News

Dan tradiment kontra l-poplu Malti – Tony Zarb



 

Illum fil-Parlament assistejna għal tradiment kontra l-poplu Malti minn rappreżentanti li suppost qegħdin hemmhekk biex jiddefendu l-interessi tal-poplu.

 

Dawn kienu l-ewwel kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb, wara li l-membri tal-Gvern ivvotaw kontra mozzjoni li ressaq il-Partit Laburista biex il-Gvern ma jimplimentax it-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma li se jkomplu jżidu l-piżijiet fuq il-ħaddiema, familji, pensjonanti u anke l-industrija kollha.

Tony Zarb qal li l-Gvern ittarrax fuq l-għajta tal-poplu u ma semax mill-poplu. Huwa qal li dawk kollha li vvotaw kontra r-rieda tal-poplu se jinżammu responsabbli. Il-Gvern qed ikun kattiv fil-konfront tal-poplu.

F’isem l-Għaqda Unjins Maltin, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU irringrazzja lill-poplu Malti talli wieġeb bi ħġaru għas-sejħa li għamlitlu l-Għ.U.M. Il-poplu Malti u Għawdxi mhux se jinsa kif dan il-Gvern qed jittrattah u ma jistħoqqlux l-appoġġ tal-poplu.

 

 

Is-Sur Zarb qal li meta lbieraħ tkellem il-Ministru George Pullicino fil-Parlament qal li l-unjins ma tawx proposti lill-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA), imma l-Ministru Pullicino wera li ma jafx li l-unjins kienu għaddew proposti lill-istess MRA waqt laqgħa li kellhom iż-żewġ naħat.

 

 

Fil-Kamra tar-Rappreżentanti rajna lill-membri tal-Gvern jit­tra­dixxu lil min tellagħhom fil-Parlament, saħaq Tony Zarb. Huwa qal li b‘hekk kompla l-ingann fil-konfront tal-familji Maltin, pensjonanti u ħaddiema u għaldaqstant ma jixirqilhomx jissejħu rappreżentanti tal-poplu.

Fl-aħħarnett Tony Zarb qal li l-Gvern injora totalment ukoll il-proposti li l-unjins taw lil Gordon Cordina, liema proposti kienu maqbula mal-Imsieħba Soċjali kollha. Imma l-Gvern għażel li jiskarta dan ir-rapport.

 

Sadanittant qabel beda l-Par­lament il-mexxejja tal-unjins fil-5.30 p.m. bdew jimxu minn Misraħ il-Ħelsien tul Triq ir-Repubblika sa Misraħ San Ġorġ b’eluf ta’ ċittadini li daħlu l-Belt għat-tieni jum konsekuttiv u mxew warajhom. Kif waslu kantuniera ma’ Triq it-Teatru sabu mijiet oħrajn ta’ nies jistennew, li kienu nżammu milli jidħlu lejn Misraħ San Ġorġ fejn it-triq ġiet magħluqa b’‘barriers’ u numru ta’ Pulizija. Kienu l-uffiċajli tal-unjins u l-ġurnalisti biss li tħal­lew jidħlu. Kif l-uffiċjali tal-unjins waslu hawn intlaqgħu b’ċapċip kbir mill-folla kbira li nġabret.

Iżda anke hawn l-ogħla uffiċ­jali tal-11-il unjin li jiffurmaw l-Għaqda Unjins Maltin sabu ‘barriers’ tal-ħadid biex jifirduhom mill-membri parlamentari huma u deħlin fil-Parlament.

 

Din l-attitudni kienet ikkundannata minn diversi persuni li raw din is-sitwazzjoni bħala waħda mhix aċċettabbli u li dawn l-uffiċjali ġew stmati bħal nies mhux fdati u li kien hemm il-ħtieġa li jiġu kkontrollati. Mhux magħruf ta’ min kienet id-deċiżjoni li jit­poġġew ‘barriers’ quddiem il-bieb prinċipali tal-Palazz tal-President u tul il-pjazza sa Triq l-Arċisqof.

Hekk kif bdew deħlin il-mem­bri parlamentari għas-se­duta tal-bieraħ, Tony Zarb, Geitu Mer­cieca, John Bencini u Paul Pace ippreżentawlhom ittra uffiċjali tal-Għ.U.M. fejn talbuhom biex jivvotaw favur il-mozzjoni tal-Partit Laburista biex jitneħħa l-avviż legali li daħħal fis-seħħ it-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma. Uħud mill-membri parlamentari min-naħa tal-Gvern kienu diġà daħlu fil-bini tal-parlament ferm qabel il-5.30 p.m. filwaqt li kien hemm oħrajn, ukoll min-naħa tal-Gvern, li ma aċċettawx l-ittra fosthom il-Ministru Austin Gatt u Clyde Pulì li njoraw lill-uffiċjali tal-unjins meta sejħulhom biex jieqfu u jieħdu l-ittra.

 

L-uffiċjali tal-unjins appellaw lill-membri parlamentari kollha biex “jibżgħu għall-poplu għax il-poplu muġ­ugħ.”

Min-naħa l-oħra l-membri parlamentari Laburisti kollha aċċettaw l-ittra fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej Anġlu Farrugia.

Minn hemm ir-rappreżentanti tal-11-il unjin reġgħu lura lejn fejn inżammu n-nies fejn għal darb’ oħra ntlaqgħu b’applaws kbir li kien reċiprokat mill-istess uffiċjali bħala turija ta’ ringrazzjament tal-appoġġ kbir li taw lill-unjins.

Intant l-ittra li l-Għ.U.M. ippreżentat lill-membri parla­men­tari tgħid hekk – “Illum fil-Parlament Malti se titressaq mozzjoni mill-oppożizzjoni dwar it-tariffi ġodda tad-dawl u l-ilma li ġew fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010. Il-poplu Malti diġà qed iħallas tariffi għoljin ħafna, fost l-ogħla fl-U.E., tariffi li qegħdin iġibu piżijiet kbar fuq il-familji, pensjonanti, romol u l-ħaddiema in ġenerali.

“It-tariffi mħabbrin li ġew fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 issa se jkunu aktar ogħla u se jkomplu jpoġġu l-familji Maltin f’sitwazzjoni prekarja ħafna. Se jkun hemm bosta familji li se jaffaċċjaw diffikultajiet kbar. Eluf ta’ familji litteralment m’għandhomx il-mezzi finanzjarji li jħallsu dawn il-kontijiet.

“It-tariffi hekk imsejħin non-residenzjali wkoll se jħallu impatt perikoluż fuq in-negozju, ristoranti, ħwienet żgħar u kbar, jiġifieri fuq l-industrija in ġenerali b’mod partikolari fuq it-turiżmu. Dan jista’ jirriżulta li bosta ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom b’periku kbir li jista’ jkollna żieda sostanzjali fil-qgħad.

“Inti elett mill-kostitwenti tiegħek biex tassigura li dan kollu ma jseħħx. In-nies li fdawk u tawk il-vot biex int tkun elett biex tirrappreżentahom issa jistennew minnek tirreċiproka il-lealtà lej­hom. Din hija s-siegħa tal-prova għalik u għalhekk huwa d-dmir sagrosant tiegħek li tara u tassigura li d-deċiżjoni li se tieħu llum ma tirriżultax f’piżijiet li l-poplu Malti ma jiflaħx.

Il-poplu ġarrab biżżejjed kaġ­un ta’ dawn it-tariffi tad-dawl u l-ilma u qed jappellalek biex tagħti kasu u tonora dak li għidtlu meta ħabbatt il-bieb tiegħu għall-vot u wegħedtu l-impenn tiegħek li tħares l-interess tiegħu u tal-familja.”

L-ittra kienet iffirmata minn John Bencini, Ċermen tal-GħUM.