|
7/22/2010
|
|
Michael Parnis
|
|
Dep. Secretary General
|
Print
|
Fl-aħħar iż-żejt
tela’ f’wiċċ l-ilma! Dak li ili ngħid għal aktar minn sitt snin fl-aħħar ġie
kkonfermat! Il-GRTU mhix organizzazzjoni tal-ħaddiema iżda tas-sidien. Dan ġie
kkonfermat mill-istess GRTU kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari, l-Onor.
Chris Said. Mhux għax kelli xi dubju dwar dak li kont qed ngħid tafux. Il-fatt
li l-GRTU kienet qiegħda tirrappreżenta lill-employers fil-Kumitat Ekonomiku
u Soċjali tal-Unjoni Ewropea (KESE) hu biżżejjed biex tikkonferma dak li kont
qed ngħid.
Li skantajt hu l-fatt li donnhom il-Malta Employers Association (MEA) skoprew
din appuntu issa. Dan jikkonferma wkoll dak li issa ilni ngħid ix-xhur li
l-employers għandhom ħames rappreżentanti fl-MCESD filwaqt li l-ħaddiema
għandhom erbgħa. Matul dawn l-aħħar ġranet kellna ħafna żvilluppi dwar dan
is-suġġett u tajjeb li wieħed janalizza dawn l-iżvillupi u jipprova jaqta’
x’se jkun il-pass li jmiss.
Waqt laqgħa tal-MCESD, l-Onor. Said, ħabbar il-ħames nomini min-naħa ta’ Malta
għall-KESE. Min-naħa tat-trejdunjins ma kien hemm ebda problema, il-GWU
nnominat lili filwaqt li s-CMTU u l-UĦM innominaw lil Anna Maria Darmanin.
Dawn kienu l-uniċi nomini u għalhekk il-Gvern aċċettahom it-tnejn u reġa’
kkonfermana għall-erba’ snin li ġejjin. Min-naħa l-oħra, is-Soċjetà Ċivili
reġgħu nnominaw lil Grace Attard li wkoll ġiet ikkonfermata mill-Gvern. Kien
jonqos in-nomini tas-sidien. Tħabbar li l-Gvern għażel lil Stefano Mallia
mill-Kamra tal-Kummerċ u Industriji u lil Vince Farrugia mill-GRTU. Tħalla
barra r-rappreżentant tal-MEA. Bla dubju, u kif mistenni l-MEA ħaditha bil-kbir
ħafna din id-deċiżjoni u wara ħafna għajjat u tisbit telqgħu l-barra
mill-MCESD. Smajtu sew għeżież qarrejja, telqu ’l barra!
Filwaqt
li ngħid li naqbel totalment mal-mod kif aġixxew ma nistax ma nikkummentax
dwar dak li qalu fuq il-GWU meta xi xhur ilu ma dħalniex għal-laqgħa tal-MCESD.
Kemm għajruna dakinhar u kemm artikli kitbu kontra l-mexxejja tal-GWU!
Ir-rapport ta’ NET News kien jgħid sempliċi li l-Gvern se jiftaħ diskussjoni
mal-MEA biex isib soluzzjoni. Ma nafx x’diskussjoni hi din meta din suppost
ilha ssir ix-xhur. Il-verità hi li l-Gvern ilu l-ġimgħat li ħa d-deċiżjoni
politika partiġġjana tiegħu u issa ma jistax imur lura minnha.
Naħseb li l-Gvern se jinħeba wara l-iskuża u jgħid li għalhekk talab li għal
kull post ikun hemm żewġ nomini u mhux waħda. Fil-każ tagħna l-ħaddiema,
l-affarijiet huma ċari. Hemm tnejn u l-Gvern jagħżel wieħed kull wieħed. Ma
nistax nimmaġina l-Gvern jagħżel tnejn mill-GWU u jħalli barra s-CMTU jew
kontra. Iżda fil-każ tal-employers l-affarijiet huma ftit aktar ikkomplikati.
F’dawn l-aħħar sitt snin kellna rappreżentant kull wieħed mill-FOI u l-GRTU.
L-MEA, il-Kamra tal-Kummerċ (CofC) u l-Malta Hotels and Restaurant
Association (MHRA) ma kellhomx rappreżentant. Matul dawn l-aħħar snin il-FOI u
CofC ingħaqdu flimkien u sa ċertu punt iċ-CofC kellhom xi forma ta’ rappreżentanza.
L-MHRA min-naħa tagħhom jidher li qatt ma kellhom interess li jkollhom
rappreżentant filwaqt li l-MEA xtaqu li din id-darba jkollhom post huma. Jien
informat li l-MEA, l-MHRA u s-CCI nnominaw l-istess persuni filwaqt li l-GRTU
waħedhom innominaw il-kanditat tagħhom. Biex l-employers jimxu ma’ dak li qed
jitlob il-Gvern allura suppost jingħata tmien nomini mill-employers, tnejn minn
kull organizzazzjoni.
Imma issa il-ftira saret u għandna l-MEA rrabjata u urtata ħafna. Il-Gvern qed
jipprova jsib soluzzjoni billi jiddiskuti. Soluzzjoni tista’ tkun li t-term ta’
erba’ snin jinqasam bejn l-MEA u l-GRTU u xi ħadd minnhom ikun membru u l-ieħor
sostitut taż-żewġ membri nnominati mill-employers.
Qabel ma nagħlaq għax kont se ninsa, waqt l-istess laqgħa tal-MCESD telqu ’l
barra wkoll l-GRTU, le le mhux il-GWU iżda l-GRTU. Issa l-Gvern jista’ jgħid
li l-employers qegħdin fi żvantaġġ għax għandhom biss tliet rappreżentanti
fl-MCESD. Dan juri biss li l-MCESD għandu bżonn jiġi rijorganizzat u jinbidel
mill-għeruq. Kulma jrid il-Gvern hu naqra kuruġġ u onestà. Naħseb li ż-żewġ
ingredjenti huma neqsin.
Spazju liż-żgħażagħ
Meta tara l-istatistika, ħafna drabi, din tkun maqsuma f’etajiet. Ir-raġuni hi
biex tipprova tidentifika kif sezzjonijiet ta’ etajiet differenti jkunu sejrin.
Jekk nieħdu, per eżempju, l-istatistika tal-qgħad naraw li meta tħares lejn
din, issib li l-grupp taż-żgħażagħ hu wieħed minn dawk l-aktar milqutin u
għalhekk insibu miżuri ddisinjati partikolarment għaż-żgħażagħ.
Hemm ħafna raġunijiet għaliex nagħmlu dan. Żgur li raġuni minnhom hi li ż-żgħażagħ
huma investiment f’din il-ġenerazzjoni u hu investiment aktar fit-tul.
Biss minkejja dan il-kliem sabiħ kollu, ħarsa madwarna nsibu li, tista’ tgħid
f’kull qasam, diffiċli li ssib xi qasam li hu mmexxi miż-żgħażagħ. Dan issibu
anki f’dawk l-oqsma li huma ddedikati għaż-żgħażagħ.
Il-mistoqsija ta’ din il-ġimgħa hi dwar dan is-suġġett – suġġett li għalkemm
mhux meqjus bħala kontroversjali hu importanti ħafna. Il-mistoqsija kienet
tolqot il-musmar fuq rasu:
Taqbel li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw aktar spazju biex juru t-talenti
tagħhom?
1. IVA, naqbel 75%
2. Le, ma naqbilx 0%
3. Xi kultant iva u xi kultant le 25%
Kummenti: L-akbar grupp kien dak li qal li jaqbel li ż-żgħażagħ għandhom
jingħataw aktar spazju. Kien hemm 75% li wieġbu dan. Ma kien hemm ħadd li qal
li ma jaqbilx u kien hemm grupp ta’ madwar 25% li qalu li jaqblu li ż-żgħażagħ
għandhom jingħataw aktar spazju f’xi okkażjonijiet.
Il-fatt li kien hemm 75% li qalu li jaqblu li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw
aktar spazji biex juru t-talenti tagħhom juri li l-maġġoranza tal-qarrejja ta’
l-orizzont jemmnu żewġ affarijiet. L-ewwel li ż-żgħażagħ għandhom it-talenti u
t-tieni li m’aħniex qegħdin nagħtu spazju lil dawn biex juru t-talenti li
għandhom. Il-fatt li ma tantx nagħtu ċans liż-żgħażagħ mhux fatt pożittiv.
Min għandu esperjenza ta’ għaqdiet, huma min huma, jara kif dawn il-gruppi
jaħdmu. Il-kontroll ikun f’idejn grupp żgħir ta’ nies li ilhom fl-għaqda. Dan
waħdu jpoġġi lill-grupp fil-kontroll u mhux liż-żgħażagħ. Anki jekk naraw
gruppi li jidentifikaw ruħhom iżda ma jaħdmux f’xi għaqda, tara li minkejja
l-piki li jkun hemm bejniethom, meta xi ħadd, speċjalment jekk ikun żagħżugħ,
jidħol fil-qalba ta’ dan il-grupp isib ħajt taż-żonqor ma’ wiċċu. Jekk ikun
żagħżugħ għall-ewwel ma jagħtux kasu, iżda jekk jibqa’ jinsisti tibda l-kritika
li minkejja l-isforzi kollha tiegħu għadu żgħir biex ikun żviluppat u raffinat
daqs l-oħrajn.
Sfortunatament ħafna żgħażagħ jaqtgħu qalbhom għax jaraw li minkejja li
għandhom il-ħila, iridu jaħlu l-ħin jiġġieldu dawn it-tattiċi milli jużaw
it-talenti tagħhom.
L-aħħar grupp li jilħaq 25% jemmen li mhux dejjem għandna nagħtu spazju
liż-żgħażagħ. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu varji ħafna iżda xorta jibqa’ l-fatt
li dan il-grupp xorta m’għandux fiduċja kbira fiż-żgħażagħ tagħna.
Dan il-grupp jurina li għad għandna triq mhux ħażin sakemm naslu għal żmien
fejn inqisu lil kulħadd fuq il-ħila u t-talenti tiegħu u mhux jekk hux raġel
jew mara, jekk hux iswed jew abjad, jekk hux aħmar jew blu, jekk hux anzjan
jew żagħżugħ.
Kull min ħadem maż-żgħażagħ jaf l-entużjażmu, il-ħeġġa u l-potenzjal li għandhom.
Ħafna drabi kulma jkunu jridu hu ftit inkoraġġiment u spazju fejn jistgħu
jaqilbu l-potenzjal li għandhom f’azzjoni. Hi ħasra li dan il-potenzjal għad
hawn min jibża’ minnu!
Stharrig
Taqbel li f'pajjizna jidhol id-divorzju?
1. IVA. Naqbel
2. LE. Ma naqbilx
3. M'ghandix opinjoni
Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq
99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119