Articles

Sikkina taqta’ minn żewġ naħat

2/15/2010
Geitu Mercieca
Dep. Sec. General - Admin & Sections
Print

 

Meta ġejt biex nikteb dan l-artiklu kelli ġlieda miegħi nnifsi, għax naf kemm hi iebsa l-ħajja ta’ min bħalna jieħu x-xoghol trejdunjunistiku b’mod professjonali. Bħala GWU, biex kemm jista’ jkun nassiguraw l-impjiegi tal-ħaddiema li jaħdmu magħna, bilfors kellna nidħlu anki f’servizzi/attivitajiet kummerċjali li jirrendu profitti.

Dan biex inkunu f’pożizzjoni li nħallsu l-pagi u noffru kundizzjonijiet oħra tajba lill-ħaddiema impjegati kemm fil-GWU kif ukoll fis-sussidjarji tagħha. Personalment, għax dejjem ħassejt li hemm konflitt, dejjem kont favur li x-xogħol trejdunjunistiku u dak maniġerjali fl-istess union għandhom b’mod professjonali u li jagħmel sens ikunu separati. Iżda prassi ta’ ’l fuq minn erbgħin sena mhux la kemm tibdilha, aktar u aktar f’ċirkostanzi ħafna aktar diffiċli milli qatt wieħed seta’ jsib biex ikun attwat ċertu tibdil.

L-impjieg, jew aħjar karriera – f’każ tal-uffiċjali eletti –f’organizzazzjoni trejdunjunistika bħall-GWU, teħtieġ sagrifiċċji kbar kemm minn hekk personali kif ukoll mill-familja u anki mill-ħbieb li jkollok. Dan xogħol li jekk ma tiddedikax ħafna ħin u enerġija għalih, aħjar ma tidħol xejn għalih mill-ewwel. Dan mhux impjieg bħall-oħrajn, jiġifieri b’ħinijiet fissi, iżda servizz ta’ 24 siegħa.

Barra minn hekk, huwa xogħol intensiv, dinamiku u li jirrikjedi bosta enerġija u konċentrazzjoni. Għax ngħidha kif inhi, l-uffiċjali tal-union ikunu qiegħdin jiddiskutu fuq impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol li mhux la kemm tikkonvinċi lil dawk li tirrappreżenta biex jaċċettaw dak li jġibulhom. Ix-xogħol trejdunjunistiku b’xi mod jirnexxilu jorbtok miegħu.

Dan sakemm int tibqa’ temmen li dak li qiegħda tagħmel qiegħda tagħmlu għax taf li hemm ħaddiema li ma jafux id-drittijiet tagħhom, hemm ħaddiema li għandhom bżonn gwida, hemm oħrajn li qiegħdin ikunu żgwidati, kif ukoll hemm dawk l-employers li ma jiddejqu xejn li mal-ewwel opportunità japprofittaw irwieħhom mill-ħaddiema ta’ taħthom.

Id-diffikultajiet varji fuq il-postijiet tax-xogħol huma dejjem frekwenti, anki meta d-dinja tax-xogħol tkun għaddejja fl-aqwa tagħha, aħseb u ara meta tkun għaddejja minn perjodu diffiċli bħalma qiegħdin ngħaddu f’dawn iż-żminijiet. Ħafna jgħidulna li ma jridux ikunu fiż-żarbun tagħna għax dejjem naqilgħuha, għax mhux pożizzjoni li tikkuntenta lil kulħadd.

Bħalma dejjem insostni, il-GWU hija organizzazzjoni kbira, hija istituzzjoni nazzjonali bi storja li tiżboq kull organizzazzjoni oħra fil-pajjiż u li biex setgħet tikber hekk kellha ma’ kull żmien matul is-snin tagħha, tkun leħen attiv b’kull mod biex twassal dak li jkun qed iweġġa’ l-ħaddiem u l-familja tiegħu. Twassal il-leħen tal-ħaddiem attiv jew tal-ħaddiem li jinsab mingħajr impjieg, iżda li xorta milqut mill-inġustizzja ta’ kif qed isir it-tqassim tal-ġid li l-pajjiż ikun qed jipproduċi.

Trid tibqa’ tħares u tipproteġi l-ħaddiem irtirat, għax kien grazzi għalih li l-pajjiż stagħna u mexa ’l quddiem. Mhux aċċettabbli li għax illum dan m’għadux b’saħħtu li jista’ jieqaf lill-istat, illum ikun maltrattat wara dawk is-snin twal jikkontribwixxi għall-pajjiż. Għall-GWU mhux sew li l-anzjan issa jrid iħallas għan-nuqqasijiet ta’ ħaddiehor li huwa irresponsabbli.

Għalhekk trid tkun il-GWU bil-mezzi kollha tagħha li tibqa’ tagħti wens lil kull klassi ta’ ħaddiema kemm jekk qiegħdin fis-saff ta’ faqar jew fil-klassi l-iktar baxxa, kif ukoll dawk li llum telgħu fil-klassi medja. Meta twaqqfet il-GWU din inħolqot bil-għan li torganizza lill-ħaddiema minn kull settur, biex iġib lil kulhadd miri komuni bħalma huma kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

Illum meta wieħed iħares lura, faċli jgħid li l-GWU setgħet għamlet aktar jew użat il-mezzi li kellha b’mod aħjar. Iżda f’kull żmien iċ-ċirkostanzi jkunu differenti milli wieħed jarahom illum u dan l-aspett jagħmel differenza sħiħa fil-ħsieb u fid-deċiżjoni li aħna bħala individwi konna nieħdu fiż-żminijiet differenti minn tal-lum. Jekk toqgħod taħseb, il-ħaddiem Malti mexa b’passi ta’ ġgant minn meta nġabar u twennes taħt il-ħarsien tal-GWU.

Mit-twelid tagħha l-GWU stinkat biex lill-ħaddiem tħarislu u ġġiblu l-aħjar kundizzjonijiet u pagi biex illum ulied il-ħaddiema setgħu jilħqu tobba, avukati, għalliema, maniġers, bankiera u nista’ nibqa’ nsemmi kull settur tax-xogħol li wlied il-ħaddiema qiegħdin fih.

Huwa fatt li jkun hawn min l-istejjer li jaqra fil-ġurnali tal-GWU, speċjalment dawk li jolqtu l-ħaddiema jew pos-tijiet tax-xogħol, jipprova japprofitta minn dak li jinkiteb għall-għanijiet personali tie-għu jew tal-organizzazzjoni li jieħdu ħsieb, għax l-għan aħħari jkun li jagħmel ħsara lill-GWU. Rapport fil-ġurnali bħall-Orizzont jew it-TORĊA fuq deċiżjoni li se jinġieb investiment, anki jekk dan se joħloq impjiegi ġodda, iżda li jista’ jolqot industrija eżistenti u telfien ta’ impjiegi, ikollok min iqisu bħala appoġġ mill-GWU biex il-ħaddiema jitkeċċew mill-impjieg.

Huwa fatt magħruf li l-ġurnali l-Orizzont u t-TORĊA meta bdew ikunu stampati, l-iskop ewlieni kien, li jkun hemm leħen b’messaġġ nazzjonali tal-GWU. Illum il-fatti juruna li l-poplu jrid ħafna aktar varjazzjoni milli jisma’ biss fuq il-ħidma trejdunjunistiku u l-politika tal-pajjiż. Fil-fatt il-ġurnali tal-GWU kellhom jimxu maż-żminijiet biex illum jinfurmaw dwar dak li jrid jisma’ l-poplu ġenerali, b’aktar aħbarijiet internazzjonali u lokali imma mhux wisq fuq il-ħidma trejdununistiku.

Ikolli nammetti li mhux kulħadd jemmen li l-ġurnali li jkunu stampati fl-Union Print huma mmexxija indipendentament u mhumiex taħt il-kontroll dirett tal-union. Ċertament, li bħala Istituzzjoni Nazzjonali l-GWU trid tkompli jkollha riżorsi b’saħħithom biex tkompli tagħti servizz fl-interess tal-ħaddiema, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ u l-familji tagħhom, u b’kull mod hekk se tibqa’ tagħmel.

Il-mewġ li kontinwament tħabbat wiċċha miegħu minn kull naħa ma jaqtgħalhiex qalbha għax il-GWU dejjem kienet baħri tajjeb li tiffaċċja kull maltemp, qawwi kemm ikun qawwi l-baħar! Hekk se tkompli tagħmel fiż-żmien li ġej.