News
F'Jum in-Nisa… Il-GWU ssellem lin-nisa Maltin
Fl-okkażjoni ta’ Jum in-Nisa li jiġi ċċelebrat kull sena fil-jum tat-8 ta’ Marzu, il-GWU ssellem lin-nisa kollha Maltin u tirringrazzjahom għax is-sehem tan-nisa hu bla qies kemm bix-xogħol tagħhom fejn qegħdin jagħtu kontribut fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u kif ukoll għas-sehem prezzjuż tagħhom fi ħdan il-familja u s-soċjetà. Minkejja li l-familja u l-ulied huma responsabilità maqsuma bejn il-ġenituri, dejjem jibqa’ l-istint matern tal-mara li tgħaqqad il-familja. Għaldaqstant, mingħajr dubju m’għandux ikun dan il-jum biss li fih nagħtu ħarsa lejn is-sehem tal-mara fis-soċjetà tagħna.
Għalkemm matul is-snin, il-mara Maltija daħlet f’oqsma tradizzjonalment maħsubin li kienu territorji li fihom jiddominaw l-irġiel, xorta għad hemm spazju kbir fejn aktar nisa jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Intant, biex aktar nisa jersqu lejn id-dinja tax-xogħol, jeħtieġ impenn akbar, kemm fis-settur pubbliku, entitajiet pubbliċi kif ukoll fis-settur privat fejn hemm lok għal titjib sostanzjali f’dawk l-istrumenti li jwasslu biex jagħmlu x-xogħol aktar maħsub li jkun orjentat lejn il-familja.
Il-GWU, li dejjem kienet pijuniera fil-ħarsien u drittijiet tal-mara xorta tibqa’ tisħaq dwar il-ħtieġa li n-nisa li jridu jaħdmu barra minn darhom iridu jsibu l-appoġġ meħtieġ biex ma jkollhomx jagħżlu bejn ix-xogħol u d-dritt li jkollhom it-tfal.
Sistemi ta’ xogħol varji u flessibbli huma inċentivi tajbin biex jagħtu spinta ‘l quddiem lill-interessi tan-nisa fis-soċjetà tagħna, iżda l-GWU tkompli tisħaq biex is-servizzi ta’ ‘childcare centres’ f’pajjiżna l-Gvern għandu jara li jkun hawn aktar ċentri li jkunu tal-aqwa kwalità u importanti li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mid-dħul finanzjarju tal-individwu.
F’dan il-kuntest ukoll, il-GWU, waqt li tifraħ lin-nisa f’dan il-jum iddedikat lilhom, ma tistax iżda ma tinnotax bi preokkupazzjoni l-fatt li ħafna nisa li jaħdmu kif ukoll ħafna nisa tad-dar li qegħdin isibuha aktar diffiċli jlaħħqu mal-bżonnijiet tal-familja minħabba l-għoli tal-ħajja aktar u aktar bit-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma.