Articles

Il-poplu qed iweġġa’

2/11/2010
Tony Zarb
Secretary General
Print


 

Bħalissa f’pajjiżna għaddejjin minn żminijiet diffiċli fejn hawn problemi kbar li sfortunatament il-poplu qiegħed iħabbat wiċċu magħhom, liema problemi qegħdin jolqtu ħażin lill-poplu inġenerali. Fost dawn il-problemi wieħed isib:

– Il-problema tat-tariffi l-ġodda tad-dawl u ilma u anki l-gass;

 

– Prezzijiet għoljin tal-mediċini u skarsezza tagħhom;

– Problema ta’ xogħol prekarju (kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri);

– Problema fl-isptarijiet (fuq quddiem nett il-listi ta’ stennija);

– Impjiegi mhedda;

– Problema psikoloġika u mentali minħabba l-problemi fil-pajjiż;

– Problema għax mhux ċar jekk is-servizzi tas-saħħa humiex se jibqgħu b’xejn;

– Problemi fil-qasam tal-ambjent;

– Il-faqar dejjem jikber (60,000 persuna fil-linja tal-faqar);

– Ħaddiema bla xogħol, kważi 8,000, u 12,000 ifittxu xogħol.

Quddiem dawn il-problemi kollha l-poplu qiegħed ibati. Il-poplu ma jistax jibqa’ sejjer hekk. Il-Gvern irid jifhem darba għal dejjem li ma jistax ikompli jittratta lill-poplu b’dan il-mod. Il-Gvern irid jifhem li ma jistax ikun li jkompli jagħlaq għajnejh quddiem dawn il-problemi serji. It-triq mhix waħda faċli, iżda hemm bżonn li kulħadd jiffaċċja l-verità tal-fatti.

Il-poplu jrid jifhem li quddiem sitwazzjoni bħal din irid jirreaġixxi u juri l-għadab u d-dwejjaq tiegħu għal din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Hemm bżonn li l-Gvern ikun jaf li l-poplu jinsab imdejjaq b’dawn il-problemi u, għaldaqstant, hija fir-responsabbiltà tiegħu li jara kif se jsolvi dawn il-problemi li qegħdin jifnu lill-istess poplu.

Min-naħa tiegħu l-ħaddiem għandu jiffaċċja dawn il-problemi b’solidarjetà sħiħa u bla ebda ekwivoku, għax l-għaqda tal-ħaddiema biss tista’ tkun biex ħafna mill-problemi jissolvew. Il-ħaddiem irid jinsa u jfieq malajr kemm jista’ jkun mill-marda li fnietu – dik tal-egoiżmu. Hemm bżonn li l-ħaddiema jkunu membri tal-unjin biex, bis-saħħa tagħha, niġġieldu kontra x-xogħol prekarju li dejjem qiegħed jikber bi sfruttament sħiħ fuq il-ħaddiema. Nappellaw lil dawk il-ħaddiema li qegħdin jiġu sfruttati bix-xogħol prekarju, jiġifieri b’kundizzjonijiet miżeri, biex jersqu lejna.

Issib min jgħidlek li l-problemi li jeżistu fil-pajjiż mhux tort tal-Gvern. Dawn huma nies li ħlief ifaħħru lill-Gvern ma jagħmlux anki jekk dak li jagħmel il-Gvern ikun ifisser li qiegħed jagħsar lill-poplu, kif fil-fatt qiegħed jiġri. Lil dawn ngħidulhom biex jitkellmu mal-poplu kif nagħmlu aħna biex ikunu jafu minn xiex għaddej l-istess poplu.

Fl-aħħar nett infakkru lill-poplu li huwa suprem fuq kulħadd u finalment, jekk dejjem il-poplu jrid, jiġri biss dak li jrid l-istess poplu.

Messagg

Il-messaġġ tagħna llum imur lejn l-Unjin tal-Għalliema, l-M.U.T. Filwaqt li nuru s-solidarjetà tagħna bħala GWU fil-kwistjoni li l-M.U.T. għandha mal-Gvern, nappellaw lill-Gvern biex isib is-soluzzjoni ġusta għal kulħadd.