Articles

Unur għall-GWU

7/29/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General
Print


 

Il-Ħidma tas-Segretarji tat-Taqsimiet tal-GWU ma taqta’ xejn. Ħafna drabi jkunu l-mira ta’ attakki inġusti u jispiċċaw bħal perżuta bejn il-ħobż. Fuq naħa jkollok il-ħaddiema membri tagħna li jippretendu l-aħjar u fuq naħa oħra jkollok il-maniġment li jipprovaw kemm jista’ jkun iġibu ’l quddiem l-intrapriżi li jmexxu.

Il-lealtà tas-Segretarju hi, bla ebda dubju, lejn il-membru iżda xi kultant ikollok tagħmel għażla diffiċli bejn ftit sagrifiċċji jew inqas im­pjiegi.

M’għandi ebda dubji li meta segretarju jasal biex jieħu deċiżjoni janalizza sew iċ-ċirkostanzi kollha u jipprova jara kif se jinnegozja l-aħjar ftehim fiċ-ċirkostanzi.

Dan ma jfissirx li teżisti xi formola waħda li tista’ tapplika dejjem u kullimkien. Ħafna drabi trid tkun il-perseveranza tas-Segretarju u l-għaqda bejn il-ħaddiema biex ikollok is-suċċess li wieħed jistenna.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat kellna eżempju perfett ta’ dak li qiegħed ngħid. Il-maniġment tal-ST Microelectronics, wara aktar minn sentejn ta’ negozjati mal-Gvern, ġie għand il-GWU bi proposti għall-miżuri ta’ awsterità. Miżuri li kienu jlaħħqu għall-madwar €3 miljun. Bħalma jsir normalment it-taqsima rat u ddiskutiet dawn il-proposti u fetħet diskussjonijiet mal-kumpanija biex dan il-pakkett isir aktar uman u raġonevoli għall-ħaddiema.

Waqt id-diskussjoni għamilna l-pożizzjoni tagħna ċara kristall li dak li jkun miftiehem għandu jiġi ppreżentat lill-membri tagħna għall-vot qabel ftehim aħħari. Ir-riżultati miksubin kienu eċ­ċellenti u t-tbatija li kienu se jiġu mitlubin jerfgħu l-ħaddiema kienu kważi eliminati għal kollox.

Il-proposti tnaqqsu minn €3 miljun għal €600,000. Jekk dan ma kienx pass fid- direzzjoni t-tajba, allura ma nafx f’liema direzzjoni kien. Li hu żgur hu li personalment nemmen li sar żball min-naħa tal-Gvern li ħareġ jgħid li kien hemm ftehim meta fil-fatt ma kienx hemm.

Meta tasal f’dawn iċ-ċirkos­­tanzi tkun qiegħda tilgħab fil-magħluq ħafna u ma tridx tagħmel żbalji. Tinsewx li kemm il-Gvern kif ukoll il-kumpanija kienu qegħdin jgħidu li jekk ma jintlaħaqx ftehim il-kumpanija ma jkollha ebda triq għajr dik li tnaqqas il-ħaddiema bil-possibbiltà li tagħlaq il-bibien.

Minkejja dan kollu ħadna vot u l-ħaddiema kif kien mistenni rrifjutah il-ftehim bil-kon­segwenza li erġajna morna fuq il-mejda tan-negozjati.

Negozjati ġodda li matulhom għal darba oħra erġajna wrejna kemm aħna unjin res­ponsabbli u kemm aħna kapaċi npoġġu quddiem għaj­nejna l-interessi tal-ħaddiema u dawk tal-futur tal-kumpanija.

Diskussjonijiet li reġgħu taw riżultat u li naqqsu madwar 25% minn dak li l-ħaddiema vvotaw għalih u minflok il-piż inqasam fuq il-ħaddiema biss dan issa se jolqot ukoll gradi oħrajn anke fil-maniġment. Saru 15-il laqgħa mal-ħaddiema kollha u bgħatna vot id-dar tal-membri kollha tal-GWU.

Ir-riżultat hu magħruf. Il-ħaddiema taw vot ta’ fiduċja għal dak li nnegozjat il-GWU f`isimhom. Il-GWU mhux biss irnexxielha żżomm l-ST f’Malta iżda naqqset ħafna l-piż li kienu mitlubin iġorru l-ħaddiema fil-bidu tan-negozjati.

Dan kien eżempju ċar tal-kapaċità tal-GWU. Dan ma jfissirx li ma kellniex prob­lemi. Fil-fatt mhux kulħadd qabel ma’ dak li għamilna, iżda l-maġġoranza qablu. Dej­­jem se ssib min ma jaqbilx iżda nemmen li f’dan il-każ saret l-aħjar għażla. Il-ħaddiema tal-ST reġgħu għal darba oħra taw prova tal-għaqda bejniethom fi ħdan il-GWU. Taw ukoll eżempju lill-kumplament ta’ Malta li fl-għaqda hemm is-saħħa, kif ukoll li l-GWU tista’ tagħmel id-differenza.

Ma nistax nagħlaq din il-paġna jekk ma nifraħx lil Andrew Mizzi, Segretarju tat-Taq­sima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU li flimkien mal-Group Committee mexxa ’l quddiem dawn in-negozjati. Għamiltu unur lill-GWU u l-ħaddiema li tirrappreżentaw.



Divorzju

Kienet qamet fl-antik. U kultant żmien terġa’ tqum. Kull meta tqum il-kwistjoni, tidher qasma fost in-nies. Id-divorzju ilu fuq l-aġenda tal-Maltin miż-żmien 60. Biss kull meta qam, wara ftit, reġa’ ndifen għax kull min kien qed imex­xi għal dan it-tibdil kellu affarijiet oħrajn impor­tanti u ma riedx li jaħli ħafna żmien fuq din il-kwistjoni li fuq kollox tista’ ttellfu l-voti.

Ftit ilu din il-kwistjoni reġgħet telgħet fil-wiċċ. Dan ġara minħabba ċerti fatturi. Żgur li l-akbar fattur hu li s-soċjetà tagħna nbidlet. Inbid­let f’ħafna sensi. Fejn qabel kull meta fi żwieġ kien ikun hemm problemi, kienet issir pressjoni soċjali biex, jekk jista’ jkun, il-koppja, min­kejja d-diffikultajiet tagħha tibqa’ flimkien. Dan kien isir l-aktar minħabba għajn in-nies għax meta familja kellha lil xi ħadd mill-familja tagħ­ha bi problemi fi żwieġ kien meqjus bħala diżunur.

Illum, is-soċjetà saret aktar miftuħa u speċjalment min­ħabba li l-għadd ta’ żwiġijiet li ma rnexxewx qiegħed jikber b’rata għolja, il-fatt li familja jkollha lil xi ħadd li ż-żwieġ tiegħu ma rnexxiex saret komuni u tista’ tgħid laqtet lil kull familja. Għal­hekk fejn qabel din il-kwistjoni kienet tabù soċ­jali, illum saret stat ta’ fatt li qiegħed quddiem għajnejn kulħadd u ħadd ma jista’ jiċħdu. Tant hu hekk li llum anke l-istedinasp għal xi festin inbidel. Illum tistieden lil min taf u fl-istedina tistieden ukoll il-partner tiegħu.

Din il-kwistjoni tkun taħ­raq għax hemm l-aspett reliġ­już. Peress li l-maġġo­ranza l-kbira tal-Maltin huma Kattoliċi u l-Knisja Kattolika hi kontra d-divorzju din il-kwistjoni tieħu aspett ieħor. Dan l-aspett jieħu dimensjoni politika għax il-Knisja f’Malta dejjem kellha poteri kbar u setgħet timbotta l-vot tan-nies, naħa jew oħra. Biss anki f’dan l-aspett jidher li s-sitwazzjoni nbidlet.

Ħafna min-nies li ż-żwieġ tagħhom inkiser xorta huma nies li huma reliġjużi u minkejja kollox xorta baq­għu marbutin mal-Knisja. Qatt ma ħassew li peress li r-relazzjoni taż-żwieġ tagħ­­hom inkisret, huma ġew maqtu­għin. Għalhekk baq­għu jat­ten­du l-funzjonijiet reliġjużi u baqgħu wkoll jipparteċipaw. Fejn qabel, min­ħabba d-dif­fikultajiet kbar li kien hemm, ħafna minnhom, meta jsibu sieħeb jew sieħba ġdida, kienu jagħżlu li jpoġ­ġu kważi bil-moħbi, illum mhux sepa­razzjoni biss qegħ­din ifittxu, iżda annullament għax din hi l-unika triq li hemm biex jerġgħu jiżżewġu u jpoġġu r-relazzjoni l-ġdida tagħhom fuq pedamenti aktar sodi u legali.

It-tibdil li sar fis-soċ­jetà tagħna ntwera riċentament meta kien ġej il-Papa f’Malta u nqalgħu żewġ kwistjoni­jiet. L-ewwel ħaġa kienet l-iste­dina. Min kellu problemi fiż-żwieġ tiegħu ġie mistieden waħdu. Dan il-fatt wera li din il-problema qiegħda tol­qot l-istrati kollha tas-soċjetà. It-tieni kwistjoni kienet jekk dawn in-nies għandhomx jipparteċipaw kompletament u jitqarbnu. L-attitudni tan-nies fuq dawn iż-żewġ kwistjonijiet uriet kemm is-soċjetà nbidlet.

Riċentament il-kwistjoni reġgħet telgħet fil-wiċċ meta Membru Parlamentari ressaq mozzjoni biex iressaq liġi li tintroduċi d-divorzu. Illum il-mistoqsija hi dwar dan is-suġġett. Il-mistoqsija kienet:

Taqbel li f’pajjiżna jidħol id-divorzju?

IVA. Naqbel – 65.4%

LE. Ma naqbilx – 30.8%

M’għandix opinjoni – 3.8%

Kummenti: Il-maġġoranza tal-qarrejja ta’ l-orizzont (madwar 65%) jaqblu li f’Malta għandu jidħol id-divorzju. Min-naħa l-oħra, hemm madwar 31% li ma jaqblux ma’ dan. Kien hemm biss madwar 4% tal-qarrejja li għadhom ma ddeċidewx.

Li kien hemm biss madwar 4% li għadhom mhux deċiżi juri li n-nies diġà fformaw l-opinjoni tagħhom. Il-fatt li hemm madwar 65% li jaqblu juri kemm inbidlet is-soċjetà Maltija filwaqt li 31% li ma jaqblux juri li għad hemm minoranza qawwija li hi kon­tra dan it-tibdil. Bħalissa għaddejjin ħafna affarijiet wara l-kwinti. Hemm ħafna mistoqsijiet: din il-kwistjoni din id-darba se timxi ’l qud­diem u niddeċiedu darba għal dejjem jew se terġa’ tintesa? Jekk nimxu ’l qud­diem, kif se niddeċiedu – fil-Parlament, permezz ta’ refe­rendum jew nistennew elezz­joni? Jidher li jista’ jkollna sajf aktar sħun mis-soltu. Nistennew u naraw!



Stharrig

Taqbel mad-decizjoni li hadu l-haddiema tal-ST?

1. Iva naqbel

2. Le ma naqbilx

3. M'ghandix opinjoni



Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119