News
Diskussi problemi fil-qasam tas-sahha
Il-problemi marbutin mal-qasam tas-saħħa li għaddejjin minnhon l-anzjani kienu s-suġġett ta’ laqgħa li delegazzjoni mill-Għaqda tal-Pensjonanti tal-GWU kellha mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat, fiċ-Ċentru Laburista l-Hamrun.
Id-diskussjonijiet iċċentraw l-iktar dwar żewġ mozzjonijiet li kienu diskussi waqt il-Konferenza Ġenerali Bijennali tal-Għaqda tal-Pensjonijiet dwar id-dewmien biex isiru l-operazzjonijiet fl-isptarijiet tal-Gvern u kif ukoll l-iskarsezzi u l-prezzijiet esaġerati tal-mediċini.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li spjega l-pożizzjoni tal-Partit Laburista dwar dawn iż-żewġ problemi, stqarr li għandha tinstab soluzzjoni ġusta għalihom billi dawn qegħdin jolqtu direttament b’mod partikulari lill-pensjonanti Maltin u Għawdxin.
Id-delegazzjoni tal-GWU, li kienet immexxija mis-Segretarju Ġenerali s-Sur Tony Tony Zarb, inkludiet lis-Sinjuri Leone Fenech, Censu Esposito, Tony Busuttil u Joe Sapiano mill-Għaqda tal-Pensjonanti.
Dr. Muscat kellu miegħu lill-Kelliemi Laburista għall-Anzjani s-Sur Anthony Agius Decelis.
Sadanittant, l-Għaqda tal-Pensjonanti tal-GWU talbet laqgħa mal-Ministru tal-Politika Soċjali, John Dalli biex miegħu tiddiskuti wkoll dawn iż-żewġ problemi.