News
Aktar self employed fi ħdan il-GWU
Sa
minn qabel il-manifestazzjoni grandjuża ta’ nhar il-Ħadd li għadda kontra
t-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma bosta ħaddiema minn diversi setturi
avviċinaw lill-GWU mhux biss talli jinkoraġġixxu lill-unjin tkompli taħdem
għall-ġid tal-ħaddiema imma wkoll biex jikkundannaw l-attitudni u
l-provokazzjoni tal-unjins oħrajn li baqgħu gallarija bl-iskuża li llum
is-soluzzjonijiet jinstabu biss madwar il-mejda tad-diskussjoni.
Dan juri kemm il-poplu, li fil-maġġoranza tiegħu huma ħaddiema, apprezza u
appoġġja l-isforzi kollha tal-GWU u l-FORUM tal-unjins biex jitnaqqsu kemm
jistgħu l-impatt kbir li se jħallu t-tariffi. Il-biċċa kbira tal-poplu tkaża
bl-aġir ta’ dawk il-unjins u organizazzjonijiet li għalkemm il-membri tagħhom
ukoll se jintlaqtu bil-kbir bil-miżuri iebsa mitfuħa fuqhom konsegwenza
tat-tariffi ħarbu mir-responsabbiltà tagħhom.
U s-serjetà tat-tmexxija tal-GWU qed jarawha wkoll ħafna mis-sidien ta’ negozji
żgħar, fosthom sidien ta’ ħwienet li ċemplu biex jindagaw dwar jekk jistgħux
jissieħbu fil-GWU.
Il-GWU temmen li anki s-‘self employed’ tal-ħwienet iż-żgħar, restoranti, dawk
li jarmaw fis-swieq, tal-linja u oħrajn huma kollha ħaddiema u l-GWU hija
miftuha għalihom biex tagħtihom servizz.
Huwa proprju għalhekk li l-GWU bħala l-akbar unjin ġenerali fil-pajjiż u
l-aktar waħda b’saħħitha internazzjonalment lesta li tagħti widen għal ilmenti
ta’ dawk il-ħaddiema ‘self employed’ li talbu biex din tibda tħares u
tiddefendi l-interessi tagħhom.
Il-mod ta’ kif aġixxew speċjalment il-UĦM u l-GRTU li marru kontra l-interessi
tal-maġġoranza tal-membri tagħhom biex ikunu spalla mal-Gvern anki meta jafu
d-daqqiet li qed jaqilgħu l-industriji u s-‘self employed’ iż-żgħar, hija
konferma li għalihom l-ewwel u qabel kollolx hu l-Gvern.
Għaldaqstant il-bieb tal-GWU huwa miftuħ għal dawk kollha li jemmnu fl-għaqda u
qegħdin iħossu li tmexxija tal-organizzazzjonijiet li qegħdin fihom mhux
iwasslu l-leħen tagħhom imma l-interessi partiġġjani li huma jħaddnu.