|
2/18/2010
|
|
Tony Zarb
|
|
Secretary General
|
Print
|
L-Għaqda
Unions Maltin, li hi magħmulha mill-GWU u l-Forum Unions Maltin, fl-ewwel
attività tal-massa li qegħdin norganizzaw flimkien, qegħdin insejħu
lill-poplu biex, nhar il-Ħadd, 28 ta’ Frar, 2010, fit-3.30 p.m. niltaqgħu
l-Belt biex nagħmlu manifestazzjoni ta’ protesta kontra l-piżijiet kbar li se
jintefgħu fuq il-poplu biż-żieda tat-tariffi tad-dawl u tal-ilma.
Din il-protesta se ssir ftit żmien qabel il-Parlament jivvota dwar it-tariffi.
B’din il-protesta l-poplu jrid juri s-saħħa tiegħu u juri d-dwejjaq tiegħu
dwar is-sitwazzjoni li l-Gvern ġabu fiha.
Din hi opportunità tal-poplu li, minflok joqgħod igerger f’daru, juri biċ-ċar
li għall-poplu mhux aċċettabbli li l-Gvern ikompli għaddej qisu romblu minn
fuq l-istess poplu.
Bħala Għaqda Unions Maltin lesti li nkunu mhux wara l-poplu iżda quddiem il-poplu
biex niddefenduh mill-qagħda li jinsab fiha.
Nhar il-Ħadd, 28 ta’ Frar, post il-poplu hu l-Belt. Iva, hemm bżonn li l-poplu
jid-dedika sagħtejn mill-ħin tiegħu biex ikun hu li jipprotesta u juri
l-għadab tiegħu għall-mod kif qed jiġi trattat.
Din hi s-siegħa tal-poplu u issa sta għall-istess poplu jekk bis-serjetà jridx
juri s-saħħa tiegħu. Il-poplu jrid jiftakar li hu l-istess poplu li hu sovran
fuq kulħadd u finalment dak li jrid il-poplu għandu jseħħ.
Aħna bħala unjins nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet biex niddefendu lill-poplu
imma aħna rridu naraw jekk il-poplu mhux vera lest li bi ħġaru jwieġeb għal
kull sejħa li tista’ ssirlu. Nhar il-Ħadd, 28 ta’ Frar, fil-Belt hi okkażjoni
għall-poplu li jsemma’ leħnu.
Hu dritt demokratiku ta’ kull poplu li jsemma’ leħnu mit-toroq. Qed ngħid dan
għax issa nibdew nisimgħu lill-Gvern u l-alleati tiegħu, anke saħansitra xi
unjin, li jgħidu li mhux sew li l-poplu jitniżżel fit-toroq għax issir
il-ħsara, meta l-ħsara qiegħda ssir lill-istess poplu meta qed jiġi mgħobbi
b’piżijiet li ma jiflaħx.
Lill-poplu ngħidulu biex ma jagħtix kas dawn l-oqbra mbajda li minflok jaraw
kif jiddefendu lill-poplu jaraw kif se jaqtgħulu qalbu biex ma joħroġx
jipprotesta.
L-appell tagħna lill-poplu hu biex ma jħalli lil ħadd jaqtagħlu qalbu biex nhar
il-Ħadd, 28 ta’ Frar, joħroġ jipprotesta fil-Belt.
Hu dritt tal-poplu li jipprotesta u għalhekk nappellaw lill-ħaddiema,
pensjonanti u l-familji tagħhom, kif ukoll il-poplu inġenerali biex iżommu vojt
nhar il-Ħadd, 28 ta’ Frar, fit-3.30 p.m. biex niltaqgħu l-Belt u nuru s-saħħa
tal-poplu. Jekk inkunu flimkien kollox possibbli.
Jekk inkunu b’saħħitna ħadd u xejn mhu se jwaqqaf lill-poplu.
Kuraġġ Poplu – issa li għandek din l-opportunità li turi d-dwejjaq u t-tbatija
tiegħek m’għandekx titlef din l-okkażjoni.
Din se tkun okkażjoni li l-poplu qed jistenna. Din se tkun okkażjoni fejn leħen
il-poplu se jasal għand il-Gvern li, min-naħa tiegħu, għandu jagħti kas
għall-messaġġ tal-poplu.