News
Geitu Mercieca aggredit:Il-GWU turi solidarjetà mal-uffiċjal tagħha
L-Amministrazzjoni
Ċentrali tal-General Workers’ Union (GWU) flimkien mal-uffiċjali u ħaddiema
tal-Unjin, ilbieraħ esprimew is-solidarjetà tagħhom mad-Deputat Segretarju
Ġenerali tal-GWU, Geitu Mercieca, wara li dan safa aggredit l-Erbgħa filgħaxija
f‘restorant il-Belt Valletta.
Il-GWU kkundannat bla riservi l-aġir tal-aggressur li ġie identifikat bħala
Charles Vella, li kien impjegat tal-Unjin sakemm dan tkeċċa mill-impjieg għal
raġunijiet serji ħafna. Jirriżulta li wara l-inċident, Vella ġie arrestat
b’konnessjoni ma’ din l-aggressjoni u nżamm taħt arrest fuq ksur
tal-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Maġistrati, f’kawżi kriminali
separati.
Il-GWU tirringrazzja lil dawk kollha li wrew is-solidarjetà tagħhom
mal-uffiċjal tagħha li safa vittma ta’ reat kriminali.
Fl-istess ħin tesprimi d-dispjaċir tagħha li l-midja tal-PN għażlet li tuża din
l-aggressjoni għal skopijiet partiġġjani u bħal donnha riedet tiġġustifika
r-reat kriminali, bil-fatt li Charles Vella kien tkeċċa mill-impjieg.
Sadanittant, ilbieraħ sar magħruf li l-aggressur tas-Sur Mercieca baqa’
jin-żamm arrestat u se jitressaq il-Qorti dalgħodu b’konnessjoni mal-attakk.
L-aggressur attakka lis-Sur Mercieca nhar l-Erbgħa li għadda, ftit qabel
is-6.00 p.m. mbagħad ħarab minn fuq il-post. Malli sar rapport dwar il-każ,
fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt, diversi pulizija għamlu tfittxija intensiva
għall-aggressur f’diversi stabbilimenti fil-Belt sa-kemm inqabad u ġie
arrestat.
Is-Sur Mercieca kellu jiddewwa fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana minħabba
l-ġrieħi li ġarrab fl-attakk.