News
It-tariffi tad-dawl u l-ilma: Theddida għall-investiment u l-impjiegi
Minn rapporti li qegħdin jaslu
lill-GWU, jidher li t-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma qegħdin jheddu
l-investiment u l-impjiegi tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Dan joħroġ ċar minn diskussjonijiet li bħalissa qed ikollu s-Segretarju
tat-Taqsima Manifattura u Intrapriżi Medji u Żgħar tal-GWU mal-kumpanija Nylon
Knitting li hija ffaċċjata b’żieda ta’ €2 miljuni oħrajn fil-kont tad-dawl u
l-ilma.
Waqt laqgħa li saret nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar bejn it-Taqsima u l-maniġment
tal-kumpanija, dwar it-tiġdid tal-Ftehim Kollettiv, ħareġ ċar li t-tariffi
l-ġodda xekklu mhux ftit id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat.
Fil-fatt, il-laqgħa tad-29 ta’ Jannar kellha tkun l-aħħar waħda qabel jiġu
konklużi n-negozjati tal-Ftehim Kollettiv.
Apparti dan, sar magħruf ukoll li l-aħħar fażi tal-investiment li l-kumpanija
kienet ippjanat issa jinsab fil-periklu li ma jseħħx.
Il-kumpanija Nylon Knitting hija waħda fost id-diversi kumpaniji oħrajn,
bħall-ST, Toly Products, General Soft Drinks u Trelleborg li minħabba
diffikultajiet fl-operat tagħhom kaġun tat-tariffi ogħla imposta fuqhom
mill-Gvern, qegħdin jaħsbuha fuq l-investiment li kellhom jagħmlu.
Minbarra l-ispiża kkaġunata mit-tariffi, is-sitwazzjoni għall-industriji lokali
kompliet teħżien iktar wara li tħabbru żidiet oħrajn fil-prezz tal-fuwil fejn
it-Thin Fuel Oil, li huwa wżat l-iktar mill-industriji, ogħla bi €28 kull
tunellata.