Articles

Ġustizzja Soċjali

6/20/2010
Geitu Mercieca
Print

 

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) hija l-aġenzija speċjaliz-zata fi ħdan il-Ġnus Magħquda. L-oġġettiv prinċi-pali tal-ILO huwa, li tfittex li tippromovi l-ġustizzja soċjali, id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tax-xogħol. Ta’ kull sena l-membri stati kollha rappreżentati permezz tad-delegati tagħhom, jiltaqgħu għall-Konferenza biex jiddis-kutu temi varji soċjali li jolqtu lill-ħaddiema minn aspetti diversi.

Din is-sena bħala prijorità fuq l-aġenda kienu l-bidu ta’ diskussjoni fuq ‘xogħol diċenti’ għall-ħaddiema f’xogħol domestiku, it-tkomplija u l-għeluq ta’ diskussjonijiet li saru f’dawn l-aħħar sentejn fuq l-HIV/AIDS fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll dokument għal diskussjoni ġenerali fuq l-oġġettivi tal-impjiegi.

Nistgħu ngħidu li jkunu l-imsieħba soċjali kważi kol-lha minn madwar id-dinja li jiltaqgħu fil-bini maestuż magħruf bħala l-Palazz tan-Nazzjonijiet ġewwa Geneve fl-Iżvizzera. Kull min iżur dan il-pajjiż żgur li l-ewwel li tolqotlu għajnu, hija l-funtana tal-ilma, jew kif inhi magħrufa aħjar Jet d’eau li hemm fix-xmara.

Funtana li tagħti dehra kemm xejn differenti lix-xmara u li saret wieħed mis-simboli ta’ din il-belt sabiħa fl-Iżvizzera. Fil-Konferenza, ħafna jkunu dawk id-delegati li jirrappreżentaw lill-ħaddie-ma, lil min iħaddem kif ukoll lill-gvernijiet, li fil-ħin liberu tagħhom f’xi ħin jew ieħor jinżlu jippassiġġaw matul ix-xatt twil li hemm madwar din ix-xmara.

F’waħda mill-mixjiet tiegħi fil-ġranet li nagħmel f’din il-belt, l-attenzjoni tiegħi nġibdet għal wieħed mill-ħafna bill-boards li hemm imxerrda max-xtajta li tibda minn du Mont Blanc għal Quai Wilson. Dan il-billboard li konvint li rawh l-eluf ta’ barranin li jżuru Geneve f’dan iż-żmien, jaqra hekk ‘it-triljuni ta’ dollari li nstabu mill-gvernijiet fi ftit ħin biex isalvaw l-Banek, urewna li l-issue reali li dinja qiegħda tiffaċċja biex tkun indirizzata din il-kriżi globali mhumiex il-flejjes, iżda r-rieda politika’.

Fil-preżent fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi oħra madwar id-dinja, ix-xibka soċjali qiegħda titmermer bil-mod il-mod, dan iż-żarmar tal-ġustizzja soċjali mhu qed isib lil ħadd biex jiqaflu. Miżuri drastiċi li l-gvernijiet qegħdin jieħdu minħabba l-kriżi finan-zjarja li waslet għall-kriżi ekonomika, iridu jgħabbuhom l-aktar fuq il-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-konsegwenzi fuq il-ħad-diema huma kbar bit-telfien ta’ eluf ta’ mpjiegi u żarmar tax-xibka soċjali. Il-ħaddiema llum minflok wegħdi ta’ ħolqien ta’ postijiet tax-xoghol li jagħtu sigurtà u aktar serħan il-moħħ fil-livell tal-għajxien lilhom u lill-familji tagħhom, qiegħdin ikunu bbumbardjati fi tnaqqis drastiku.

Forsi ftit naħsbu li l-infiq u l-ħela mingħajr kontroll ta’ flus il-poplu mill-gvernijiet hija wkoll xi ħaġa li trid tkun indirizzata b’serjetà u b’mod immedjat. U dan jista’ jkun xprunat, kemm mill-unions kif ukoll mill-għaqdiet ta’ min iħaddem, għax kullimkien il-gvernijiet meta jieħdu miżuri, qiegħdin joħolqu effetti ne-gattivi fl-ekonomija u fil-livell tal-ħajja tal-konsumaturi, li ġejjin minn kull strata tal-ħajja.

Fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed mill-punti fuq l-aġenda li kien diskuss waqt il-konferenza tal-ILO, kien id-dokument għad-diskussjoni ġenerali fuq l-oġġettivi tal-impjiegi. Dan id-dokument kien riżultat tal-konklużjonijiet li sar qbil fuqhom bejn it-tliet imsieħba soċjali fid-97 sessjoni tas-sena 2008 tal-International Labour Conference (ILC).

Dak inhar kienet kienet adottata d-dikjarazzjoni tal-ILO fuq il-ġustizzja soċjali għall-globalizzazzjoni ġusta. Din id-dikjarazzjoni tiddikjara u tirrikonoxxi fil-kuntest ta’ tibdil li qed jiġri fid-dinja tax-xogħol, li jkun sforz u impenn tal-membri u l-organizzazzjoni biex iwettqu l-mandat tal-ILO, liema dikjarazzjoni tgħid li jpoġġu fiċ-ċentru tal-policies ekonomiċi u soċjali l-ħolqien ta’ impjiegi diċenti u produttivi.

Id-diskussjonijiet li jsiru bejn it-tliet partijiet fuq numru ta’ ġranet u l-ammont twal ta’ sigħat, ħafna drabi jissarrfu fi qbil. Għall-inqas ta’ bażi fuq l-ewwel abbozz ta’ ftehim li jgħin, biex f’numru ta’ aktar laqgħat fis-snin ta’ wara jkun hemm rakkomandazzjoni jew, aktar minn hekk, konvenzjoni.

Dawn jgħinu għax ikunu kemm ta’ benefiċċju għall-ħaddiema kollha madwar id-dinja, iżda żgur aktar għal dawk il-ħaddiema li jgħixu f’pajjiżi inqas żviluppati, b’mod partikolari dawk f’pajjiżi tat-tielet dinja.

Dawn id-diskussjonijiet li jsiru fl-ILO jgħinu biex kemm l-unions, l-employers u l-gvernijiet jaħdmu bl-għan aħħari li kulħadd ikollu l-qagħda soċjali tiegħu im-tejba billi jirċievi talanqas kundizzjonijiet u paga diċenti b’rispett umanitarju lejn il-miljuni ta’ ħaddiema li sal-lum għadhom neqsin mill-bażijiet essenzjali.