News

Il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech jgħawweġ il-fatti


 

B’referenza għal dak li ġie rrapportat li qal ilbieraħ il-Ministru tal-Finanzi, is-Sur Tonio Fenech, li l-General Workers’ Union (GWU) ddeskriviet il-Baġit 2010 bħala moderat u li l-Gvern laqa’ ħafna mill-proposti li għamlet hi fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-GWU tixtieq tiċċara fatti li l-Ministru Fenech ma kienx korrett dwarhom.

Il-GWU ttenni li filwaqt li l-Ministru Fenech ipprova jirkeb fuq dak li qalet il-GWU dwar il-Baġit, madankollu l-istess Min­istru konvenjentement ħalla barra minn diskorsu dak li qalet il-GWU li dak il-Baġit moderat seta’ jintilef biż-żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma.

Il-fatti kif ġraw illum juru li dak li pprevediet il-GWU seħħ tant li l-effetti pożittivi li seta’ kien fih il-Baġit 2010 intilfu kważi għal kollox bid-dħul fis-seħħ tat-tariffi tad-dawl u l-ilma mill-1 ta’ Jannar li għadda.

Apparti hekk, il-GWU issostni wkoll li fil-Baġit ma kien hemm ebda indikazzjoni li t-tariffi kienu se jogħlew b’mod qawwi jekk mhux ukoll esaġerat, tant li llum huma l-maġġoranza tal-Imsieħba Soċjali li ħarġu kontra. Prova ta’ dan ingħatat ilbieraħ waqt il-manifestazzjoni grandjuża li fiha l-poplu semma’ leħnu u qal li ma jiflaħx iġorr iktar piżijiet.

Il-GWU tikkundanna kif il-Ministru Tonio Fenech ipprova juża frażi tal-GWU biex mingħalih jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li minkejja li l-poplu qed juri kemm huwa mweġġa’, kemm il-Ministru Fenech u kemm il-Prim Ministru ddikjaraw lill-poplu li t-tariffi huma li huma u jrid jidrahom. Hija prova din ta’ kemm il-Gvern huwa insensittiv li lest jgħabbi lill-poplu b’piżijiet biex jgħatti l-ineffiċjenzi tiegħu.