Articles

Tradiment

3/4/2010
Tony Zarb
Secretary General
Print


 

Nhar it-Tnejn fil-Parlament ġie mwettaq tra­diment lejn il-poplu meta d-Deputati Parlamentari tan-naħa tal-Gvern ivvotaw kontra mozzjoni li kienet intiża li tneħħi l-piżijiet tat-tariffi tad-dawl u tal-ilma minn fuq il-poplu. Bil-pożiz­zjoni li ħa l-Gvern fil-Parlament wera kemm hu Gvern insensittiv għal weġgħat tal-poplu, liema weġgħat qegħdin iħallu riperkussjonijiet kbar fuq l-istess poplu.

Il-Gvern ma semax l-għajta tal-poplu meta l-poplu, kemm ġurnata qabel kif ukoll nhar it-Tnejn stess, b’eluf kbar tie­għu wassal messaġġ ċar lill-Gvern li l-poplu hu muġugħ. Il-Gvern ma jistħoqqlux l-appoġġ tal-poplu meta huwa stess qed jinjora lill-istess poplu. Il-poplu ħaqqu ferm aħjar. Fuq kollox il-poplu kien imwiegħed qabel l-elezzjoni li mhux se jintefgħu piżijiet fuqu. Għaldaqstant il-poplu għandu jżomm responsabbli lil min ingannah. Il-Gvern ma jridx jifhem li bil-piżijiet li qed jitfa’ mhux biss qed jgħabbi lill-poplu iżda anki qed jhedded l-impjiegi.

Meta nhar it-Tnejn, flimkien ma’ sħabi, konna fil-Parlament insegwu d-dibattitu, staj­na naraw min huma dawk il-Membri Parlamentari li tkellmu kontra r-rieda tal-poplu. Stajna naraw dawk il-Membri Parlamentari li tkellmu favur il-poplu u anki meta wasal għall-vot stajna naraw min huma dawk il-Membri Parlamentari li ttradew lill-poplu meta, bil-vot tagħhom ħallew lill-poplu mgħobbi bil-piżijiet. Issa l-poplu jaf lil mingħandu jżomm responsabbli għall-piżijiet li ntefgħu fuqu. Dawn ġew jaqgħu u jqumu minn dawk il-pensjonanti li, biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ma jistgħux jixtru l-mediċina. Ġew jaqgħu u jqu­mu minn dawk in-nisa tad-dar li, biex iħallsu l-kontijiet, qegħdin iċaħħdu lill-uliedhom minn ħafna affarijiet anki saħansitra ma jagħtux ikel lit-tfal biex jieħduh l-iskola. Dawn ġew jaqgħu u jqumu minn dawk il-persuni li jinsabu bla xogħol u qegħdin ikollhom iħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

Tajjeb wieħed ifakkar li l-poplu qiegħed f’diffikultà biex iħallas il-kontijiet li għadhom mhux biż-żieda mill-1 ta’ Jannar, 2010, aħseb u ara kemm se jkun diffiċli għall-poplu meta jibdew jiġu l-kontijiet bit-tariffi l-ġodda li se jkunu ferm aktar ta’ piż minn dawk tal-lum.

F’dawn l-aħħar ġranet, aħna bħala unjins ħdimna bla waqfien biex nimmobilizzaw lill-poplu u hawn nixtieq nirringrazzja lill-poplu li wieġeb għas-sejħiet li għamillu, kemm nhar il-Ħadd kif ukoll nhar it-Tnejn. Dan għamilnieh minkejja attakki kbar kontra tagħna, anki attakki personali, liema attakki ġew min-naħa tal-Gvern u l-forċini tiegħu.

Messagg

GRAZZI POPLU U KURAĠĠ GĦAX M’HAWN ĦADD AKBAR MILL-POPLU