News
Il-GWU tingħata raġun f’li qalet dwar it-tariffi
Il-GWU
tħoss sodisfazzjon li l-Manifestazzjoni li għamlet fil-Belt flimkien mal-FORUM
tal-Unjins fit-28 ta’ Frar li għadda ħalliet effett tant li għenet biex
il-Gvern jifhem aktar id-diffikultajiet li kompla ħoloq lill-Industriji u
Lukandi bil-piżijiet straordinarji tat-tariffi tad-dawl u l-ilma li impona
fil-bidu ta Jannar 2010.
L-Istqarrijiet li ħarġu l-Malta Hotels and
Restaurants Association (MHRA) u issa l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriżi u
Industrija jikkonfermaw kemm dak li qalet il-GWU kien minnu li ma kienx hemm
konsultazzjonijiet u diskussjonijiet biżżejjed mal-Imsieħba Soċjali qabel ma’
l-Gvern għaġġel jiddeċiedi.
Il-GWU tħoss sodisfazzjon akbar għax kienet ukoll fuq proposta tagħha, u li
issa l-Gvern għamilha tiegħu, li sena ilu l-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech,
beda jgħin lil dawk l-indusriji u lukandi li kienu għaddejjin minn
diffikultajiet anki minħabba nuqqas ta’ investiment.
Min-naħa tagħha l-GWU se tkun qiegħda tgħasses fuq dawk l-industriji li wara
l-għajnuna li qed jingħataw mill-Gvern minn flus il-poplu xorta jibqgħu jheddu
l-kundizzjonijiet u l-impjiegi tal-ħaddiema.
Il-GWU wkoll se tibqa’ tippersisti u tħeġġeġ lill-Gvern biex ikollu sens akbar
u jżid aktar l-għajnuna lill-familji biex b’hekk jgħinhom ukoll joħorġu
mid-diffikultajiet kbar li ntefgħu fihom permezz tat-tariffi li ġew
implimentati.
Il-poplu m’għandhux jibqa jħallas hu għall-ineffiċjenza u l-inkapaċita ta’ dawk
responsabbli mit-tmexxija tal-Korporazzjoni Enemalta.