News

Turija ta’ solidarjetà mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU


 

Wara li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Robert Arrigo talab lill-Ispeaker tal-Parlament biex jieħu passi kontra s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Tony Zarb, għax stqarr li l-Membri Parlamentari tal-Gvern kienu tradituri tal-poplu meta dawn bil-vot tagħhom ħallew lill-poplu mgħobbi bil-piżijiet tad-dawl u l-ilma u li ma wettqux dak li wegħdu, kienu bosta dawk li wrew is-solidarjetà tagħhom ma’ Tony Zarb u komplew jagħmlulu kuraġġ biex ikompli b’ħidmietu favur il-poplu.

Il-messaġġi ta’ solidarjetà ma’ Tony Zarb waslu minn diversi oqsma tal-ħajja fosthom ħaddiema u pensjo­nan­ti membri tal-GWU, li magħhom ingħaqdu wkoll grupp ta’ shop stewards ġodda tal-GWU li lbie­raħ temmew kors intensiv ta’ erbat ijiem.

Kienu wkoll ħafna dawk is-self-employed u membri ta’ unjins oħrajn li esprimew solidarjetà mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Saħansitra kien hemm anke membri tal-kleru, diversi professjonisti u nies oħrajn li lkoll urew is-solidarjetà tagħhom.

Fl-istess waqt ukoll, bosta oħ­rajn stqarrew li dawn l-attentati m’huma xejn għajr sforzi biex jagħlqu ħalq min bil-provi qed jiddefendi lill-poplu.

F’kumment li ta lil l-oriz­zont, Tony Zarb filwaqt li rringrazzja lil kull min b’xi mod wera s-so­lidarjetà tiegħu miegħu, stqarr li ma kienx qiegħed jistenna din is-solidarjetà min-naħa tal-po-plu u wiegħed li hu, flimkien ma’ sħabu se jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu favur il-poplu jkunu xi jkunu ċ-ċir­kostanzi.