Articles

L-Isqof ta’ Għawdex…u s-solidarjetà

8/18/2010
Tony Zarb
Secretary General
Print


 

Għalkemm ma nagħmilx parti mid-djoċesi ta’ Għawdex, nistqarr li laqtitni ferm l-ittra pastorali mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Nista’ ngħid bla tlaqliq li l-ittra pastorali laqtitni mhux bi ftit għax tinkludi suġġetti importanti li l-bniedem qiegħed jesperjenza fiż-żminijiet tal-lum.

Fost affarijiet oħrajn, l-itt­ra pastorali titkellem fuq il-faqar u tfakkar li, f’pajjiżna hawn 15% tal-popolazzjoni fir-riskju tal-faqar, xi ħaġa li bħala unjin tkellimna dwarha. Il-pastorali ma tittrattax biss il-faqar materjali imma tittratta wkoll forom oħrajn ta’ faqar. Il-pastorali tistaqsi: “għaliex il-faqar?”

U tgħid “waħda mill-kawżi ta’ dan il-faqar kollu hija l-individwaliżmu li ħolqot il-kultura kapitalista. Dan wassal biex jinfirex l-anonimat, tikber l-indifferenza u joktor in-numru ta’ dawk li għalkemm parti mill-folla, qegħdin jgħixu fis-solitudni”. Anke aħna bħala unjin ilna żmien twil nitkellmu dwar l-individwaliżmu, speċjalment bejn il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol, u dejjem stqarrejna li, bl-individwaliżmu qiegħda tinqered is-solidarjetà.

Punt importanti li tittratta l-pastorali huwa dak tas-solidarjetà. Xi ħaġa li hija ferm importanti għalina bħala unjin u dan għaliex il-unjin bħal kull unjin oħra, hija mibnija fuq is-solidarjetà. L-Isqof Grech fakkar fil-kmandament tal-imħabba li tana Ġesù u li huwa t-tweġiba għal din l-isfida tas-solidarjetà meta fakkar li Gesù qal li “bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”. Din hija stqarrija ċara ħafna dwar il-ħtieġa ta’ solidarjetà bejn il-bnedmin. U għalhekk hemm bżonn ta’ aktar solidarjetà bein il-poplu, anki l-poplu bħala ħaddiem.

L-Isqof Mario Grech fil-pastorali stqarr li wieħed japprezza wkoll l-intervent tal-istat u tal-imsieħba soċjali f’ċerti każijiet, biex setgħu jiġu assigurati l-impjiegi.

Din l-istqarrija tal-Isqof Grech saret ftit tal-ġranet wara li, bis-saħħa u bil-għaqal tal-GWU ġew salvati madwar 1,400 impjieg mill-kumpanija ST Microelectronics. Punt ieħor fil-pastorali tal-Isqof Grech li ġie apprezzat min-naħa tagħna tal-GWU, huwa dwar is-solidarjetà soċjali fejn qal li s-soċjetà trid tkun solidali maż-żgħażagħ tagħna, speċjalment billi tfittex tipprovdilhom xogħol produttiv mhux biss biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom imma wkoll biex jiksbu d-dinjità. Is-solidarjetà tissarraf ukoll fil-kontribut li kull ċittadin huwa fid-dmir li jagħti fir-rispett u l-liġijiet fiskali biex il-kaxxa tan-nazzjon tkun tista’ tipprovdi l-għajnuna lil min jinħtieġ, partikolarment liż-żgħir.

Għalhekk tkun solidali jfisser li ma jkunx hemm evażjoni tat-taxxa, stqarr l-Isqof Mario Grech. Tajjeb wieħed ifakkar li, permezz tas-solidarjetà jiġi mħares il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Bħala unjin ilna nsostnu l-bżonn tas-solidarjetà soċjali u, għalhekk, naqblu ma’ dak li stqarr l-Isqof Grech.

L-Isqof Grech jagħlaq il-pastorali tiegħu proprju b’dan il-kliem: “Dan huwa mottiv biex nifirħu flimkien u naħdmu għal soċjetà fejn is-solidarjetà tgħammar fost il-bnedmin.”

Aħna proprju dan li rridu u ilna nistqarru li rridu soċjetà solidali mhux biss fuq il-post tax-xogħol imma anke barra għax għalina tal-GWU nħarsu lejn il-bniedem bħala bniedem sħiħ li jkun xprunat mill-prinċipju tas-solidarjetà u ġustizzja soċjali.

Għalhekk nappellaw lil kulħadd, kemm lill-Maltin kif ukoll lill-Għawdxin, biex jixtarru sew il-messaġġ ta’ solidarjetà kif espress fl-ittra pastorali tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech.



Messaġġ

Il-messaġġ tagħna llum imur lejn dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-ħwienet u, filwaqt li nawgurawlhom ħidma tajba, infakkruhom li, bħala GWU, nistgħu nagħmlu ħafna għal dawn in-nies u nappellawlhom biex jersqu lejn il-GWU biex, bħala unjin inkunu ta’ wens għalihom ukoll.