|
2/19/2010
|
|
Michael Parnis
|
|
Dep. Secretary General - International and Educ.
|
Print
|
It-toroq
huma mezz kif l-unjins isemmgħu leħinhom. Mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema madwar
id-dinja kollha joħorġu fit-toroq biex iwasslu leħinhom, biex jipprotestaw u
biex juru l-pożizzjoni tagħhom. F’pajjiżna hekk ukoll ġara matul is-snin u hekk
se jibqa’ jiġri fiż-żminijiet li ġej. It-toroq kienu mezz kif uħud mill-unjins
Maltin, l-aktar il-GWU kif ukoll iż-żewġ partiti politiċi ewlenin għajtu
lis-segwaċi tagħhom biex fihom iwasslu l-messaġġ tagħhom. L-istorja tagħna hi
mimlija b’dawn l-attivitajiet. Kien hemm dawk li jibqgħu magħrufin ħafna fosthom
is-Sette Giugno meta l-poplu daħal il-Belt jipprotesta kontra ż-żieda fil-prezz
tal-ħobż, l-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April, 1958 meta l-poplu ħareġ bi ħġaru
kontra t-trattament tal-Gvern Ingliż u anke l-protesta kolossali kontra l-armi
nukleari. Kien hemm ukoll oħrajn li ma ġibdux folol kbar iżda xorta jibqgħu
msemmijin bħal dik meta numru ta’ nisa daħlu l-Belt bil-borom f’rashom u meta
numru ta’ studenti ntrabtu ma’ Kastilja. Żgur li mhux se nsemmi
d-dimostrazzjonijiet kollha għax kieku jkolli bżonn il-gazzetta kollha iżda
żgur li hemm uħud li jispikkaw kif naħseb li spikkat dik li kienet organizzata
bejn 20 unjin f’Diċembru tal-2008. Dik kienet dimostrazzjoni, protesta storika
bejn 20 unjin Maltija, fuq quddiem nett il-GWU, il-UĦM, is-CMTU, l-MUT u
l-Forum tat-Trade Unions.
Illum erġajna qegħdin ngħajtu lill-poplu, 12-il unjin li flimkien jifformaw
l-Għaqda Unions Maltin qegħdin isejħu lill-poplu mweġġa’ biex juri d-dwejjaq
tiegħu għal mod kif qed ikun trattat, għamilna stedina lil kulħadd u hemm min
diġà aċċetta l-istedina tagħna u hemm minn irrifjuta. Fil-GWU konna qegħdin
nistennew l-attakk fuqna. Konna qegħdin nistennew li l-attakki se jkunu mmirati
fuqna minkejja li din id-darba m’aħniex waħedna, kif konna nkunu qabel. Fost
l-attakki hemm dawk tal-partit fil-Gvern li fost l-oħrajn, għal raġunijiet
ovvji qed iżeffen fin-nofs il-Partiti Laburista. Iżda mhux biss il-Partit
fil-Gvern ħareġ bl-attakk, ħarġu wkoll il-UĦM u anke s-CMTU jew aħjar
il-mexxejja tagħhom. Ħaġa tal-iskantament dawn iż-żewġ unjins qegħdin jgħidulna
li bil-protesti fit-toroq innaffru l-kummerċ u ntellfu x-xogħol. Kemm jinbidlu
malajr l-ideat u ż-żminijiet! Ma naħsibx li nsew li 14-il xahar ilu kienu
magħna, spalla ma’ spalla jippoppaw sidirhom fil-protesta li konna għamilna
fil-Belt. X’inbidel minn dakinhar sal-lum? Għalfejn dakinhar kien tajjeb u llum
ħażin?
Ħa ngħidilkom jien x’inbidel. Dak in-nhar il-UĦM kellha nkwiet mal-Ministru
Gatt u riedet tieħu l-opportunità biex turi l-għadab tagħha. Jien kont preżenti
waqt il-laqgħa li saret Kastilja fejn fost l-oħrajn, waqt il-waqfiet li kien
qed ikollna bil-messaġġi ġejjin mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, permess
tal-messaġġier, uffiċjal għoli tal-UĦM, beda jinstema’ kliem fis-sens li “aħjar
naslu malajr għax il-Ministru Gatt kien imsiefer u jekk jiġu lura hu ma
naslux”. Kienet l-istess laqgħa fejn personalment dħalt bejn iż-żewg Gejtijiet
tal-UĦM u John Bencini tal-MUT meta kważi kienu se jħebbu għalih, kienet
l-istess laqgħa fejn Gejtu Vella pprova jħebb għal Geitu Mercieca u kienet
l-istess laqgħa fejn kulħadd fehem li għadna ma wasalniex għajr għall-UĦM.
Kienet laqgħa finta li saret wara oħra li kienet saret fis-satra tal-lejl,
laqgħa ‘rehearsal’ għal dik li suppost kellha ssir mal-unjins kollha flimkien.
Laqgħa madwar mejda li matulha deher l-animożità li ċerti persuna għandhom mhux
biss għalina tal-GWU imma għal dawk kollha li ma jaqblux magħhom.
Illum l-istess UĦM qiegħda tgħidilna li l-aħjar mezz kif insolvu l-problemi hu
madwar mejda. Jekk huma jemmnu f’dawn it-tip ta’ laqgħat finta aħna ma nemmnux.
Nemmnu fid-djalogu kostruttiv u ta’ veru iżda mhux it-tip li tikkonċerta l-UĦM.
Sakemm insibu din il-mejda ma jibqagħlna ebda triq oħra għajr dik tat-toroq,
togħġob jew ma togħġobx lill-UĦM. Fit-28 ta’ Frar postok magħna l-Belt.
Il-poplu mweġġa’.
Biex lehnek jinstema'
Id-demokrazija għandha r-regoli tagħha. Il-maġġoranza għandha dritt li tmexxi.
Iżda għandha dmir li tmexxi tajjeb u li min qed imexxi, imexxi b’mod ġust,
trasparenti u jkun kontabbli. F’demokrazija, min imexxi ma jistax imexxi b’mod
dittatorjali. Irid imexxi b’mod demokratiku. Jekk ma jagħmilx hekk ikun qed
joħloq dittatorjat tal-maġġoranza.
Id-demokrazija tagħti wkoll sew dmirijiet u sew drittijiet liċ-ċittadini
tagħha. Filwaqt li ċ-ċittadini għandhom dmir li jobdu r-regoli tal-pajjiż u
anki tad-demokrazija, għandhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom speċjalment f’dawk
il-positjiet u fil-ħinijiet li jkunu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Tul iż-żmien inħolqu ħafna affarijiet u metodi kif dan jista’ jsir. L-iżvilupp
tas-soċjetà ċivili hu mezz biex iċ-ċittadin ikun jista’ jwassal leħnu. Permezz
ta’ dawn l-għaqdiet iċ-ċittadin ikun jista’ jwassal leħnu fl-ogħla positijiet.
Inħolqu strutturi biex il-partijiet kollha tal-pajjiż ikunu jistgħu jiltaqgħu u
jiddiskutu qabel ma jiddeċiedu. Fost dawn insibu l-Parlament li hu l-ogħla
istituzzjoni għax jgħaddi l-liġijiet. Hemm strutturi bħall-MĊESD li suppost
qegħdin hemm biex isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha u tittieħed
deċiżjoni. Hemm il-gazzetti u l-midja biex tkompli twassal leħen iċ-ċittadin.
Jekk dawn ma jirnexxux, iċ- ċittadin għandu dritt li jipprotesta fit-toroq.
Dan hu dritt taċ-ċittadini f’kull demokrazija.
Iżda taħt l-iskuża ta’ effiċjenzi nħolqu metodi ġodda biex naqtgħu l-proċeduri
ta’ dawn l-istituzzjonijet. Fost dawn insibu li l-Parlament stess ta lill-Gvern
tal-ġurnata l-poter li jieħu ħafna deċiżjonijiet mingħajr il-bżonn li jersaq
quddiem il-Parlament. Għall-ewwel dawn żgur inħolqu b’intenzjonijiet tajba.
Iżda matul iż-żmien dawn saru jintużaw biex il-Gvern jgħaddi ħafna liġijiet
mingħajr l-ebda skrutinju. Struttura importanti bħall-MCESD illum saret biss
mezz ta’ informazzjoni lill-Imsieħba Soċjali.
Dawn l-affarijiet illum għandhom saħħa kbira u irnexxielhom joħonqu ħafna
mil-leħen iċ-ċittadin. Każ tipiku kienu ż-żidiet esaġerati fuq id-dawl u l-ilma
li reġgħu ġew imposti mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Jekk id-darba li
għaddiet ipprova jiġġustifika ż-żidiet li għamel, din id-darba l-arroganza
ħadet ir-riegni u bla ebda konsultazzjoni, diskussjoni jew b’xi għafsa tal-qalb
impona dawn it-tariffi.
F’sitwazzjoni bħal din it- 12-il unjin li mhux ippreferuti ħassew li
m’għandhomx triq oħra ħlief li jsejħu liċ-ċittadini fit-toroq biex jipprotestaw
kontra l-impożizzjoni mingħajr konsultazzjoni ta’ żidiet esaġerati li mhux
biss qegħdin jgħakksu lill-poplu iżda qegħdin jgħakksu lill-ekonomija mill-flus
li teħtieġ biex terġa’ tqum fuq saqajha u terġa’ toffri impjiegi u ġid
liċ-ċittadini kollha. Tajjeb li ngħidu li din l-istinazzjoni u ras iebsa
tal-Prim Ministru mhux biss qed tgħakkes liż-żgħir iżda wkoll lill-familji
tal-klassi tan-nofs li jaħdmu fil-kwiet u jirsistu biex itejbu l-qagħda
tal-familji tagħhom.
Din il-ġimgħa s-suġġett li għażilna hu dwar id-dritt li għandu l-poplu li
jinżel fit-toroq meta jsib li min qed imexxi b’mod arroganti u mingħajr l-ebda
għafsa tal-kuxjenza soċjali, jistina rasu u ma jagħtix widen għall-vuċi
taċ-ċittadini. Il-mistoqsija kienet:
Taħseb li reġa’ wasal iż-żmien li l-poplu jinżel fit-toroq?
1. IVA 96.8%
2. LE 0.0%
3.2% 3. Fi ftit taż-żmien ieħor
Kummenti: Aktar minn 96% tal-qarrejja ta’ l-orizzont iħossu li reġa’
wasal iż-żmien li jinżlu fit-toroq biex iwasslu leħinhom dwar iż-żidiet li
l-Prim Ministru taqqal lill-poplu bihom. Kif għidna, din id-darba, mingħajr
l-ebda rispett lejn il-kuxjenza soċjali, b’arroganza kbira u mingħajr l-ebda
konsultazzjoni l-Prim Ministru impona dawn il-piżijiet fuq iċ-ċittadini.
Dan il-grupp jemmen li reġa’ wasal iż-żmien li ninżlu fit-toroq biex insemmgħu
leħinna ħalli min qed imexxi jisma’ u forsi jagħti każ tal-uġigħ li qed
jikkawża. Tajjeb li nsemmgħu xi ftit minn dak li qed jingħad fit-toroq.
Ħafna min-nies huma skantati kif il-prezzijiet tal-enerġija reġgħu telgħu
filwaqt li l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt niżlu. Illum f’dan is-suq
f’Malta hemm monopolju mmexxi mill-Gvern. Kulħadd jaf li minkejja li l-Enemalta
suppost hi korporazzjoni u għalhekk l-indħil mill-Gvern hu mill-anqas
possibbli, id-deċiżjonijiet fuq il-prezziijet qegħdin isiru fil-ministeri u
mhux fil-Korporazzjoni. Il-konsumaturi qegħdin ikunu mġiegħla jħallsu
għall-ineffiċjenzi li bihom qed jitmexxa dan il-monopolju. Il-konsumaturi
qegħdin ikollhom iħallsu għall-pagi esaġerati ta’ min qed imexxi din
il-korporazzjoni.
Ħafna min-nies ma jistgħux jifhmu li waqt li ċ-ċittadini qegħdin ikollhom
iħallsu għal kollox, darba darbtejn, il-Prim Ministru jidher li hu aktar
interessat li jonfoq balal kbar ta’ euros biex ilesti l-proġett ta’ Putirjal
qabel l-elezzjoni li jmiss. Iċ-ċittadini ma jistgħux jifhmu fejn huma
l-prijoritajiet tal-Prim Ministru li lest li jfarrak l-ekonomija billi ma
jħallix flus fl-idejn in-nies biż-żieda li qed jimponi fit-tariffi tad-dawl u
l-ilma u fl-istess ħin nonfqu aktar minn €80,000,0 għal dan il-proġett li
jista’ jistenna. Ma tantx trid tħabbel rasek biex tittendi li l-Prim Ministru
aktar interessat li jipproteġi l-interessi elettorali tiegħu milli jagħti każ
li jkun hemm ġustizzja soċjali u l-flus li qegħdin iħallsu ċ-ċittadini jmorru
għaċ-ċittadini.
Hu għalhekk li ċ-ċittadini qegħdin iħossu l-bżonn li jingħaqdu mal-Għaqda
Unjins Maltin (ifformata mill-GWU u l-Forum Unjins Maltin) biex fit-28 ta’ Frar
jinżlu fit-toroq u b’mod dinjituż, jużaw id-dritt li għandhom f’demokrazija u
jsemmgħu leħinhom, forsi l-Prim Ministru jnaqqas l-istinazzjoni u jibda jisma’
l-vuċi tan-nies.
Stharrig
Ghalxiex tahseb li l-Ghaqda Unions Maltin qieghda tghajjat lill-poplu
fit-toroq?
1. Ghax il-poplu mwegga'
2. Ghax jemmnu fl-ghaqda
3. Ghax ghandhom il-poplu warajhom
4. Xi haga ohra
Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq
99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119