Articles

Fl-interess tal-ħaddiema

8/4/2010
Tony Zarb
Secretary General
Print


 

Dan l-aħħar il-GWU reġgħet kienet fl-aħ­barijiet. Din id-darba dwar il-każ tal-kumpanija ST Microelectronics, fejn il-GWU, għal darb’oħra reġ­għet uriet responsabbiltà kbira fl-aħjar interess tal-ħaddiema.

Il-ħidma li għamlet il-GWU, fil-każ tal-ST, kie­net immirata biex issalva l-impjiegi bl-inqas sagrifiċċ­ju u kien għalhekk li l-maġ­ġoranza assoluta tal-ħaddiema fehmu l-ħidma li għamlet il-GWU fl-aħjar interess tagħhom. Din il-ħidma kollha twettqet minn sieħbi Andrew Mizzi, Segretarju tat-Taqsima, flimkien mal-mem­bri tal-Group Committee tal-ħaddiema tal-ST.

Bil-ħidma li wettqet l-Unjin mhux biss irnexxielha tħa­res l-impjiegi tal-ħaddiema, iżda wkoll irnexxielha tnaqqas kemm tista’ s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu l-ħaddiema.

 

Infatti, il-kumpa­nija riedet li tnaqqas €2,000 fis-sena għas-sentejn li ġejjin u kien proprju bil-ħidma li wettaq Andrew Mizzi u sħabu tal-Group Committee li, b’diskussjonijiet diffiċli, was­lu biex minn sagrifiċċju ta’ €2,000 niżluh għal €250 għas-sentejn li ġejjin. Qabża kbira għal dak li riedet il-kumpanija.

Il-GWU ħasbet mhux biss fil-ħaddiema li llum jaħdmu mal-ST, imma wkoll ma’ ħaddiema ġodda li għad iridu jidħlu jaħdmu fl-ST u dan meta, il-GWU rrif­jutat proposta tal-maniġment li, ħaddiema ġodda għandhom jiġu impjegati bil-paga minima u kien bis-saħħa tal-GWU li ħaddiema ġodda għandhom jibdew jit­ħallsu aktar mill-paga minima.

F’din il-ħidma kollha, il-GWU wriet il-kredibbiltà tagħ­ha u ġabet fix-xejn kull kritika li kien hemm lest għaliha kieku l-affarijiet ma tranġawx. Min jaf kemm kien hemm min xtaq li ma jintlaħaqx ftehim biex ikun jista’ jiftaħ il-kanuni kontra l-GWU? Iżda lil dawn qtajnilhom l-għatx bil-perżut. Tajjeb li wieħed ifakkar li kienu bosta dawk li faħħru l-ħidma li saret mill-GWU, kif ukoll faħħru d-de­ċiżjoni responsabbli li ħadu l-ħaddiema tal-ST.

Bil-ħidma li saret fil-każ tal-ST, urejna bil-fatti kemm il-GWU hija kredibbli, kompetenti u konsistenti.

Il-ħidma tal-GWU, f’isem il-ħaddiema tal-ST, żgur li mhux se tieqaf hawn għax bħala unjin se nkomplu nku­nu ta’ servizz għal dawn il-ħaddiema kif ukoll għall-ħaddiema l-oħrajn kollha fil-postijiet tax-xogħol kollha fejn il-ħaddiema huma msieħ­bin fil-GWU, l-unjin li għaliha l-ħaddiema u l-familji tagħ­hom jibqgħu jiġu l-ewwel u qabel kollox.

Għalhekk ħafna ħaddiema għand­hom jagħmlu parti mill-GWU billi jkunu membri tagħha.

Messaġġ

Illum ngħaddu messaġġ lil dawk kollha li jaħdmu fil-qa­sam tas-servizzi. Lil dawn filwaqt li nawgurawlhom fil-ħid­ma tagħhom, inħeġġuhom biex jersqu lejn il-GWU għax bħala unjin, hemm ħafna x’nistgħu noffrulhom fl-aħjar interess tagħhom.