Articles

L-UE bil-vaganzi

8/12/2010
Michael Parnis
Dep. Secretary General
Print


 

Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lul­ju tlajt Brussels għall-aħ­ħar laqgħa tal-Kumitat Eko­nomiku u Soċjali (KESE) tal-UE. Kienet laqgħa pjuttost twila li fiha ġabret dak kollu li kien ilu jistenna ftit tax-xhur u li ried jiġi konkluż qabel il-vaganzi tas-sajf. Fi tmiem il-laqgħa, iċ-ċermen, filwaqt li xtaqilna bħas soltu l-vjaġġ it-tajjeb awguralna wkoll vaganzi sbieħ. Kienet l-aħħar laqgħa qabel il-KESE kollu joħroġ bil-vaganzi.

Ħafna mill-ħaddiema li huma impjegati mal-KESE (mhux il-membri) jieħdu l-vaganzi twal tagħhom matul dan il-perjodu u billi ħafna minnhom mhumiex Belġjani iżda marru jaħdmu hemm mill-pajjiżi terzi, imorru lura lejn pajjiżhom għal ftit ġim­għat. L-istess jagħmlu ħafna ħaddiema oħrajn li jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea. Dan iġib Brussels bħala speċi ta’ deżert. Tinnota ħafna inqas traffiku u ħafna inqas nies fuq il-metro. Il-lukandi jagħtu skonti fuq ibbukkjar li jsir ma­tul dan iż-żmien biex jattiraw aktar nies meta normalment fil-ġranet l-oħrajn tax-xitwa il-prezz ikun ferm ogħla u mhux dejjem ikun faċli issib fejn torqod.

Hekk kif jgħaddi Awwissu nerġgħu lura għan-normal. Brussels terġa’ tieħu l-ħajja u nerġgħu għar-rutina tas-soltu. Laqgħat fuq xulxin u mingħajr nifs, traffiku esaġerat u kulħadd megħdi b’xogħol. Tagħmel ġurnata jew tnejn u terġa’ lura f’pajjiżek. Dawk li bħali jitilgħu Brussels kważi kull ġimgħa drajna sew lil xulxin u sirna “l-komunità tal-ajruplan”. Mhux biss drajna lil xulxin iżda drajna anke l-istaff tal-Air Malta li magħ­hom naqsmu l-vjaġġ lejn Brus­sels u lura.

 

Matul dan il-perjodu ta’ mis­trieħ minn Brussels u l-UE nkomplu bil-ħidma tagħna f’paj­jiżna. Nipreparaw għal dak li ġej fix-xhur ta’ wara s-sajf iżda nagħmlu wkoll xi xogħol li forsi nkunu ħallejna lura matul is-sena. Min-naħa tiegħi dan is-sajf hu wieħed impenjattiv ħafna għall-fatt li qed naħdem fuq proġetti ġodda li ma jistgħux jistennew. Għal dan il-għan ħassejt li l-aħ­jar mument hu appuntu issa meta m’għandix ivvjaġġar għal kwazi xagħar u nofs. Donnu li dan is-sajf se jkun aktar impenjattiv minn oħ­rajn ta’ qablu u ma tantx jidher li se jkolli ċans nieħu xi ġranet leave. Madankollu x-xogħol irid isir u ma jistax jintefa’ lura. Ċerti problemi ma jkunux jistgħu jistennew u trid taġixxi malajr u jekk jista’ jkun mingħajr żbalji.

Waqt li jsir dan kollu nkun diġà qed nagħmel il-preparamenti għal-laqgħat li jkun imiss fi Brussels li għalija personali jibdew fl-1 ta’ Settembru. Minbarra hekk f’Ottubru jispiċċa t-term ta’ erba’ snin tiegħi u nibda wieħed ġdid u għad irrid nara eżatt liema kumitati u sessjonijiet se niġi appuntat għalihom. Sakemm ja­sal inkompli b’xogħli.

Minn din il-paġna nixtieq nawgura vaganzi sbieħ lil kul­ħadd kemm dawk li se jieħ­duhom kif ukoll dawk li bħali se jqattgħu ħafna minnhom f’uffiċċju jew xi post ieħor tax-xogħol.



Dawn il-ħaddiema nies ukoll

Il-Ħaddiem qed hemm biex jagħti l-ġurna­ta xo­għol, iżda min­kejja xo­għol differenti, kollha nies u hemm bżonn li jiġu stmati ta’ bnedmin. Hu għalhekk li l-unjins matul is-snin infirxu mhux biss fil-pajjiżi kollha, iżda wkoll ma’ kull tip ta’ ħad­diem. Bdew fil-postijiet indus­trijali u baqgħu jinfirxu ma’ kull tip ieħor ta’ xogħol. Dan ma sarx b’kum­bi­nazzjoni, iżda għax kien hemm ħeġġa mill-ħaddiema f’dawn is-setturi biex jassiguraw kundizzjonijiet ta’ xogħol xirqin.

Dan sar mhux biss għax il-ħaddiema saru forza meta ngħaqdu iżda wkoll għax l-ideat ta’ maniġment mo­­dern jgħidu li biex ħad­diem jippro­duċi l-aħjar bl-inqas spejjeż irid ikun stmat ta’ nies.

Qasam li fid-dinja żamm ’il bogħod l-unjins kien il-qasam tas-sigurtà, speċjal­ment l-armata u l-pulizija tal-pajjiż. Dan ġara minħabba ideat li dejjem dawru dan il-qasam – ideat li jmorru kontra mhux biss l-ideat mo­derni ta’ maniġ­ment modern iżda wkoll sa ċer­tu punt id-drit­tijiet fundamentali. Dan għax dawn dej­jem kienu meqjusin bħala korpi dixxiplinari fejn id-dix­xiplina kienet meqjusa bħala l-aktar ħaġa im­portanti.

Idea li hi bbażata fuq il-ħsieb li dawn il-forzi waraj­hom dejjem hemm xi moħħ kbir ta’ xi mexxej li filwaqt li fl-armata jwassal għal sigurtà u glorja għall-pajjiż, fil-puli­zija jwassal biex kulħadd jista’ jmur joqgħod b’moħħu mis­trieħ li l-kriminalità ġiet milqugħa u kkontrollata. Ideat mill-istorja ta’ kull paj­jiż li huma ftit ’il bogħod mir-realtà tal-ħajja. Dan għax jekk wieħed iħares sew lejn dak li jkun ġara jsib li ħafna gwerer ħadu l-iżvolta tagħ­hom minħabba xi grupp ta’ suldati li waħedhom raw opportunità u b’kuraġġ dawru l-istorja. L-istess fil-pulizija, ħafna drabi hi l-ħila u l-inizjattiva ta’ dak il-ħin li salva ħafna nkwiet. F’dawn l-okkaż­jonijiet ma kinitx id-dixxipli­na esaġerata li kważi tmiss mal-moħqrija u li twassal biex ikollna robots minflok ħaddiema responsabbli b’iniz­jattiva u motivazzjoni li jagħm­­lu xogħolhom mingħajr ħafna kontrolli.

Fortunatament illum għan­dna ħaddiema f’dawn il-korpi li jaraw l-affarijiet diffe­ren­ti filwaqt li għandna wkoll il-GWU li lesta tilqa’ lil dawn il-ħaddiema fi ħdanha biex tiżgura l-aħjar kundizzjoni­jiet lil dawn il-ħaddiema wkoll.

Hu minħabba dawn l-ideat żbaljati li daħlet kultura fil-pajjiż kollu li dawn ix-xogħlijiet u l-unjins ma jitħalltux. Bħalma għedna dawn l-ideat huma mifruxin fil-pajjiż kollu. Hu minhabba f’hekk li din il-ġimgħa staqsejna dwar dan is-suġġett. Il-mistoqsija kie­­net:

Taqbel li l-GWU tista’ tagħ­mel id-differenza għall-puli­zija, suldati, gwardjani tal-ħabs u membri tal-protezzjoni ċivili?

1. IVA

2. LE

3. Jista’ jkun iva iżda mhux dejjem

Kummenti: Mit-tweġibiet li rċevejna l-qarrejja wrewna li jemmnu li jekk dawn il-ħaddiema jkunu organizza­ti fil-GWU, igawdu jistgħu għax il-kundizzjonijiet tagħ­hom jitjiebu. Bħalma sem­mej­na dan anke l-ħaddie­ma f’dawn il-korpi jafuh u llum qegħdin jersqu aktar bi ħġarhom lejn il-GWU.

Kien hemm madwar 94% li jemmnu li l-GWU tista’ tagħ­mel differenza għal dawn il-ħaddiema. Kien hemm biss madwar 6% li ma jemmnux dan. Dawn kienu maqsumin fi 3% li ma jemmnux li l-GWU tista’ tagħ­mel differenza u dawk li jemmnu li mhux dejjem.

Ir-raġunijiet li wasslu għall-aħħar gruppi ġeneralment idu­­ru ma’ żewġ argumenti. L-ew­­wel argument hu li f’dawn il-korpi hu diffiċli li ġġib tibdil għax min jikkman­da għandu poteri kważi asso­luti. Dawn warajhom għand­­­­hom il-liġijiet u regolamenti li jsaħħu dan il-poter. Biss allaħares li kieku dan kien veru dejjem għax kieku dawn il-korpi qatt ma jinbidlu. Meta n-nies tirrealizza li l-af­farijiet jistgħu jinbidlu, l-affarijiet wa­­ħedhom jinbidlu. Wieħed malajr jiftakar li meta l-GWU semmiet li dawn il-ħaddiema għandhom jin­għataw iċ-ċans li jorganizzaw ruħhom f’un­jin, malajr bdew jiċċaqilqu l-affarijiet.

Dan iwassal għat-tieni argu­ment li diġà hemm min jieħu ħsieb dawn il-ħaddiema. Li tis­kanta hu kif min iġib dan l-argument ma jistaqsix għa­liex l-affarijiet baqgħu l-is­tess. Żgur li waħda mill-affa­rijiet li hemm li jżomm dan in-nuqqas ta’ progress hu l-fatt li naħsbu li l-affarijiet ma jistgħux jinbidlu. Probabbilment hi l-biża’ ta’ bidla li tis­taġ­­na kollox.

Nagħlaq billi nsemmi eżem­pju. L-armata Olandiża hi waħ­da professjonali iżda hi ar­mata li l-membri tagħha jis­tgħu jidħlu f’unjin. Fil-fatt huma organizzati fl-AFMP li hi wkoll membru tal-għaqda tal-unjins Olandiżi. Dan l-aħ­ħar is-suldati Olandizi ġew ir­tirati mill-Afghanistan. Biss ġew imfaħħrin li kienet waħda mill-aktar forzi effettivi. Dan juri li l-unjins f’dawn il-korpi dixxiplinati ġid jagħmlu għax jgħallmu lill-ħaddiema jaħdmu f’kundizzjonijiet aħjar u għalhekk aktar effiċ­jenti.

Hu għalhekk li dawn il-ħad­­­diema f’Malta wkoll qegħ­din jersqu aktar lejn il-GWU għax jafu li din tista’ ttejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom u tagħmilhom aktar effiċjenti.



Stharrig

Taqbel ma' leave fit-tul fil-granet tas-sajf?

1. Iva naqbel

2. Le ma naqbilx

3. Mhux dejjem tajjeb jew hazin



Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq 99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119