News
L-istudenti m'ghandhomx ikunu mqarrqin
Il-General Workers Union Youths esprimiet it-tħassib serju tagħha bl-allegazzjonijiet li qegħdin isiru dwar istituzzjonijiet edukattivi privati li qegħdin joffru korsijiet universitarji mhux rikonoxxuti. Saħqet li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jieħu dawn l-allegazzjonijiet bis-serjetà u jivverifika mill-aktar fis possibli jekk dawn l-allegazzjonijiet humiex veritiera jew le.
“Huwa inaċċettabbli li f’pajjiżna jkollna sitwazzjoni fejn iż-żgħażagħ b’sagriffiċċji kbar jagħmlu ħilithom kollha u jħallsu eluf ta’ ewro biex itejbu l-prospetti futuri tagħhom u wara jsiru jafu li l-kwalifiċi li jkunu ngħataw mhumiex rikonoxxuti. Huwa fatt magħruf li madwar id-dinja, mhux l-inqas fl-Ewropa kien hemm sensiela ta’ universitajiet li kienu qegħdin iqarrqu bl-istudenti, għaldaqstant m’għandniex neħduha b’sorpriża li dawn jistgħu wkoll jeżistu f’Malta”, qalet il-GWU Youths.
Appellat ukoll lil dawk iż-żgħażagħ, li qegħdin jitħajjru jidħlu għal xi tip ta’ kors universitarju ma’ xi istituzzjoni edukattiva privata, biex jixtarru sewwa l-informazzjoni provduta ħalli ma jkunux ingannati b’ċertifikati li fil-verità ma jkollhom valur ta’ xejn.
Il-Gvern, min-naħa tiegħu, apparti li jinvestiga għandu jibda kampanja ta’ għarfien indirizzata lil dawk iż-żgħażagħ li huma mħajjrin jibdew kors ma’ istituzzjoni edukattiva privata biex ikunu gwidati bl-aħjar mod possibli fl-għażliet tagħhom.