meta dan isir,
ma jkun hemm l-ebda diffikultà li l-kwistjoni tiġi diskussa fil-Parlament u
tinbidel il-liġi u tagħti d-dritt ta’ sħubija fl-unjin lil dawn il-ħaddiema.
Sintendi wieħed jifhem li għandu jkun hemm ċertu regolamenti speċifiċi u dan
għall-interess tas-sigurtà tal-pajjiż.
Bħala GWU nistgħu noffru ħafna lil dawn il-ħaddiema mhux biss lilhom bħala
ħaddiema iżda wkoll lill-familji tagħhom li anki dawn jistgħu jiggwadanjaw
mill-GWU.
Il-GWU tista’ tkun ta’ servizz għal dawn il-ħaddiema mhux biss fuq livell nazzjonali
iżda wkoll fuq livell internazzjonali, speċjalment fuq livell Ewropew.
Għaldaqstant, minn hawn nappella lill-Pulizija, lis-suldati, lill-Membri
tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Gwardjani tal-Ħabs u dawk kollha li jaħdmu f’xi
korp dixxiplinarju biex ma joqogħdux lura u jersqu lejn il-GWU biex bħala unjin
in-kunu ta’ servizz għalihom ukoll.
Messaġġ
Il-messaġġ tagħna llum imur lejn il-Gvern u nappellaw biex jitkellem mal-ħad-
diema u ma’ min iħaddem biex jiġi konxju mill-problemi kbar li kulħadd se
jħabbat wiċċu magħhom minħabba ż-żieda tat-tariffi tad-dawl u tal-ilma li se
jkunu ta’ detriment negattiv fuq kulħadd.