|
6/27/2010
|
|
Geitu Mercieca
|
|
|
Print
|
L-GĦAN
wara d-di-rettiva li tittratta fuq l-informazzjoni u l-konsultazzjoni huwa
wieħed vast. Iżda grazzi għal din id-direttiva d-djalogu soċjali ssaħħaħ u dak
li hu fl-interess tal-ħaddiem li jkun jaf permezz tagħha għall-inqas ma jibqax
moħbi. Min-naħa l-oħra, għalkemm f’pajjiżna għandna Segretarju Parlamentari
speċifikament għall-konsultazzjoni pubbli-ka u l-informazzjoni, perso-nalment
inħoss, li dan mhux biżżejjed.
Sfortunatament inħoss li aktar isir tpaċpiċ milli tittie-ħed azzjoni, anki
b’rispett lejn dawk li jistgħu jkunu minoranza, iżda li xorta għandhom dritt li
wkoll ikunu kkonsultati sew. Ngħid jiena, dan is-Segretarju Parlamentari ma
jistax bħala l-persuna responsabbli min-naħa tal-gvern, li jiddeċiedi hu, fuq
dak li jidhirlu li hu l-ġid komuni.
Jagħmel aktar sens u l-poplu jifhem aktar, jekk minflok joqgħod jitfa’ l-ballun
f’saqajn l-Imsieħba Soċjali, meta jaf fiċ-ċert li qatt mhu se jkun hemm kunsens
fuq it-talba li qegħdin jagħmlu l-Għaqdiet tal-Unions ‘FOR.UM’, biex ikollhom
leħen f’isem l-eluf li jirrappreżentaw, ikun ċar u jgħid x’jaħseb hu.
Jidhirli li hija ironija kif f’mument niftaħru kemm aħna progressivi, iżda
fl-istess ħin nagħmlu kull reżistenza meta jkollna l-opportunità biex nagħtu
spazju biex aktar għaqdiet fil-Kunsill Malti Għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCESD)
ikollhom vuċi. Min jaf, forsi l-gvern irid jisma’ biss u jħalli f’idejn dawk li
llum, għax hekk jaqblilhom, imorru kontra dak li fil-passat ma kienx tajjeb
għalihom. Sa ftit ilu l-istess gvern ra l-ħtieġa li għax membri parlamentari
minn tiegħu kienu qegħdin iħossuhom li mhumiex ikunu nfurmati u kkonsultati
biżżejjed, dan daħħalhom aktar qrib tiegħu u b’hekk fetaħ aktar iċ-ċirku
tad-dawra tiegħu.
Dak li mhux ħażin għall-membri parlamentari biex ikunu jistgħu jaqdu aħjar
il-kostitwenti li jirrappreżentaw, naħseb li loġiku għandu jgħodd ukoll
għall-eluf ta’ membri li huma rrappreżentati mill-unions fil-FOR.UM.
Il-GWU ma tistax ma tagħtix l-appoġġ kollu tagħha meta hija temmen li
bil-FOR.UM rappreżentata fl-MCESD, il-bilanċ ikun aktar ġust u leħen
il-ħaddiema jkun b’saħħtu daqs ta’ dawk li jirrappreżentaw is-sidien inkluż
il-gvern, li hu l-akbar employer wara kollox. Il-gvern m’għandux juża l-MCESD
biex jisma’ u ma jiddecidix għax f’din il-kwistjoni tal-FOR.UM hekk jaqbillu.
Ikolli ngħid li l-informaz-zjoni u konsultazzjoni, mhix xi ħaġa li mhijiex
titwettaq kif suppost fejn jidħol il-gvern biss, anzi jekk irridu nkunu
responsabbli bħala unions, għandna nkunu aħna l-ewwel li naraw li dak li nemmnu
fih inwettquh mal-ħaddiema u l-imsieħba tagħna.
Ħafna drabi anki aħna bħala unions noqogħdu lura milli ninfurmaw lill-ħaddiema
bil-problemi li huma fl-interess tagħhom li jkunu jafu bihom. Mhux l-ewwel
darba li tħallew neqsin minn informazzjoni sensittiva, għax dak ikun il-parir,
sakemm imbagħad ikun tard li jistgħu jkunu rranġati l-affarijiet. Kemm-il darba
nkunu nafu li kumpanija ma tkunx sejra kif suppost, iżda minflok li nwasslu dak
li jiftaħ għajnejn il-ħaddiema, aktarx li ma ngħidu xejn biex ma nidhrux koroh
u nkomplu nħallu l-affarijiet għal meta naħsbu jista’ jiġi żmien aħjar.
Taħt skuża li l-ħaddiema ma jemmnux dak li ngħidu, jew anki li jduru kontrina
bl-informazzjoni li nagħtuhom, nikkontradixxu dak li aħna stess nemmnu u li bi
dritt nitolbu mingħand ħaddiehor. Hu aktar faċli li tikkritika lil ħaddieħor
għal dak li ma jagħmilx, milli tara li anki int tkun qed twettaq dak li sup-
post hu fid-dmir li tagħmel.
L-informazzjoni hija meħtieġa u utli fil-ħin opportun, b’dan il-mod dak li jkun
ikun jista’ jieħu dawk id-deċiż-jonijiet li jistgħu jagħmlulu differenza
f’ħajtu. Nafu b’każi fejn ħaddiema li mingħalihom għandhom impjieg fis-sod,
meta mbagħad il-kumpanija jew l-organizzazzjoni fejn ħadmu ma kinetx qiegħda
fis-stat stabbli, dawn ħadu deċiżjonijiet meta fil-fatt ma jifilħux għalihom.
Ħafna kienu dawk il-ħad-diema li daħlu fid-djun ta’ eluf ta’ ewro, billi xtraw
proprjetà jew karozzi, għax kienu jaqilgħu paga tajba u kienu jemmnu li kellhom
moħħhom mistrieħ fl-impjieg li kellhom, biex wara li tilfu l-impjieg, għax fejn
kienu jaħdmu naqsu l-ħaddiema, ġew lampa stampa.
Il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jħallu lħithom f’idejn ħaddieħor u hu żball
min-naħa tagħhom li ma jfittxux li jistaqsu għal drittijiethom, jaħdmu fejn
jaħdmu. Mhux skuża li ma jkunux jafu x’tgħid il-liġi, aktar u aktar jekk din
tkun tolqothom dirett. Min iħaddem f’kull żmien ukoll għandu r-responsabbiltà
li jinforma lill-impjegati fuq il-qagħda li l-entità, l-azjenda jew
l-organizzazzjoni li jkun qed imexxi, tkun għaddejja minnha, kemm jekk din tkun
waħda tajba kif ukoll jekk inhi ħażina.