Articles

Ksur tal-liġijiet tax-xogħol

8/5/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General
Print


 

Kont ilni ma mmur Għajn Tuffieħa. Mort bħalma jagħmlu eluf nhar ta’ Sibt filgħaxija biex flimkien ma’ ħbieb inqattgħu ftit ħin għal BBQ. Bħal ma nħobb nagħmel wasalt ftit qabel il-ħin miftiehem u mort nixtri xi ħaġa x’nixrob. Dak wara l-bar beda jitkellem ma’ sieħbu u qallu dawn il-preċiżi kemliet, “Illum inħossi għaj­jien mejjet u lanqas naf kemm fadalli hawn”. “Mela x’ħin bdejt?” staqsieh sieħbu. “Was­alt hawn fis-6.00 a.m. iżda bdejt xogħol proprju fis-7.00 a.m.”.

Ma tridx tkun għaref biex tifhem li l-ewwel siegħa kienet misruqa minn fuq dahru. Kienu diġà saru t-8.00 p.m., jew aħjar 14 il-siegħa xogħol kontinwi u l-ġurnata kienet għad­ha ma spiċċatx! Sħabi waslu u għamilna il-BBQ tagħ­na qrib ħafna ta’ fejn saret il-kon­ver­żazzjoni li semmejt aktar ’il fuq. Għall-ħabta tal-11.00p.m. tniżżel ix-shutter tal-bar u jidher li għalaq. Dan ma jfissirx li l-ħaddiema spiċċaw mix-xogħol. Dan ma nistax ngħidu b’ċertezza, li hu żgur hu li x-shutter ingħalaq u ma rajtx ħaddiema jitilqu mill-post tax-xogħol.

Kalkolu sempliċi jurik li l-ammont ta’ sigħat xogħol kon­tinwu kien ta’ 17-il siegħa. Il-liġi titkellem ċar li ħadd ma jista’ jaħdem aktar minn 13-il siegħa f’ġurnata waħda, anzi biex inkun aktar preċiż il-ħaddiem għandu jingħata tal-inqas 11-il siegħa mistrieħ kul­jum u f’ġimgħa waħda jrid ikollu mistrieħ kontinwu ta’ darba għal mhux inqas minn 36 isegħa.

Dan li semmejt hawn fuq ma sarx bil-ħabi f’xi post magħluq fejn ħadd ma jista’ jkun jaf x’qiegħed jiġri. Sar quddiem eluf u għadu jsir ta’ kuljum matul il-ġranet tas-sajf.

Wieħed jista’ jargumenta li l-liġijiet huma għal kulħadd iżda meta tkun taf li anke ħaddiema tal-Gvern qegħdin jiġu trattati bl-istess mod malajr tikkonkludi li l-liġijiet qegħdin jiġu abbużati u jien inżid ngħid – bil-barka tal-awtoritajiet.

Waqt waħda mill-attivitajiet li kellna dan l-aħħar fil-Belt, inzertajt għamilt ftit ħin ­ħdejn suldat li kien għassa mal-bieb tal-Parlament. Staqsejtu fi x’ħin beda u stqarr miegħi li kienu ilu hemm mis-6.00 a.m.. “Fadalli sa x’ħin jispiċċa il-Parlament,” qalli. Dak il-jum partikolari il-parlament spiċċa wara l-11.00 p.m.. Bħal fil-każ tal-barman, dan il-povru suldat għamel aktar minn 17-il siegħa xogħol, mingħajr waqfa waħda għall-mistrieħ. Hemm bil-wieqfa għassa ma’ bieb li normalment minnu ma jgħaddi kważi ħadd. Iħares lejn is-siġar u jisma’ n-nies jitkellmu għaddejjin minn Pjazza Reġina. Xi ngħidu mbagħad għal dawk il-povri pulizija li jmisshom għassa ma’ residenzi ta’ mexejja tal-pajjiż.

 

Jagħmlulhom kaxxa tal-injam metru kwadru u xi żewġ metri twila u jitfugħhom fiha ġranet sħaħ. Jien inzertajt moqgħod Wied il-Għajn u mid-dar tiegħi nista’ nara l-ħin kollu waħda minn dawn il-famużi kaxxi. Immaġinaw f’xi temperatura ta’ aktar minn 35 grad f’xi sagħtejn ta’ wara nofsinhar din il-kaxxa xi protezzjoni tista’ tagħtik.

Persuni umani trattati agħ­ar minn annimal. U tinsewx li dawn parti minn forza ta’ persuni li jaħdmu direttament mal-Gvern. L-istess Gvern li suppost u sid mudell. L-istess Gvern li juża l-forzi tas-sigurtà biex iħarrsu l-liġijiet u li persuni bħalma huma suldati u pulizija qed iħaddimhom sigħat twal bi ksur tal-liġi.

Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern qiegħed ikaxkar saqajh biex iħalli l-pulizija, suldati, ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u gwardjani tal-ħabs jingħaqdu membri fit-trejd unjin. Wisq probabbli issa jiġu l-argumenti li dawk l-affarijiet jistgħu jiġu rranġati mingħajr il-bżonn tat-trejd unjin. Jista’ jkun li veru iżda nistaqsi jien, għaliex ma sarux qabel? It-tweġiba hi waħda sempliċi, ma hemmx impenn min-naħa tal-Gvern favur dawn il-ħaddiema. Is-soluzzjoni hi biss sħubija fit-trejd unjin. Il-bieb tagħna digà miftuħ għal dawk li jridu jersqu lejna. Akbar ma jkun in-numru akbar tkun is-saħħa u l-vuċi.



L-impjiegi li ġew salvati bl-inqas tbatija

Kull min hu midħla tar-relazzjonijiet in­dus­­­trijali u l-ħidma tal-unjins jaf kemm huma ftit l-okkażjonijiet meta kollox ikun miexi taj­jeb u fl-aħħar mill-aħħar tista’ tmur quddiem il-ħaddiema b’pak­kett ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ħafna aħjar milli kellhom. Ħafna drabi s-Segretarju ta’ Taqsima f’negozja­ti jkun iffaċċjat min-numru ta’ għażliet li kollha jinħassu fil-laħam il-ħaj tal-ħaddiem. Hi l-ħila tas-Segretarju tat-Taqsima li jagħżel l-inqas waħda li tagħmel ħsara.

Għas-Segretarju u x-‘shop steward’ hu aktar faċli li jmorru jinformaw lill-ħad­diema u jħeġġuhom biex jieħ­du azzjonijiet li jidhru sbieħ f’mumenti ta’ rabja. Rabja għax huma jkunu taw l-aħjar tagħhom u dan xorta ma jkunx biżżejjed mhux biss li jtejbu l-kundizzjoni­jiet tax-xogħol iżda li jaraw­hom jonqsu. Rabja għax taf li ħafna mit-tort tas-sitwazzjoni hu ta’ ħaddieħor li mhux biss ikun qed jilgħab għall-gallarija iżda li bil-wiċċ tost kollu jkun qiegħed jitfa’ t-tort fuqek.

Illum kulħadd jaf il-kapital jimxi minn pajjiż għall-ieħor f’tebqa t’għajn. Dan hu aktar faċli fejn l-industrija tkun qiegħda tipproduċi prodotti ġodda l-ħin kollu.

Huma dawn is-sit­waz­zjo­nijiet li jitfgħu lill-uf­fiċjali tal-unjin f’morsa. Min-naħa jifhmu lill-ħaddiema u min-naħa l-oħra jafu li l-aħjar għażliet f’ħafna ċirkostanzi hu li ssalva dak li tista’ mingħajr ħafna tbatija.

Pożizzjoni bħal din żvilup­pat riċentament fl-ST Microelectronics, l-aktar kumpanija importanti fis-settur industrijali f’Malta. L-importanza tal-ST Microelectronics hi mhux biss in-numru ta’ ħaddiema li timpjega iżda wkoll id-dħul għall-ekono­mija Maltija. Dan l-aħħar il-kumpanija ppreżentat lill-GWU pakkett ta’ awsterità li jnaqqas drastikament il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Il-GWU għamlet it-taħditiet mal-management biex tonqos it-tbatija fuq il-ħaddiema kemm jista’ jkun. Il-GWU ma setgħatx tirrifjuta li tikkunsidra dan il-pakkett għax kienet taf li l-alternattiva hi li jonqsu drastikament l-impjiegi. Wara dawn it-taħditiet il-GWU ppre­żentat il-pakkett ta’ kundizzjonijiet ġodda għall-konsiderazzjoni tal-ħaddiema.

Il-ħaddiema kkunsidraw dan il-pakkett u ma qablux miegħu. Il-GWU mal-ewwel bdiet diskussjonijiet mal-kumpanija biex dan il-pakkett jitjieb. Wara d-diskus­sjoni­jiet, il-pakkett il-ġdid ġie approvat mill-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema u għal­hekk il-ftehim ġie aċċettat mill-GWU.

Il-mistoqsija ta’ din il-ġimgħa kienet:

Taqbel mad-deċiżjoni li ħadu l-ħaddiema tal-ST?

1. Iva naqbel 95%

2. Le ma naqbilx 5%

3. M’għandix opinjoni 0%

Kummenti: Il-maġġoranza tal-qarrejja jablu mad-deċiżjoni li ħadu l-ħaddiema tal-ST li jaċċettaw il-pakkett ta’ awsterità li kien qed jiġi propost mill-kumpanija. Kie­nu biss 5% li ma qablux ma’ din id-deċiżjoni. L-opinjoni tal-minoranza nifmuha għax ħadd ma jieħu gost li jara l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu jew ta’ ħaddiem ieħor sejrin lura. Sitwazzjonijiet bħal dawn m’humiex pjaċevoli u jo­ħolqu dubji f’moħħ ħafna nies. Il-ħad­diema u l-unjins tagħhom stabbiltà u titjib tax-xogħol iridu u mhux inkwiet u ħaddiema aktar fil-bżonn.

L-opinjoni tal-maġġoranza hi bħal dik li ntqalet minn ħafna nies fil-midja nazzjonali. Il-pożizzjoni tal-GWU kienet ċara mill-ew­wel. L-għan aħħari kien li jiġu salvati l-impjiegi. Fil-fatt wara l-vot, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, is-Sur Tony Zarb ġie rrapportat li qal “fl-ST Microelectronics ġew salvati iżjed minn 1,500 post tax-xogħol”. Dan kien l-aktar għan importanti għax il-GWU tifhem li l-impjieg hu l-ħajja tal-ħaddiem. Iżda l-GWU hi ottimista wkoll li din is-sitwazzjoni hi minħabba ċ-ċirkostanzi pre­żenti. Fil-fatt is-Segretarju tat-Taqsima, is-Sur Andrew Mizzi, qal “dan huwa kapitlu magħluq u issa nisperaw li fiż-żmien li ġej inkomplu nibnu l-fiduċja biex din il-kumpanija f’Malta tkompli toħloq ix-xogħol għall-ħaddiema Maltin. Apparti minn hekk, fiż-żmien nittamaw li nkunu nistgħu niddiskutu ftehim kollettiv ġdid, bil-possibilità li dan jiġi milħuq sal-aħħar tas-sena 2012”.



Stharrig

Taqbel li l-GWU tista' taghmel id-differenza ghall-pulizija, suldati, gwardjani tal-habs u membri tal-protezzjoni civili?

1. IVA

2. LE

3. Jista jkun iva izda mhux dejjem



Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119