News

Il-GWU b’taħdidiet fl-interess tal-impjegati tal-Enemalta

 

Fid-dawl tal-fatt li l-GWU tgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tal-Enemalta, hija qiegħda ittenni li hi biss għandha d-dritt tinnegozja f’isem il-ħaddiema f’dak li jirrigwardja kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan jinkludi wkoll id-diskussjonijiet dwar ir-riforma li għaddejja bħalissa f’diversi sezzjonijiet fl-Enemalta.

Wara l-ftehem li laħqet fl-istruttura u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema li jaħdmu fis-Sezzjoni tal-Avjazzjoni tal-Enemalta, fil-ġimgħat li ġejjin se tkompli għaddejja b’diskussjonijiet fuq strutturi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema f’sezzjonijiet oħra tal-Enemalta kemm dawk fil-Power Station tal-Marsa kif ukoll ta’ Dellimara.

Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet fl-interess tal-ħaddiema kemm għas-sezzjonijiet tal-‘workshop’, tad-distribuzzjoni, tal-‘credit control’ kif ukoll tas-sezzjoni tal-Petroleum.

Nhar it-Tnejn il-GWU se tlaqqa l-Kumitat Eżekuttiv tal-ħaddiema tal-Enemalta biex tippjana laqgħat għall-ħaddiema fejn jiġi spjegat lilhom ix-xogħol li l-GWU hija għaddejja bih fl-interess tagħhom. Ir-riformi u tibdil strutturali fis-sezzjonijiet li l-management tal-Enemalta qiegħed jitlob qegħdin ikunu diskussi kontinwament mal-GWU.

Għaldaqstant il-GWU qiegħda tiddeplora l-fatt li meta hi u t-tmexxija tal-Enemalta qegħdin ifittxu li jsibu soluzzjonijiet għall-problemi kbar li jeżistu, hemm minn fil-‘management’ qiegħed jgħin anki permezz ta’ unjin oħra biex tikber il-firda fost il-ħaddiema ħalli dak li jixtieq iwettaq anki kontra ir-rieda tal-ħaddiema jidħol bla tbattija.

Il-GWU qiegħda twissi li mhux se tħalli li dan isir għax it-tkissir u l-firda fl-għaqda tal-ħaddiema jkunu l-ħaddiema biss li jitilfu kif ġara f’postijiet tax-xogħol oħra fejn dawn waqgħu għat-tixwix tal-egoiżmu.