Articles

Servizzi! Għalfejn unjin?

2/5/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General
Print


 

Il-Gimgha l-oħra l-Fondaz­zjoni Reggie Miller organizzat seminar li matulu ddiskutejna jekk il-pulizija jew il-persuni fis-servizz għandhomx ikollhom il-unjin tagħhom. Kien seminar li qanqal interess kbir speċjalment fost il-persuni f’din il-kategorija. Il-ġimgħa li għaddiet ktibt ukoll dwar dan is-suġġett u l-istħarriġ li normalment nagħmel ma’ din il-paġna kien segwit sew, fil-fatt irċevejt numru rekord ta’ tweġibiet fost­hom mingħand ħafna pulizija, suldati u anke gwardjani tal-ħabs. Kollha fehma waħda li hemm bżonn unjin għal dawn in-nies.

Fl-istess seminar kellna diver­si kelliema, fosthom eks-pu­­lizija, Membri Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni, kelliema għall-GWU kif ukoll l-istess Kummissarju tal-Pulizija. Il-Ministru Mifsud Bonnici ħass li m’għandux jattendi u lanqas bagħat lil xi ħadd minfloku fost ħafna skużi. Nistqarr li ammirajt ħafna lill-Kummissarju tal-Pulizija, mhux biss għax għamel diskors tajjeb ħafna iżda kien preżenti għas-seminar kollu u ħa sehem ferm attiv fid-diskus­sjoni. Wera biċ-ċar li bħal kull maniġer ieħor ta’ kull entrapriża oħra f’Malta u nazzarda ngħid fid-dinja, jieħu ħsieb sew il-ħaddiema tiegħu, f’dan il-każ l-istess pulizija. Tkellem fit-tul dwar kemm tjiebu l-kun­dizzjonijiet tal-pulizija ma­tul dawn l-aħħar snin. Bħalu tkellmu wkoll persuni oħrajn fosthom eks-pulizija. Stqarr ukoll li l-pulizija f’pajjiżna għandhom l-assoċjazzjoni tagħhom li fost l-oħrajn taħdem qattiegħ għall-kundizzjonijiet aħjar għall-puli­zija.

 

It-tema tas-seminar kienet “Il-pulizija ħaddiema wkoll!” u aktar ma beda għaddej il-ħin aktar ikkonvinċejt lili nnifsi li dawn għandhom bżonn trejd unjin u ngħid ukoll malajr kemm jista’ jkun. Dan għall-fatt li minkejja l-kliem sabiħ li jsir nemmen li dawn il-ħaddiema m’għandhomx il-kundizzjonijiet li għandhom ħaddiema oħrajn f’pajjiżna. Waħda mill-argumenti li aħna fit-trejd unjins nisim­għu mingħand il-maniġers kull meta grupp ġdid ta’ ħaddiema jingħaqdu magħna tkun: “Il-ħaddiema tiegħi ma jonqoshom xejn, jistgħu jiġu għandi u jien nara kif nikkuntentahom. Jien irrid li jagħmlu dak li nixtieq u ma nixtieqx li jkun hemm minn jindaħal fix-xogħol tiegħi.” Dan il-kliem u kliem ieħor simili jfisser biss li dawn il-ħaddiema jkun jonqoshom xi ħaġa. Ma jkunux jistgħu jitkellmu u żgur li jkun hemm xi ħaġa moħbija wara. Normalment ikun hemm xi nuqqas hekk kif deskrit mill-liġijiet f’pajjiżna.

L-istess kummissarju tal-Pu­lizija kkompara l-ħaddiema ċivili tal-pulizija ma’ dawk bl-uniformi u stqarr li hu ferm aktar diffiċli taħdem ma’ dawn in-nies għas-sempliċi raġuni li kull meta titlobhom jagħmlu xi ħaġa dawn jgħidulek li dik mhix parti mill-‘list of duties’ tagħhom mentri ma jimmaġinax li pulizija jgħidlu dak il-kliem. Kien appuntu hawn fejn jien aktar ikkonvinċejt lili nnifsi li l-Pulizija m’humiex stmati bħal ħaddiema oħrajn. Skont il-liġijiet ta’ Malta ma tistax tisforza ħaddiem jagħmel xogħol li mhux imħallas għalih. Jekk il-pajżana jużaw dan l-argument sinjal li qegħdin jiġu mġegħlin jagħmlu xogħol li mhux tagħhom jew li mhux imħalsin għalih. Il-fatt li l-pulizija ma jużawx dan l-argument ma jfissirx li mhux qegħdin jiġu abbużati iżda jfisser biss li ma jistgħux jitkellmu għax għandhom dik l-imbierka uniformi u m’għandhomx unjin li ttihom vuċi.

Wara s-seminar kienu bosta dawk li resqu ‘l quddiem. Kienu ħafna dawk li għamlu kuntatt magħna. Il-Partit Laburista stqarr ċar u tond li hu jaqbel li l-pulizija għandu jkollhom id-dritt li jinagħqdu f’unjin. Ikun tajjeb inkunu nafu x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern. Tgħid l-iskużi kollha li nġiebu biex ma jkolniex rapreżentant tal-Gvern huma biss paraventu għall-pożizzjoni tagħhom.

Għamlu kuraġġ sħabi pulizija, suldati, membri tal-protezzjoni ċivili u kif ukoll gwardjani tal-ħabs, postkom fil-General Wor­kers’ Union ma’ ħaddiema oħ­­­rajn bħalkom.

Ħaddiema jew servi

Waħda mill-qabżiet soċjali kbar li għaddiet minnhom id-dinja kienet meta spiċċat is-sis­tema fewdali. Din kienet sistema fejn is-sid tal-art kien sid assolut. Fejn dawk li kienu jaħdmu kienu jridu jħallsu d-dieċmi lis-sid, baruni jew xi nobbli ieħor, li kważi kien jiddeċiedi kollox hu. Sistema fejn trid jew ma tridx ikollok taċċetta dak li jagħtik. Kienet sistema fejn ma kellniex ħaddiema iż­da servi.

Għalkemm illum għadna naraw xi karatteristiċi ta’ din is-sistema, il-qofol tagħha spiċ­ċa u tar. Il-ħaddiem sab il-libertà li jaħdem ma’ min irid. Sab li kien jaqbillu li jingħaqad ma’ ħaddiema oħrajn biex jassiguraw id-drittijiet tagħhom.

Il-unjins kienu strumentali biex il-ħaddiema jiksbu drittijiet kbar. Drittijiet li kienu jinkludu wkoll fost oħrajn id-dritt li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol fosthom il-pagi tagħhom, il-ħinijiet tax-xogħol u l-istess ħlas għall-istess xogħ­ol. Il-unjins ma ġabux biss drit­tijiet iżda wkoll ġustizzja mal-ħaddiema. Meta int ikollok unjin, din tara li ssir ġustizzja fis-sens li jekk ħaddiem jagħ­mel xi ħaġa ħażina, dan ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu. Barra minhekk unjin tara li l-kastig ikun skont il-ħtija.

Biss minn dejjem kien hemm gruppi li min jikkmanda kien jarahom li huma importanti wisq għalih biex jagħtihom ċerta drittijiet bażiċi fosthom li jistgħu jissieħbu f’għaqdiet li jkunu jridu fosthom unjins. Is-Sur Michael Parnis semma fost oħrajn il-pulizija u l-membri tal-armata. Dawn kienu dejjem meqjusin ta’ importanza kbira għal min jikkmanda pajjiż u għalhekk qatt ma tħallew li jorganizzaw lilhom infushom. Bar­ra dawn insibu gruppi oħ­rajn fosthom ukoll il-gwardjani tal-ħabs jew il-pumpiera tat-tifi tan-nar.

Illum il-mistoqsija hi dwar dawn il-gruppi. Hi dwar jekk wasalx iż-żmien li nerġgħu nagħtu ħarsa sew lejn dawn il-gruppi u naraw jekk għandniex nagħtuhom id-dritt tal-assoċjazzjoni. Il-mistoqsija kie­net:

Taqbel li l-pulizija u s-suldati għandhom ikollhom dritt jis­sieħbu f’unjin?

1. Iva naqbel – 100%

2. Le ma naqbilx

3. Ma tagħmilx differenza


Kummenti: It-tweġibiet li rċevejna kollha kienu jgħidu li jaqblu li dawn il-gruppi għan­d­hom ikollhom id-dritt li jissieħbu f’unjin. Dan ifisser li l-qarrejja ta’ l-orizzont jemmnu fid-dritt tal-assoċjazzjoni – dritt li llum hu meqjus bħala dritt fundamentali tal-bniedem. Dan għax ma jistax ikollok soċ­jetà demokratika fejn din iċċaħ­ħad gruppi minn drittijiet fos­t­hom id-dritt tal-assoċjazzjoni.

Jekk wieħed ma jaċċettax dan id-dritt għal grupp jew tnejn ftit wara ssib li bl-istess raġunament għandek iċċaħħad dan id-dritt lill-ħaddiema kol­lha. Kull min ma jaqbilx ma’ dan id-dritt jgħid li hemm ċerti gruppi li ma jistgħux jingħataw dan id-dritt għax jipperikolaw is-sigurtà tal-istat. Biss anki dan ir-raġunament ma jagħmilx sens.

Wie­ħed jis­taqsi jekk jien, bħala membru ta’ unjin, dan jagħmilni anqas ċittaddin serju, jagħmilni ċittaddin li ma naqdix dmiri jew ċittadin li ma tistax tafdani? Ma naħsibx u dan intwera kemm-il darba f’okkażjonijiet differenti. Jekk nieħdu l-gwer­ra, dan ifisser li jekk jien membru f’unjin jien anqas leali lejn pajjiżi jew li l-fatt li jien membru ma jħallinix naqdi dmiri? Jekk wieħed iħa­­res lejn l-istorja f’Malta jsib li l-GWU twiel­det fi żmien kritiku bħal dan.

Id-dritt ta’ assoċjazzjoni kien ġie aċċettat għax dawk in-nies li riedu li jissieħbu fil-GWU kienu diġà wrew tul il-gwerra l-lealtà tagħhom u wrew ukoll li minkejja l-periklu li ġġib magħha l-gwerra, kienu wettqu dmirhom b’ħeġġa u professjonalità. Għal­hekk ġie aċ­ċettat dan id-dritt dak iż-żmien u għalhekk għandu jiġi aċċettat dan id-dritt lil dawn il-gruppi.

Mhux id-dritt tal-azzjonijiet industrijali għandna nnaqqsu iżda għandna naraw li jinbnew strutturi li meta jkun hemm inkwiet industrijali, dan jista’ jiġi solvut b’mod effiċjenti sew għall-ħaddiema u sew għall-azjendi u għall-ekonomija.

Barra minhekk tajjeb li na­raw il-konsegwenzi ta’ dan l-argument bażwi. Jekk aħna ma nistgħux nagħtu dan id-dritt lill-pulizija jew lill-armata għaliex qegħdin jagħtu servizz essenzjali, allura għaliex nagħtu dan id-dritt lill-infermiera. U jekk inneħħu dan id-dritt lill-infermiera, għaliex għandna nagħtuh lil dawk li jnaddfu għaliex l-indafa hi essenzjali. U jekk nibqgħu sejrin hekk, insibu li ma nkunu nistgħu nagħtu dan id-dritt lill-eb­da ċittadin.

Kien għalhekk importanti li l-GWU qiegħda tagħti importanza biex dawn il-ħaddiema jingħataw dawn id-drittijiet bażiċi. Għaliex inkella nsibu li mhux ħaddiema għandna iżda servi, insibu li mhux soċjetà demokratika għan­dna, iżda soċjetà fewdali.

Stharrig

Taqbel li f'Malta qed jizdied il-faqar?

1. IVA. Naqbel
2. LE. Ma naqbilx
3. Kollox ghadu l-istess

Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119