|
7/4/2010
|
|
Geitu Mercieca
|
|
|
Print
|
Kif
jgħidu ‘iż-żmien ma jistenna lil ħadd’, ‘u kif!!’ ngħid jiena, meta nħares lura
u nara kif gerrbu s-snin minn meta bdejt nipparteċipa fid-dinja tax-xogħol,
biex illum ninsab fuq l-għatba li nirtira mix-xogħol.
B’dan f’moħħi, qiegħed wara kważi ħames snin nikteb kull nhar ta’ Ħadd
fit-TORĊA, inwassal l-aħħar artiklu tiegħi lil dawk il-qarrejja li kienu jsegwu
din l-opinjoni. Uħud minnhom sirt nafhom personalment għax mhux l-ewwel darba
li ħeġġewni nkompli għax iħossuhom parti minn dak li nikteb. Nista’ ngħid li,
fejn stajt, esprimejt permezz ta’ dawn il-kitbiet dak li veru nemmen fih u
l-aktar għax matul is-snin rajt kemm hawn min għandu bżonn veru l-għajnuna.
Meta nħares lura u nġedded il-memorji għal meta bdejt naħdem, fejn qattajt
l-ewwel ftit żmien mal-gvern sakemm ġie ċ-ċans u dħalt naħdem ma’ kumpanija
privata li domt naħdem fiha għal mhux inqas minn 27 sena sħaħ, inħoss
nostalġija qawwija. Fil-Union bnejt karriera mhux ħazin ukoll, fil-fatt ilni
b’kollox uffiċjal elett għal 14-il sena.
Din tal-aħħar kienet esper-jenza li jiena dħalt għaliha meta kelli f’idejja
karriera ta’ responsabbiltà fil-kumpanija privata, iżda x-xogħol fil-Union
dejjem kelli ġibda għalih. Xogħol li jlaqqgħek ma’ persuni li għandhom bżonn
l-għajnuna għax ma jħossuhomx komdi li jitkellmu għal drittijiethom.
Għaldaqstant, meta kelli ċ-ċans ma qagħadx naħ-sibha biex nieħu r-riskju u minn
mal-privat mort naħdem fil-Union, anki jekk diġà kont matur fl-età.
L-esperjenzi li għaddejt minnhom fuq il-post tax-xogħol kienu vasti li jibnuk u
minn żagħżugħ b’ħafna ħeġġa u b’moħħ ir-riħ isawruk għal persuna aktar matura u
responsabbli. Id-dħul u l-ħidma tiegħi fil-union kienet xi ħaġa naturali għax
fis-sebgħinijiet il-partiċipazzjoni tal-ħaddiema fl-union kienet attiva u
kompetittiva.
Dan jixhed il-fatt li jekk per eżempju kien ikun hemm ħtieġa ta’ rappreżentant
fuq post tax-xogħol għal shop steward, dan ir-rwol kienu japplikaw għalih ħafna
aktar milli kien ikun hemm meħ-tieġa, mhux bħalma jiġri llum fejn ħafna
jippreferu li ma jikkommettux ruħhom. Tant kien ikun hemm interess li biss biss
l-elezzjoni għal shop stewards kienet prattika komuni, biex ma nsemmix il-lobbying
li kien isir.
Nista’ ngħid li l-esperjenza fil-ħidma trejdunjonistika tiegħi bħala
shop-steward, delegat u membru tal-Kunsill Nazzjonali f’isem il-ħaddiema
tal-post tax-xogħol fejn kont naħdem għal għad ta’ snin bnietni sewwa. Dan
għaliex bdejt niffamiljarizza ruħi b’mod prattiku mal-parametri
tar-relazzjonijiet industrijali u allura bdejt inkun involut ma’ uffiċjali
għolja tal-union li kienu responsabbli f’dawk is-snin f’diskussjonijiet ma’
management barrani li kienu jmexxu b’tant ħila u dedikazzjoni dawn l-azjendi.
Fi ftit kliem dan kollu wassalni biex ħadt il-magħmudija tan-nar fix-xogħol
trejdunjunistiku.
Għalkemm kont attiv għal għexieren ta’ snin u kont f’diversi karigi
responsabbli mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, kif għedt kien 14-il sena
ilu li ħadt deċiżjoni li nibdel u nkompli l-karriera tiegħi fl-union. Dak inhar
ikkontestajt għall-kariga ta’ Segretarju u kont elett biex ħadt taħt
ir-responsabbiltà tiegħi t-tmexxija ta’ waħda mit-Taqsimiet tal-union. Taqsima
li l-ħaddiema membri tagħha kienu jaħdmu f’kumpaniji fil-qasam tal-manifattura.
Kienu żminijiet li diġà kien hemm sinjali u bozoz jixgħelu li numru ta’
kumpaniji f’dan is-settur kienu qegħdin f’sitwazzjoni prekarji anki min-ħabba
nuqqas ta’ inizjattivi ġodda u kompetittivi. Iżda ngħid għalija jiena dejjem
kont persuna li dak li nkun responsabbli minnu ninvesti fih aktar minn mija
fil-mija biex jirnexxi.
Per eżempju permezz ta’ din il-ħidma rnexxieli nkab-bar l-ammont ta’ membri
msieħba f’din it-taqsima. Dan fost l-oħrajn kien frott il-fatt li l-ħaddiema
raw il-ħidma intensiva li kont nagħmel flimkien ma’ uffiċ-jali oħra mit-Taqsima
kif ukoll shop stewards leali, li wħud taw ħinhom mingħajr pretensjonijiet.
Il-ħidma ta’ min veru jemmen fix-xogħol trejdunjunis-tiku jaf li tinvolvi
injezzjoni qawwija ta’ vokazzjoni fiha. Mill-esperjenza nista’ ngħid li llum
m’għadekx issib wisq min dan ix-xogħol jieħdu bħala vokazzjoni. Ngħid għalija,
is-sodisfazzjon fix-xogħol kien meta s-servizz li kont nagħti kien ikun
apprezzat mhux b’xi rigal iżda minn wiċċ sodisfatt tal-persuna li tkun ġiet
taqsam miegħek id-dwejjaq li tkun fihom u ħassitha kuntenta li għall-inqas
smajtha u tajt kasha. Min jaf kemm-il siegħa qattajt nisma’ l-weġgħat u
d-diffikultajiet ta’ ħaddieħor meta inti stess bħal kulħadd ikollok il-problemi
tiegħek, iżda li f’dawk il-ħinijiet tkompli żżomm misturi fik.
Meta d-delegati fil-Kungress Nazzjonali tal-union ħames snin ilu għoġobhom
jeleġġuni għall-kariga ta’ Deputat Segretarju Ġenerali, ħatruni fiha għax emmnu
fil-mod ta’ tmexxija tiegħi li dak li nwiegħed inwettqu mingħajr biża’ u
kantunieri. Dawn fuq dak li kien għaddej f’dawk iż-żminijiet fil-union riedu li
dak li għandu jsir irid isir u ma jitħalliex għal għada. Hija fatt ukoll li
l-midja għar-raġunijiet diversi tagħha tipprova tkissrek anki f’affarijiet ta’
riforma u tibdil li wieħed ikun qed jagħmel fl-interess tal-progress.
Konsegwenza t’hekk tnisslet skumdità li nkunu kkritikati fuq dak li jkun qed
isir internament, u dan kollu kien hemm drabi meta din is-sitwazzjoni żammet
milli jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji fl-interess tal-ħaddiema ġenerali u
fuq kollox tal-istess organizzazzjoni.
It-tibdil fil-wiċċ tal-organizzazzjoni u r-riforma interna fil-kultura li jien
irnexxieli nwettaq f’dawn l-aħħar snin għenu iżda mhux biżżejjed. Il-perjodi
tiegħi fil-kariga ta’ Deputat Segretarju Ġenerali ma kienx biżżejjed biex jien
stajt inkompli nibdel mill-għeruq dak li hemm ħtieġa urġenti li jitkompla.
Iż-żmien tiegħi għadda u se nħalli l-ħidma tiegħi trejdunjunistika b’rasi
mgħollija għax minn dak li kont naf tajtu kollu u fejn inqast lil xi ħadd
nitlob maħfra.
Sinċerament nemmen li mill-ftit li kont naf bil-kontribut tiegħi rnexxieli
ngħin u ngħolli l-livell ta’ għajxien ta’ ħafna ħaddiema u l-familji tagħhom u
għaldaqstant dan jagħtini sodisfazzjon enormi u kuntentizza. Min-naħa tiegħi
xorta se nfittex li nkompli ngħin lil dawk li jitolbu l-għajnuna tiegħi.
Fl-aħħar inselli u nirringrazzja lil dawk li f’dawn is-snin appoġġjawni u
niskuża, anzi naħfer, lil dawk li jħossu li għandhom jidħlu personali u
jweġġgħuk b’għemilhom.
Nota editorjali: Minn hawn nixtiequ nirringrazzjaw lil Geitu Mercieca kemm
għall-kontribut tiegħu f’din il-gazzetta kif ukoll għall-ħidma tiegħu fil-GWU.
Nawgurawlu wkoll għall-kapitlu ġdid li qed jiftaħ f’dan il-mument importanti
ta’ ħajtu.