|
2/22/2010
|
|
Geitu Mercieca
|
|
|
Print
|
HUMA
għadd ta’ fatturi flimkien li jġegħluni nkompli nemfasizza fuq li huma ħafna,
dawk il-familji li qiegħdin jispiċċaw b’livell ta’ għajxien baxx u li hemm ċans
għalihom li dan ikompli jinżel. Jekk naraw kif it-tmexxija ta’ dan il-gvern
‘Kristjan’ li l-pajjiż għandu, u kif din qiegħda tinjora r-ruħ soċjali li
suppost tħaddan u, anzi, qiegħda tiddeċiedi b’mod, li tinjora d-diffikultajiet
li fihom qiegħdin jispiċċaw għadd ta’ familji, allura ngħid li huwa aktar minn
biżżejjed biex tispjega dak li qiegħdin iġarrbu.
Bosta deċiżjonijiet, b’mod partikolari fejn jidħlu l-fi-nanzi, li ttieħdu biex
il-gvern jipprova suppost jillapazza s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż,
komplew tefgħu eluf ta’ nies taħt jew viċin ħafna l-linja tal-faqar. Dan
filwaqt li oħrajn kellhom jieħdu miżuri estremi fuq l-istil ta’ ħajja li kienu
jgħixu.
Meta ngħid hekk, mhux qed infisser li l-familji qabel kienu jaħlu u issa m’għadhomx,
iżda li qabel kienu jirsistu biex jgħixu komdi u issa dan m’għadux possibbli.
Anzi llum, qed ikollhom jibqgħu lura wkoll minn affarijiet u servizzi
essenzjali. Ħafna huma l-ħaddiema li qed ikollhom jaċċettaw kollox biex jaħdmu.
Xi ħaġa li żgur qatt ma stennew li se jkollhom jgħaddu minnha issa, li aħna
membri tal-Unjoni Ewropea.
Ma’ kull min titkellem isemmilek id-diffikultajiet li fil-mument qed ikollu
jgħix bihom hu u l-familja. Iżda żgur li għall-ħaddiem l-aktar ħaġa serja hija
li għandu gvern maqtugħ mir-realtà. Gvern li għandu Prim Ministru li jieħu gost
jivvota bil-qalb favur dak li l-aktar li jweġġa’ lill-poplu. Aktar ma l-poplu
jurih li qiegħed iweġġa’; aktar il-gvern jieħu gost jirfes u jgħaffeġ fuq
il-feriti li għamillu hu stess. Huma ħafna l-ġrajjiet ta’ sof-ferenzi li
l-poplu qed imiss b’idejh aktar minn qatt qabel minħabba l-infiq u ħela bla
rażan mill-gvern.
Biżżejjed insemmu l-isptar li sewa mijiet ta’ miljuni mit-taxxi tal-poplu, iżda
li fi żmien ferm qasir diġà mhux jaqdi l-bżonnijiet tal-poplu. U dan ġej minn,
pereżempju, nuqqas ta’ sodod, li qiegħdin iħallu pazjenti minsija fuq
stretchers fil-kuriduri – dik dinjità!! Falliment komplet; anki fejn jidħlu
r-riżorsi umani li hemm bżonn. In-nuqqas ta’ riżorsi umani professjonali mhux xi
ħaġa li ġiet fuqna għall-għarrieda, iżda xi ħaġa li l-gvernijiet nazzjonalisti
ma ħasbux għaliha.
Forsi dan għamluh bi skop, għax il-politika tagħhom dejjem kienet li l-poplu ma
jinqediex mis-servizz pubbliku, biex hekk ma jkollux għażla oħra għajr li jinqeda
fil-privat, fejn ikollu jħallas għall-kura. “Xejn mhu b’xejn” dejjem kienet
l-għajta ta’ dan il-gvern. Taħt dan is-slogan dawk li ma jkollhomx jibqgħu
jittewbu. Ir-riforma fis-saħħa hija l-bidu tat-triq biex il-poplu jkollu jibda
jħallas għall-kura. Xi ħaġa oħra tal-mistħija hi fejn tidħol il-mediċina li
wieħed ikollu bżonn.
Biżżejjed ngħidu li min-ħabba cartel ‘uffiċjali’ li jeżisti f’pajjiżna,
il-pazjenti, speċjalment il-pensjonanti li għandhom bżonn il-mediċina,
f’pajjiżna jridu jħallsu anki sa tliet darbiet ogħla milli kieku jixtru din
il-medicina minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Anki mediċina li suppost
il-marid jeħodha mill-isptar b’xejn, isib li jispiċċa jkollu jmur jixtriha,
għax il-gvern mhux jaħżen.
Ma nistax ma nfakkarx li fi żmien, l-anzjani tagħna tant kienu komdi
bil-pensjoni li mhux l-ewwel darba li per-mezz tagħha anki setgħu jgħinu lil
uliedhom. Illum ħafna minnhom jixtiequ jig-dmu minkbejhom u jerġgħu jmorru
f’dawk iż-żminijiet, għax ħafna kienu l-bżonnijiet li f’dak il-perjodu ma kinux
iħallsu għalihom. Il-pensjonanti tagħna qiegħdin jispiċċaw jiftaqru, reġgħu ġew
għaż-żminijiet meta missirijiethom kien ikollhom jittallbu biex jieklu.
‘Il-melħ fuq il-ferita’, kif jgħidu, kienu ż-żidiet fit-tariffi tad-dawl u
l-ilma mħabbra ftit tal-ġimgħat ilu mill-Prim Ministru. Żieda li tat daqqa
kbira ’l isfel lil ħafna familji. Fil-fatt, din mhix xi ħaġa li l-poplu se
jirkupra minnha kif ġieb u laħaq. Is-sitwazzjoni ta’ dawk li diġà huma
mgħobbija se tkompli tiggrava, meta jibdew jirċievu l-kontijiet bir-rati
l-ġodda.
Aktar ħażina se tkun għal dawk li għax ma jkollhomx minfejn, u jħallsu tard,
allura issa dawn se jibdew jintlaqtu bit-taxxa imposta ta’ 6% fuq il-kont, u
dan kollu bil-barka tal-gvern fuq il-kontinjiet. Fuq kontijiet li l-qari
tagħhom ikun għadu stima, biex hekk il-gvern ikun ċert li jista’ jisloħ kemm
jista’ minn fuq il-familji, jistgħu jew ma jistgħux iħallsu. Ara lil dawk
l-uħud li mingħandhom il-Korporazzjoni Enemalta għandha tieħu eluf kbar,
il-kumpanija ġdida ARMS Ltd. mhijiex qiegħda tintaxxahom aktar, anzi bi ftehim
tħallihom iħallsu fuq perjodi twal ta’ xhur.
Iżda għall-kuntrarju d-daq-qiet fuq il-ħaddiema u l-familji huma kbar, iżda
l-prijorità tal-gvern preżenti mhux li jgħinhom, anzi hi biss kif se jkompli
jisloħ iż-żgħir u lill-klassi medja. Huma dawk biss li huma komdi u mhux
jintlaqtu mid-deċiżjonijiet irresponsabbli tal-gvern li ma jgergrux, infatti
jkomplu jappoġġjaw lil dan il-gvern ‘Kristjan’, li l-karità tiegħu lejn
il-batut hi li jkompli jitfagħlu l-piżijiet.
Il-poplu Malti hu wieħed mill-aktar li hu mgħobbi b’piżijiet u ntaxxat fl-UE.
Piżijiet kbar li ġejjin mit-tariffi għolja tad-dawl u l-ilma, tariffi li huma
l-aktar għolja milli qatt kienu. Fl-istess waqt għandna poplu nkwetat
mit-theddid għall-impjiegi, minn nuqqas ta’ dħul finanzjarju, aktar xogħol
prekarju, kif ukoll l-iskarsezzi ta’ mediċina fl-isptar u prezzijiet eseġerati
mill-ispiżeriji.
Ċertament li d-dwejjaq tal-poplu issa laħaq limitu bla qies u għalhekk żgur li
issa hu l-mument li fih il-poplu flimkien mal-Għaqda tal-Unions Maltin, Partiti
Politiċi, Membri Parlamentari, għaqdiet non-governattivi u oħrajn għandhom
iwasslu messaġġ lil dan il-gvern ‘bla kuxjenza soċjali’. Il-messaġġ għandu jkun
lill-gvern biex dan ibiddel ir-rotta li qabad u jneħħi l-arroganza tiegħu billi
jisma’ x’inhu jgħid il-poplu.
Hu dmir sagrosant li l-mem-bri parlamentari, speċjalment dawk fin-naħa
tal-gvern, eletti fl-interess tal-votanti li jtellgħuhom, li juru huma wkoll li
mhumiex se jaċċettaw li jkunu ntaxxati minħabba mismanagment tal-Enemalta u li
l-poplu m’għandux jibqa’ jbati. Għalhekk, il-mani-festazzjoni tat-28 ta’
Frar... Manifestazzjoni li se ssir biex il-poplu jkollu opportunità leġittima
jsemma’ leħnu fuq il-weġgħat li sallum il-gvern qed jinjora, minkejja li
m’għandux awtorità morali li jkompli jmexxih.