Articles

Il-kowċ ta’ tim

1/12/2012
Michael Parnis
Dep. Secretary General
Print

Il-partit fil-Gvern għaddej minn kriżi. Fl-opinjoni tiegħi l-agħar waħda f’dawn l-aħħar 25 sena. Jidher ċar li l-aħħar taż-żminijiet qegħdin fil-qrib sew u jrid ikun veru miraklu biex l-affarijiet jitranġaw. Programmi fuq programmi, kitbiet fuq kitbiet – kulħadd jgħid tiegħu u jispekula jew jipprova jbassar x’se tkun il-mossa li jmiss. Il-poplu jistenna ċċassat jara dawn il-pantomimi jseħħu qud­diem wiċċu. Dawk li ma marrux jaraw waħda f’dawn il-ġimgħat, iffrankaw il-flus għax illum qed ikollna waħda jekk mhux aktar kuljum. Smaj­na fuq li smajna iżda issa wasal iż-żmien tad-deċiżjo­ni­jiet. Ma nistgħux nibqgħu hekk, imdendlin nistennew li xi ħadd jinqasam. Pajjiżna jix­raqlu ferm aħjar minn hekk. Li ħareġ żġur minn dawn il-ġranet hu sempliċi, li minn jitkaża jaqa’ fil-każa. Tiftakru kemm inkiteb u ntqal meta fil-GWU kellna nkwiet intern? Naħseb li żġur li ħadd ma jista’ jlumna jekk aħna niktbu kif kitbu huma. Għandna mera ċara li dak li ġara u llum nistgħu sempliċiment nħarsu lejha u nagħmlu eżatt kif għamlu huma.

F’dawn l-aħħar ġranet smajna diversi argumenti iżda wieħed mill-aktar l-ispikka kien ix-xebħ ma dak li qed jiġri ma’ tim tal-futboll, b’refe­ren­za għall-kowċ. “Il-kowċ jagħżlu t-tim u mhux il-plejers”. “Plejers li qegħdin jilagħ­bu ħażin għandhom jinbidlu mar-riservi”. “Ma jistax ikollok kowċ tajjeb li jitmexxa minn xi klikka ta’ plejers,” kie­nu fost dak li ntqal. Naħseb li l-paragun hu wieħed tajjeb iżda naħseb ukoll li qed isir żball oħxon meta jitkomplew isiru dawn il-paraguni. Aktar minn żball naħseb li dak li qed jingħad f’dan il-konfront qed isir bi ħsieb. Hu veru li l-kowċ jagħżel il-plejers u jbiddel u jixrti dawk li jħoss hu iżda qed jintesa il-fatt li l-kowċ mhux suprem u li fuqu għandu is-sid tat-tim kif ukoll l-eluf ta’ partitarji li jsostnuh. Kellna eżempji fejn ‘coaches’ tajbin kellhom iwarr­bu minħabba li kemm il-plejers ma setgħux jaħdmu magħ­hom kif ukoll għax tilfu il-fiduċja tal-partitarji. Kellna eżempji li l-partitarji kienu kor wieħed kontra il-kowċ u finalment id-diriġenti tat-tim iddeċidew li jneħħuh. Kellna wkoll eżempji fejn plejers kbar ofrew għażla ċara jew aħna jew il-kowċ. L-argument hu wieħed sempliċi li mhux veru li l-kowċ u suprem. Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-partitarji u s-si-dien tat-tim.

Jekk dan jitqabbel bl-istess mod kif il-politiċi tagħna qabluh allura wieħed malajr jikkonkludi li l-Prim Ministru (kowċ) qiegħed hemm biex jagħmel dak li jgħidulu l-partitarji u s-sidien (poplu). Jekk plejer jilgħab ħażin normalment naraw kif nagħtuh dak li jkun possibbli biex jerġa’ jikseb il-fiduċja iżda jekk min­kejja kollox dan xorta jibqa’ jilgħab ħażin il-kowċ jista’ jneħħiħ mill-for­mazzjoni iżda mhux jgħid li m’għa­dux plejer. Il-plejer jista’ jmur ma xi ħadd ieħor jew jista’ joqgħod jagħ­mel it-taħriġ biss u ma jilgħabx, xorta jieħu l-paga għax hekk jgħid il-kunt­ratt, sakemm tasal il-ġur­nata li jintemm l-kun­t­ratt u s-sidien jagħż­lu jekk jer­ġ­għux iġġeddulu jew le. Mill-banda l-oħra sakemm il-plejer jin­għa­ta l-fi­duċja u jilgħab jista’ jagħmel ħaf­na żbal­ji u anke xi ‘auto goals’.

Dak it-tim li qed imex­xi  pajjiżna għan­du di­versi problemi. Mhux biss plejer wieħed li mhux qed jaqbel mad-deċiżjonijiet tal-kowċ. Hemm plejers oħrajn li mhux kuntenti bil-pożizz­joni li qegħdin jilagħbu fiha. Mill-banda l-oħra hemm partitarji li wkoll mhux kun­tenti u qegħdin imorru il-grawnd juru l-għadab tagħ­hom. Finalment is-sidien għandhom l-aħħar kelma. Is-sidien huma dawk li jippompjaw il-liri biex it-tim jimxi ’l quddiem. Jekk is-si-dien jitilfu l-fiduċja kemm fil-kowċ kif ukoll fit-tim jistennew iċ-ċans biex ibiddlu. Sa­kemm jasal dak iċ-ċans ikun hemm tim imfarrak li jista’ jaqa’ f’di­viż­joni oħra b’detri­ment għall-ple­jers u l-kowċ (li malajr idabbru ras­hom) il-partitarji  (li xorta jib­qgħu jmorru l-grawnd biex forsi t-tim tagħhom jerġa’ jieħu ir-ruħ) iżda l-aktar li jbatu huma s-sidien li jaraw flushom jitberbqu u jogħsfru. L-unika triq onorabli hi dik li ma tib­qgħax issir aktar ħsara u l-kowċ flimkien mat-tim jitoblu lis-sidien għall-kuntratt ġdid. L-elezzjoni hi l-unika mod kif noħroġu minn din il-kriżi li ninsabu fiha.