Articles

Il-ħidma ma tiqafx

8/25/2010
Tony Zarb
Secretary General
Print


 

GĦalkemm matul il-perjodu tas-sajf suppost li kulħadd jieħu ftit tal-ġranet mistrieħ, nista’ ngħid li l-ħidma fi ħdan il-GWU kompliet għaddejja. Il-ħidma li bħalissa tkun qiegħda ssir fi ħdan il-Union hija ħidma li ma tantx tidher barra imma, nassigura lil kulħadd, li l-ħidma li tkun qiegħda ssir, hija ħidma ferm importanti għax hija ħidma mmirata lejn l-istrutturi tal-Unjin u kif il-Unjin se tħejji ruħha għax-xhur li ġejjin, biex tkompli taqdi dmirha lejn il-ħaddiema, pensjonanti u l-familji tagħhom.

Nistgħu ngħidu li s-Segretarji tat-Taqsimiet jibqgħu għaddejjin b’xogħolhom nor­mali – jaqdu lill-membri b’ħidma, kemm fil-bini tal-Unjin kif ukoll, ħafna drabi, fuq il-postijiet tax-xogħol. Hawn nixtieq nieħu l-ok­każjoni li nirringrazzja lis-Segretarji għall-ħidma tagħ­hom.

 

 

Nirringrazzja wkoll lill-familji tal-Uffiċjali tal-Unjin għall-paċenzja u l-appoġġ li huma jagħtu. Is-Segretarji tal-Union huma l-Uffiċjali li l-ewwel iħabbtu wiċċhom mal-membri bil-problemi li l-istess membri jkollhom. Dawn il-problemi jkunu varji, anke xi drabi l-membri jersqu lejn is-Segretarji bi problemi personali li anke ma jkollhomx x’jaq­s­mu max-xogħol tagħhom. Hawn ma rridx ninsa l-ħidma li jagħmlu x-Shop Ste-wards u li jagħmluh fuq bażi volontarja u anke dawn ikunu minn tal-ewwel li jħabbtu wiċċhom mal-problemi li jkollhom il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol. Lil sħabna x-Shop Stewards irridu nirringrazzjawhom ukoll tal-ħidma li jwettqu u ngħi­dulhom li x-xogħol tagħhom hu ferm apprezzat min-naħa tagħna.

Matul ix-xhur tas-sajf, il-ħidma tal-Unjin tibqa’ għaddejja. Fost affarijiet oħrajn, li jkun għaddej ix-xogħol fuqhom, huwa t-tħejjija għall-proposti li l-Unjin tkun qiegħda tħejji għall-baġit tal-Gvern u dan wara li l-Gvern jippubblika d-dokument ta’ qabel il-baġit. Inkunu għaddej­jin b’xogħol ieħor ta’ kif naraw fejn għandha tmur il-Unjin fix-xhur li ġejjin u nippreparaw ruħna għax-xogħol kollu li jkun jinħtieġ li jsir. Dan is-sajf partikolari, il-ħidma tagħna kienet ukoll konnessa mal-MCESD, meta aħna qegħdin nirrappreżentaw lill-Unjin fi tliet sotto-kumitati tal-MCESD fejn dawn qegħdin iħejju rapport li, wara għandu jiġi għad-diskussjoni quddiem l-istess MCESD biex wara li ssir diskussjoni f’dak il-livell, naraw liema huma dawk il-kwistjonijiet li hemm qbil dwarhom. Tajjeb li wieħed jinnota li s-suġġetti li qegħdin jiġu diskussi, kollha b’xi mod jew ieħor jolqtu dirett jew indirett lill-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Kif diġà għidna, il-ħidma fi ħdan il-GWU hija waħda kontinwa u li ma tiqafx. Fix-xogħol tagħna ma tistax tie­qaf, mhux biss għax ikollok il-ħaddiema jaħdmu fuq il-postijiet tax-xogħol u allura l-problemi ma jiqfux, iżda wkoll għax, bħala organiz­zazzjoni nazzjonali, il-GWU trid tkun dejjem minn ta’ quddiem biex, mhux biss nagħ­tu l-opinjoni tagħna fi kwistjonijiet ta’ livell nazzjonali, imma wkoll biex immexxu ’l quddiem l-Aġenda tagħna, anke fuq livell nazzjonali.

Qud­diem dan kollu, il-ħad­diema għandhom jinnotaw il-ħidma mwettqa mill-GWU, imma wkoll dawk il-ħad­diema li, sal-lum, għadhom mhux mem­bri tal-GWU, għandhom jagħmlu l-ku­raġġ u jissieħbu bħala membri ta’ din l-akbar għaqda tal-ħaddiema f’Malta – il-General Worers’ Union.

Messaġġ

Il-messaġġ tagħna llum imur lejn il-ħaddiema tal-General Soft Drinks u nawgurawlhom għall-ħsieb tagħhom li jorganizzaw l-attività “GIVE” li serviet bħala solidarjetà ma’ dawk l-inqas ixxortjati. Mill-ġdid prosit lill-ħaddiema u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu involuti.