Articles

L-irtirar

6/13/2010
Geitu Mercieca
Print

 

F’NUMRU ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bħall-Greċja u Franza erġajna qegħdin naraw numru ta’ protesti jkunu organizzati, partikolarment fuq il-kunċett li l-gvernijiet iridu jbiddlu b’liġijiet, l-etajiet tal-pensjoni. Fi Franza ftit tal-ġimgħat ilu madwar 400,000 persuna ħarġu fit-toroq jipprotestaw kontra l-pjani tal-gvern, fosthom dik li diġà semmejt.

Il-Kummissjoni Ewropea qegħda tissuġġerixxi li l-istati membri jaddottaw prattika fejn l-età tal-irtirar tkun b’mod, li persuna ma jagħmilx aktar minn terz ta’ ħajtu irtirat. Din tfisser li l-età li wieħed jirtira fil-futur, trid titla’ għal dik ta’ madwar 70 sena.

L-UE qegħda tieħu l-miżuri neċessarji, għax skont hi, l-età tal-irtirar hi waħda baxxa u mhux sostenibbli fil-maġġo-ranza tal-pajjiżi membri. F’paj-jiżna wkoll ittieħdu miżuri u l-ewwel fażi tal-liġi kienet emendata b’mod li għamlet li fis-snin li ġejjin wieħed se jibda jirtira ta’ 65 sena.

Fil-fatt fil-bidu tas-sena 2005, il-GWU kienet għamlet reazzjoni għall-White Paper, li kien ħareġ il-gvern dwar ir-riforma fil-pensjonijiet. Dak inhar, il-GWU kienet bdiet fuq quddiem b’dawn il-prinċipji, ‘Għin lilek innifsek, jekk tiflaħ u għin lill-Istat skont kemm tiflaħ, biex l-Istat jgħin lil min ma jiflaħx’.

Kliem li kienu u għadhom ifissru ħafna, iżda li forsi ma-tul is-snin aljenajna ruħna mit-tifsira vera tagħhom, jiġifieri, min jiflaħ jaħdem għandu jkollu kull opportunità li jagħmel dan u hekk anzi jkunu mgħejjuna aktar dawk li jeħtieġu l-għajnuna, għax ma jistgħux jibqgħu jaħdmu’.

Hija realtà demografika dik li qegħdin nesperjenzaw, ir-razzjonalità wara din il-problema huwa sempliċi – il-popolazzjoni li taħdem qiegħda tonqos, iżda l-kon-segwenzi ta’ dan huma kkum-plikati. Il-figuri demografiki magħrufa juru li se jkollna problema li b’xi mod jew ieħor irridu nsibu soluzzjoni għaliha.

Il-popolazzjoni qiegħda tixjieħ u l-problema tkompli taggrava tista’, għax fl-istess waqt, ir-rata ta’ twelid qiegħda dejjem tonqos aktar ma jgħaddi ż-żmien. Dan ifisser ukoll li l-ħaddiema li jħallsu l-bolla kulma jmur dejjem qegħdin jonqsu. Għalkemm mil-lat demografiku ftit jista’ jsir biex il-popolazzjoni ma tkomplix tixjieħ, mil-lat ta’ parteċipazzjoni fix-xogħol, hemm lok għal titjib qawwi.

Malta hi kwazi l-inqas paj-jiż fl-Ewropa li għandha rata ta’ parteċipazzjoni għolja fix-xogħol. L-akbar problema fil-pensjonijiet hi, li fis-snin li ġejjin ir-rata ta’ nies jaħdmu, maċ-ċittadini dipendenti fuq il-pensjoni, jiġifieri r-rata ta’ dawk li għandhom 61 sena ’l fuq, se tkun ħafna anqas mir-rata tal-lum.

Il-gvern f’pajjiżna jidher li jippreferi juża politika ta’ li jsolvi problemi għall-mument, aktar milli jfittex li jżomm ma’ politika li suppost jemmen fiha għat-tul. Kien għalhekk li l-GWU mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-gvern, li huwa stramb u mill-aktar kontradit-torju l-fatt, li l-gvern min-naħa għandu sfida, biex iżid r-rata ta’ parteċipazzjoni fix-xogħol, però mill-banda l-oħra qed ikun hu stess li jirrikorri għal skemi ta’ rtirar kmieni f’numru ta’ kumpaniji tal-gvern.

Hekk ġara fil-fatt fl-Air Malta u fil-Public Broadcasting Services, biex insemmi żewġ eżempji. Dan barra li hekk kompla jippersisti kemm is-sena l-oħra, kif ukoll din is-sena mal-ħaddiema tal-Malta Shipyards Ltd. Dawn it-tip ta’ skemi jwasslu skont il-Bank Ċentrali, biex il-labour supply minflok tiżdied, tiċkien.

Għaliex kif għedna kemm-il darba, kif se jwassal li l-gvern jikkonvinċi lill-poplu li riforma fil-pensjoni hi meħtieġa, meta mbagħad ikun hu stess li jħeġġeġ ħaddiema jitilqu mix-xogħol qabel l-età tal-irtirar. Veru wħud min dawn il-ħad-diema jkunu kapaċi jsibu xogħol ieħor, iżda l-argument mhux jekk dawk li jidħlu għall-Early Retirement Scheme, fejn fil-parti l-kbira jkunu ġejjin minn entitajiet tal-poplu, hux se jkomplu jaħdmu, iżda li issa qiegħda tidħol il-prattika li l-ħaddiema, anki fil-privat, qiegħdin jitolbuha wkoll din l-iskema.

Madanakollu, il-kumpaniji fil-privat ma jkunux lesti li joħorġu somom ta’ flus kbar.

Anki jekk tinstema’ kontra-dittorja, iżda aħna bħala union ma tantx inkunu favur politika ta’ rtirar kmien mix-xogħol. Fil-fatt tkun ferm diffiċli għalina biex nispjegaw u nikkonvinċu lill-ħaddiema (meta jirnexxielna) li somma flus mhix l-aħjar soluzzjoni għat-tul (long-term).

F’ċirkostanzi bħal dawn, il-gvern u sa ċertu punt anki diriġenti ta’ azjendi privati, imisshom jikkonsidraw stra-teġija ta’ diversifikazzjoni jew xi forma ta’ operazzjonijiet alternattivi fl-azjendi li jkunu se jgħaddu minn ristrutturar u mhux sempliciment joffru skemi ta’ riżenji volontarji jew ta’ rtirar kmieni.

Skemi bħal dawn, iħallu impatt negattiv mhux biss fis-suq tax-xogħol, iżda diret-tament jaffettwaw ħażin ukoll id-dħul mill-kontribuzzjonijiet għall-fondi tal-pensjonijiet. Kienet għalhekk li l-GWU fil-proposti tagħha sostniet, li l-għażla għal min irid jibqa’ jaħdem wara l-età tal-irtirar, għandha tkun purament volontarja għal dak li jkun. Min-naħa tiegħu l-gvern għandu jintroduċi miżuri u benefiċċji fiskali, li jaġevolaw lil min irid jibqa’ attiv.

Fil-fatt il-GWU ipproponiet li persuni ’l fuq minn 61 sena ikollhom income tax brackets differenti, rati preferenzjali f’servizzi bażiċi bħal dawl u ilma, kif ukoll żieda ta’ 3% fuq il-pensjoni għal kull sena li jaħdmu ’l fuq minn 61 sena. L-iskop hu, li minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, dak issuġġerit ikomplu jħajru ħaddiema mhux biss biex jibqgħu jaħdmu sal-65 sena, iżda anki fuq numru iktar wiesa’ ta’ snin.

Il-gvern fejn deherlu, speċ-jalment f’pożizzjonijiet għolja fiċ-ċivil, kemm-il darba żamm għaddejja fix-xogħol persuni li suppost kellhom jirtiraw. U sa ċertu punt wieħed jifhem il-validità u l-esperjenza meħ-tieġa f’ċerti pożizzjonijiet, speċjalment dawk strateġiċi.

Dan ikompli jikkonferma li l-mentalità trid tinbidel anki f’pajjiżna, għax hi reali li l-anzjetà ma tbiddel xejn mill-kapaċità tal-persuna. Anzi għall-kuntrarju għadna nħarsu fit-tul, ħalli l-pajjiż ma jkomplix jesperjenza l-emoroġija ta’ esperjenza vasta, minħabba li nies li jkunu

għadhom lesti li jikkontib-wixxu jispiċċaw imxekkla milli jkomplu minħabba liġijiet manditorji jew ideat antikwati. Il-Malti jgħid ‘min irid jaħdem, warrabblu’ u hekk għandu jibda jagħmel il-gvern.