Articles

Poplu ngannat

3/7/2010
Geitu Mercieca
Print

 

Il-haddiema ħafna drabi jirċievu miżinfor-mazzjoni anke mingħand dawk li huma fid-dmir li jfittxu li jipproteġuhom. M’għandux ikun aċċettabbli għall-ħaddiema li mill-mex-xejja tagħhom jisimgħu kliem li normalment tisimgħu min-għand dawk li jieklu b’aktar minn ħalq wieħed. Anke b’sempliċi kliem li jingħad bħal ‘la l-prezz taż-żejt jogħla xi ħadd irid iħallas għalih’ u dak ix-xi ħadd hu jien, int u kull wieħed minna li bħala ħaddiema naqilgħuha u nikluha.

Huwa verament faċli li tagħmel stqarrijiet bħal dawn, iżda mexxej trejdunjunista partikolari li jippretendi li hu oraklu jrid jispjega u jgħid lill-poplu li dan qed ikollu jħallas aktar għall-ineffiċjenza, it-tmexxija ħażina tal-management, nuqqas ta’ investiment serju u li deċiżjonijiet fuq l-enerġija jittieħdu mingħajr pjan fit-tul għall-pajjiż kollu. Nuqqassijiet li jkollu jħallas għalihom il-poplu.

Ħadd mhu se jiċħad li bħal kull pajjiż ieħor, pajjiżna wkoll jintlaqat minn kull effett u deċiżjoni esterna li tittieħed. U, anzi, pajjiżna minħabba l-insularità tiegħu ħafna drabi jintlaqat ħafna agħar minn pajjiżi oħra li huma akbar u b’saħħithom ħafna aktar minna. Li ma jingħadx hu, li dawn l-effetti jkunu ġejjin minn deċiżjonjiet ta’ gvernijiet fejn minħabba l-politika neoliberali tagħhom, politika ta’ suq bla kontrolli ta’ xejn, fejn meta l-affarijiet ma jkunux sejrin sew, il-piżijiet dejjem jitfgħuhom fuq il-ħaddiema.

Bil-konsegwenza li l-ħad-diema jispiċċaw b’telfien ta’ mpjiegi, tnaqqis fil-pagi, tneħħija ta’ benefiċċji, telfien ta’ kura b’xejn u dak kollu li bih il-ħaddiem u l-familja tiegħu setgħu jgħixu aħjar. Ir-riżorsi tal-ġid naturali li hawn fid-dinja qiegħdin f’idejn il-ftit sinjuri, li biex ikomplu jistagħnew huma qiegħdin iħallu warajhom miljuni ta’ persuni, speċjalment f’pajjiżi tat-Tielet Dinja, ġo faqar li huwa verament diffiċli biex xi darba joħorgu minnu. L-istess qed jiġri f’pajjiżna fejn il-klassi medja qiegħda tkun sfruttata u qiegħda tkun hi li ġġorr aktar milli tiflaħ.

Madanakollu, ta’ min jgħid, li l-ħaddiema anke f’pajjiżna mhux jintebħu bil-qerq li din il-politika ġġib magħha. Il-ħaddiem Malti anke fostu għandu xi mexxejja, suppost trejdunjunisti, li għandu jkun ma jafux x’jiġifieri tbatija u xi tfisser li titlef ix-xogħol u ma jkollokx minfejn idawwar xi ħaġa għall-familja. Ma jafux lanqas is-sagrifiċċji li l-ġenituri jridu jagħmlu biex jagħtu edukazzjoni tajba lil uliedhom, l-ispejjeż li jridu jħallsu biex jagħtu l-aħjar ħajja lil uliedhom u d-diffikultajiet li jsaqqfu wiċċhom magħhom meta jkunu morda.

Dawn il-mexxejja bilfors ma jafux xi jfissru l-bżonnijiet tan-nies ordinarji, inkella ma jridux jifhmuhom għax huma qiegħdin komdi. Il-mod kif jaġixxu jwassluk li tibda temmen li l-interessi tagħhom huma aktar dawk personali, ċioè kif se jirnexxilhom jieħdu xi pożizzjoni jew kariga min-għand il-gvern tal-ġurnata.

Dawn is-suppost trejdunjunisti huma dak it-tip ta’ persuni li minflok li jfittxu li jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema, tal-pensjonanti u l-familji tagħhom kif suppost jagħmlu, aktar issibhom jitkellmu bl-istess leħen ta’ dawk li l-interessi u l-kilba tagħhom hi biex jiġġeneraw aktar profitti bla rażan.

Dawn messhom jifhmu li b’moviment trejdunjunistiku b’saħħtu u magħqud, huma l-ħaddiema, il-pensjonanti u dawk kollha li jitħallew lura, l-aktar li għandhom x’jirbħu. Attitudni kontrarja ta’ kull darba għal kull ma jagħmlu l-GWU u l-Forum mhux tgħin ħlief biex dak li jrid jimplimenta l-gvern isib il-kompliċià tiegħu kontra l-interessi tal-ħaddiema.

Kważi sena u nofs ilu l-istess gvern ukoll qabad u għolla t-tariffi tad-dawl u l-ilma għal livell li l-poplu Malti qatt ma ra bħalu. Dakinhar il-gvern seta’ kellu skuża, anke jekk tort tiegħu minħabba l-inkapaċità tiegħu fil-hedging, iżda seta’ jisħaq li barmil żejt kien kważi jiswa $150.

Dakinhar l-unions kollha

f’pajjiżna kienu qablu li jin-għaqdu u jinżlu jipprotestaw fit-toroq. Kulħadd qabel magħna għax irnexxielna bħala GWU nikkonvinċu lil dawn l-unions li ż-żidiet kienu se jġibu lil pajjiżna fi kriżi akbar kawża ta’ telfien ta’ impjiegi, kif ukoll tbatijiet lill-maġġoranza tal-familji bit-tnaqqis fil-livell ta’ għajxien tagħhom.

Dakinhar l-unions kollha emmnu li din id-deċiżjoni tal-gvern kienet se toħloq aktar problemi u piżijiet lill-familji, kif ukoll li se thedded l-investiment tant meħtieġ fl-industrija. U fil-bidu, magħqudin kif konna, verament stajna nġiegħlu l-gvern ibiddel il-pożizzjoni li ħa. Il-fatt li rnexxielna ningħaqdu ġiegħel lill-istess gvern jiddiskuti magħna u dan grazzi għal dik l-azzjoni storika li l-unions kollha konna ħadna flimkien fuq is-suġġeriment tal-GWU.

Dakinhar ukoll, il-poplu hu x’inhu l-kulur politiku tiegħu, seta’ ħareġ aktar rebbieħ kieku l-unions baqgħu magħqudin f’kull ħin billi l-piżijiet fuqu ma kinux jiġu f’daqqa u b’tant qilla. Iżda minħabba li mhux l-għanijiet tal-mexxejja kollha tal-unions huma ġenwini u lesti li jaħdmu fl-interess tal-ħaddiema kollha, kien hemm anke dak inhar x’uħud li jfittxu li jiddefendu l-interessi tal-gvern aktar milli tal-membri tagħhom.

Kien ċar l-atteġjament fil-laqgħat li kellna mal-Prim Ministru, tant li l-interessi partiġġjani ma ħallihomx jaħdmu b’mod ċar u ġust, biex b’hekk ikunu veru qiegħdin ifittxu li jiddefendu l-interessi ta’ dawk li huma jgħidu li kienu eletti biex imexxu, jiġifieri lill-ħaddiema f’kull strata ta’ livelli.

B’mod malinn u grazzi għall-manipulazzjoni min-naħa tal-medja li qatt ma kienet difensura tal-ħaddiema, lill-GWU jridu jgħajruha anke fuq il-ġid kollu li ħadmet għalih u ġabet fl-interess tal-ħaddiema iżda qatt ma niżlilhom tajjeb. Ippruvaw u sabu għajnuna minn persuni li aktar kapaċi jħaddmu l-kelma biex jgħidu kemm jaħdmu fl-interess tal-ħaddiema, iżda fir-realtà meta tfittex issib li f’qalbhom dawn l-interessi favur il-ħaddiema ma jeżistux.

Jekk hemm xi ħaġa li l-politika neoliberali rnexxielha tagħmel, żgur li kienet li rnexxielha ddaħħal egoiżmu u firda sfrenata fost il-ħaddiema. F’Malta minkejja s-suppost karatteristiċi tagħna, din il-politika sabet art għammiela anki bl-għajnuna ta’ xi trejdunjunisti indipendenti Kristjani.

Dawn faċli tagħrafhom, għax lill-ħaddiema jitilquh għal riħu meta l-aktar li għandu bżonn l-għaqda. Araw x’għamlu f’dawn l-aħħar snin u aktar tifhem l-ingann ta’ dawn il-persuni li jilbsu libsa tal-ħaruf.