|
7/21/2010
|
|
Tony Zarb
|
|
Secretary General
|
Print
|
BĦala GWU ilna żmien
ngħidu li fl-MCESD hemm żbilanċ ta’ rappreżentanza bejn min jir-rappreżenta
lil min iħaddem u min jirrappreżenta lill-ħaddiema. Għal-daqstant, bħala
GWU ilna ngħidu biex il-Gvern jaċċetta t-talba ġusta li qegħdin jagħmlu l-Forum
Unions Maltin biex ikollhom rappreżentanza fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp
Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Wara li l-GWU ilha tgħid li hemm żbilanċ issa għandna konferma li dak li
qegħdin ngħidu aħna huwa minnu. Dan għall-fatt li anke l-Għaqda ta’ Min
Iħaddem, il-Malta Employers Association, stqarret dan waqt konferenza stampa li
għamlet il-ġimgħa l-oħra. Iva, il-ġimgħa l-oħra, l-MEA, permezz tal-President
tagħha, is-Sur Pierre Fava, stqarret li fl-MCESD hemm żbilanċ bejn
ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u r-rappreżentanti ta’ min iħaddem.
Quddiem din l-istqarrija issa jmiss lill-Gvern li jirreaġixxi u jġib il-bilanċ
fl-MCESD billi jaċċetta li l-Forum Unions Maltin għandu jkollhom rappreżentanza
fl-MCESD u, b’hekk, ikun hemm ħames rappreżentanti tal-ħaddiema u ħames
rappreżentanti ta’ min iħaddem u b’hekk, issir ġustizzja.
Bħala
GWU se nkomplu nsostnu l-pożizzjoni tagħna li l-Gvern għandu jara li fl-MCESD,
ikun hemm bilanċ bejn il-ħaddiema u min iħaddem. Il-Gvern ma jistax ikompli jipprova
jaħrab mir-responsabbiltà milli jiddeċiedi.
Il-Gvern ma jistax ikompli jinqeda bil-membri tal-MCESD biex ma jaċċettax
it-talba ġusta li qegħdin jagħmlulu tal-Forum Unions Maltin. Il-Gvern ma
jistax ikompli għaddej b’din l-ingustizzja, aktar u aktar, meta issa mhux
il-GWU biss qiegħda tgħid li hemm żbilanċ, imma anke waħda mill-għaqdiet ta’
min iħaddem, l-MEA. Aħna, bħala GWU, se nkomplu nuru s-solidarjetà tagħna
mal-Forum Unions Maltin u mhux se nieqfu mill-ħidma tagħna sakemm naraw li ssir
ġustizzja mal-Forum Unions Maltin.
Il-Gvern m’għandux triq oħra ħlief li jaċċetta li fl-MCESD, ikun hemm bilanċ u
jilqa’ t-talba tal-FORUM.
Nisperaw li l-Gvern mhux qiegħed jilgħab il-logħba ta’ xi organizzazzjoni li
hemm fl-MCESD li akkost ta’ kollox, qegħdin jagħmlu kull tfixkil biex il-FORUM
ma jingħatawx rappreżentanza fl-MCESD.
Aħna nafu kif irreaġixxew ċerti għaqdiet meta, fl-MCESD, ġiet diskussa t-talba
li qegħdin jagħmlu l-FORUM. Nafu kif ġabu ruħhom ċerti diriġenti fil-laqgħa
tal-MCESD.
Nafu wkoll kemm saru manuvri, kemm qabel il-laqgħa kif ukoll wara l-laqgħa
tal-MCESD beix iżommu l-FORUM barra mill-istess MCESD u aħna moralment konvinti
li rappreżentanti ta’ xi għaqdiet fl-MCESD tkellmu mal-Gvern qabel il-laqgħa
biex jorkestraw ruħhom biex it-talba tal-Forum Unions Maltin ma tiġix milqugħa.
Iż-żmien għad jagħtina raġun ta’ dan li qegħdin ngħidu.
Messaġġ
Il-messaġġ tagħna llum imur lejn dawk kollha f’pajjiżna li jaħdmu fil- qasam
tat-turiżmu. Filwaqt li nirringrazzjawhom tal-ħidma tagħhom, speċjalment f’dan
iż-żmien tas-sena, nawgurawlhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom.