|
8/26/2010
|
|
Michael Parnis
|
|
Dep. Secretary General
|
Print
|
Matul
dan is-sajf kienu bosta dawk li kitbu dwar l-MCESD. Assistejna għal
avvenimenti, fosthom għaqda ta’ min iħaddem li ssospendiet il-parteċipazzjoni
tagħha mill-MCESD, il-pressjoni tal-FORUM biex jingħaqdu bħala membri u anke
‘private members’ bill’ imressqa mill-Onorevoli Gino Cauchi biex tinbidel
il-liġi. Tista’ tgħid li dan is-sajf kien iddominat minn dan is-suġġett.
Riċenti l-Gvern bagħat ittra li fiha qed jagħti ħjiel li lest ibiddel il-liġi u
jemenda biex jipprova jikkuntenta lill-FORUM fit-talba tagħhom biex jingħaqdu
membri.
Sa ftit ġimgħat ilu l-istess Gvern kien qed jgħid li biex tinbidel il-liġi irid
ikun hemm ftehim unanimu fl-MCESD. Jien kont ktibt li din hi biss skuża biex ma
ssirx bidla u xejn aktar. Il-UHM ilha tgħid li mhix favur li l-FORUM jingħaqdu
bħala membri u nemmen li l-Gvern ma jixtieqx jieħu deċiżjoni li turtahom. Iżda
issa naħseb li l-Gvern induna li din il-pożizzjoni kienet żbaljata u qed jipprova
jraqqa l-pannu bil-qara aħmar. Qed ngħid hekk għax il-proposti tal-Gvern xorta
waħda jħallu żbilanċ fuq in-naħa tal-ħaddiema. Jidher li l-Gvern jixtieq
idaħħal il-FORUM u magħhom jixtieq ukoll idaħħal rappreżentant mill-Industrija
f’Għawdex. Jekk dan iseħħ xorta waħda jkun hemm żbilanċ fuq in-naħa
tal-ħaddiema u minflok erbgħa b’ħamsa niġi ħamsa b’sitta.
Hemm ukoll proposta biex min għandu tnejn,
inaqqas wieħed biex jiġu akkomodati l-FORUM. Anke hawn jinħoloq żbilanċ.
Il-GWU għandha żewġ siġġijiet kif għandha l-Kamra tal-Kummerċ, u jekk dawn
inaqqsu wieħed kull wieħed nerġgħu niġu bi żbilanċ. Hawn tajjeb ta’ min isemmi
li mhux il-GWU biss għandha żewġ siġġijiet iżda anke is-CMTU. Jgħidu x’jgħidu
l-verità hi waħda u ħadd ma jista’ jgħid li qed nivvinta. Il-UĦM hi parti
mis-CMTU anzi parti sew mis-CMTU, għalhekk is-CMTU għandha is-siġġu tagħha u
l-UHM li nerġa’ ngħid hi l-maġġoranza tas-CMTU għandha siġġu għaliha wkoll.
Meta twaqqfet l-MCESD il-ħsieb oriġinali kien li l-GWU u s-CMTU jkollhom żewġ
siġġijiet kull wieħed iżda l-UĦM m’għoġobiex dan l-arranġament u riedet siġġu
għaliha.
Minkejja dan kollu naħseb li wasal iż-żmien li l-Gvern ikun aktar kuraġġjuż u
jimmira għal riforma aktar drastika. Riforma li tinkludi fiha wkoll is-Soċjetà
Ċivili. Ix-xogħol tal-MCESD hu wieħed purament konsultattiv. L-MCESD ma
jmexxix Malta u nemmen li ħadd mill-organizzazzjonijiet li jagħmlu parti
minnhu ma jridu hekk. L-MCESD qiegħed hemm biex jagħti pariri li Gvern fl-oqsma
Ekonomiku u Soċjali.
Nirrepeti jagħti pariri u mhux jilleġisla. Jista’ xi ħadd jispjegali kif xi
ħadd jista’ jieħu parir mingħandu stess. Kif jista’ l-Gvern jitlob parir
lill-MCESD meta fuq l-istess MCESD il-Gvern għandu erba’ siġġijiet. Jekk
il-Gvern irid verament pariri siewja għandu jafda f’idejn il-membri
tas-soċjetà ċivili, it-trejd unjins u min iħaddem.
Dan hu dak li jsir f’diversi pajjiżi tal-UE, għalkemm mhux kollha. Dan hu dak
li qiegħda tipproponi l-GWU fid-dokument tagħha dwar l-istess suġġett.
Jonqos biss il-kuraġġ min- naħa tal-Gvern u ma nibqgħux inraqqu l-pannu
bil-qara aħmar.
Sparar u nar
Zgur li ħadd ma jista’ jiċħad li dan l-aħħar snin kibret il-popolarità
tal-festi f’pajjiżna. Illum ma ssib imkien li ma jiċċelebrax xi festa.
Illum tista’ tgħid li kollha huma festi kbar. L-ewwel tibda banda, wara jibda
l-armar fit-toroq u biex ma nħalluhiex nieqsa għal melħa, ikollna wkoll
in-nar. Biex kollox jieħu dimensjoni ħafna akbar, kulma tkun trid hu li xi
ħadd tiġih l-idea li jibda banda oħra. Hawn jibdew il-piki. Fejn ikun hemm
dawn, żgur li l-aktar li jidher hu n-nar li jiġi sparat. F’ċerti rħula bħal Ħal
Lija, hemm tradizzjoni qawwija tan-nar. Mhux biss nar sparat iżda wkoll
tradizzjoni ta’ xogħol tan-nar. Kulħadd jara x’jivvinta biex joħloq tip ta’
nar ġdid.
Għall-ewwel konna mmorru għall-kwantità. Il-pika kienet min kien ikollu
l-aktar nar u min kien ikollu l-aktar kaxxa infernali twila. Illum, l-aktar
dawk il-kmamar tan-nar li għandhom tradizzjoni, saru aktar sofistikati u
qegħdin imorru għal kwalità wkoll. Il-kompetizzjoni li ssir kull sena
għal-logħob tan-nar tat aktar żvoġ għal nar ta’ kwalità.
Aktar kompetizzjoni, aktar pika u aktar kmamar tan-nar għax kulħadd irid
jesperimenta. Li tesperimenta fid-delizzju tiegħek hi xi ħaġa tajba għax hu
b’hekk biss li timxi ’l quddiem. Iżda hemm differenza kbira li tesperimenta
fuq xi magna u li tesperimenta bin-nar. Ir-raġuni prinċipali hi li meta qed
tesperimenta fin-nar tkun qed tilgħab b’kimiċi li jisplodu. Fuq kollox hemm
differenza kbira meta għandek xi inġinier tal-kimika li qed jesperimenta fuq
kimiċi li jisplodu fil-laboratorju taħt kundizzjonijiet stretti u kkontrollati
u xi ħadd li jekk għandu, hu livell baxx tax-xjenza tal-kimika u qed
jesperimenta taħt kundizzjonijiet li mhux ikkontrollati.
Saru sforzi, għalkemm għal ħafna sforzi patetiċi u nofs qalb, biex jipprovaw
jikkontrollaw dan ix-xogħol biex jonqos il-periklu. Iżda għadna ’l bogħod
ħafna. Ftit ilu kellna diżgrazzja oħra meta taret kamra tan-nar oħra, din
id-darba tal-Mosta lejlet il-festa u ntilfet il-ħajja ta’ persuna oħra. Kull
meta ssir diżgrazzja bħal din, tibda diskussjoni fuq dan ix-xogħol.
Il-mistoqsija din il-ġimgħa kienet:
Taqbel li x-xogħol tal-logħob tan-nar jinqata’ minn pajjiżna?
IVA naqbel – 59.2
LE Ma naqbilx – 11.8
Ikun hemm aktar kontrolli – 38.9
Kummenti: L-akbar grupp hu dak li jaqbel li x-xogħol tal-logħob tan-nar
jinqata’. Kien hemm ftit inqas minn 60% li jemmnu dan. Kien hemm ftit anqas
minn 30% li jemmnu li dan ix-xogħol jitħalla, għandu jkun hemm aktar
kontrolli. Kien hemm biss ftit aktar minn 10% li jemmnu li l-affarijiet
għandhom jibqgħu kif inhuma. Tajjeb li ngħidu li dan l-istħarriġ sar ftit wara
li taret il-kamra tan-nar tal-Mosta. Bħalma jiġri dejjem f’Malta, wara
diżgrazzja jkun hemm furur, iżda wara ftit kollox jintesa u l-affarijiet
jerġgħu lura għal fejn ikunu. Sakemm terġa’ tiġri diżgrazzja oħra!
Jekk nieħdu r-riżultat insibu li hemm daqs 90% li jemmnu li l-affarijiet
m’għandhomx jibqgħu kif inhuma. Qegħdin jgħidu li hemm bżonn isir xi ħaġa
biex nikkontrollaw dawn id-diżgrazzji. Minn dawn kien hemm madwar 60% li
jemmnu li dan ix-xogħol jinqata’. Dan l-ammont kollu jista’ jkun riżultat għax
kienet għada kemm seħħet diżgrazzja oħra fejn intilfet ħajja oħra. Ir-raġuni
hi għalkemm dan ix-xogħol jista’ jinqata’, in-nar fil-festi żgur li mhux se
jinqata’. Għalhekk is-soluzzjoni tkun li nimportaw dan il-logħob tan-nar u
l-perikli, sa ċertu punt, xorta jibqgħu hemm għax ix-xogħol irid jinħażen u
jinġarr.
It-30% l-oħrajn qegħdin jgħidu li hemm bżonn ta’ aktar kontrolli. Ftit snin
ilu kienu saru rapporti biex ikun hemm aktar kontrolli u biex dan ix-xogħol
isir fuq bażi aktar professjonali. Kemm imxejna ’l quddiem ma nafx għax
id-diżgrazzji f’dan il-qasam xorta għadhom hemm u xorta jsiru b’mod goff. Din
id-darba d-diżgrazzja setgħet kienet ħafna agħar. Hu għalhekk li l-maġġoranza
tan-nies urew din ix-xewqa. Li tiskanta kienet li din id-darba, l-awtoritajiet
baqgħu siktin u ma kien hemm l-ebda kliem li se jsiru aktar kontrolli.
Kien hemm biss 10% li jemmnu li kollox għandu jibqa’ kif inhu. Probabbilment
dawn in-nies huma mdaħħlin aktar f’dan ix-xogħol minn ħaddieħor u jaraw li
bħal kull xogħol ieħor, tagħmel x’tagħmel, il-perikli jibqgħu hemm. Kien hemm
minn ħareġ bl-argument li l-ammont ta’ nies li ntilfu tul is-snin ma kienx kbir
esaġerat. Il-konkluzjoni hi li m’għandniex nesaġeraw għax taret kamra tan-nar
oħra.
Argument li jidher li ġie aċċettat mill-awtoritajiet għax baqgħu passivi wara
l-aħħar diżgrazzja. Minn dan l-istħarriġ jidher li l-maġġoranza tan-nies ma
jaqblux ma’ dan. Għall-maġġoranza, li ntilfet ħajja oħra, hi diżgrazzja li
setgħet ġiet evitata u għalhekk mhux aċċettabbli.
Stharrig
Taqbel li ghandu jkun hemm kontroll fuq l-armar li jsir fil-festi?
1. Iva naqbel
2. Le ma naqbilx
3. F'certi kazi biss
Aghzel il-preferenza tieghek u ibghat SMS bin-numri tal-preferenza 1, 2 , 3 fuq
99497426 jew e-mail fuq mparnis@gwu.org.mt jew ċempel fuq in-numru 21232119