News
38 ‘shop steward’ tal-GWU jtemmu kors ta’ erbat ijiem
Tmienja
u tletin ‘shop steward’ tal-GWU l-bieraħ temmew kors ta’ erbat ijiem intiż
proprju biex itejjeb il-ħidma tagħhom u l-kuntatt bejn il-ħaddiema li
jirrappreżentaw u l-istess unjin.
Il-kors kien jinkludi fost oħrajn taħriġ fil-kommunikazzjoni, fil-liġi u
r-relazzjonijiet industrijali, fin-negozjati għall-ftehim kollettiv u l-ħidma
tat-tribunal industrijali.
Bosta mix-‘shop stewards’ faħħru lill-GWU għal dan il-kors li, skont huma,
għandu jgħinhom fil-ħidma tagħhom b’risq il-kollegi tagħhom. Il-parti l-kbira
tagħhom ħeġġew lill-unjin biex tkompli torganizza korsijiet bħal dawn
speċjalment dwar il-liġi industrijali.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali (Internazzjonali) tal-GWU Michael Parnis qal li
għal dan il-kors baqa’ x’jattendu madwar 30 ‘stop steward’ ieħor u semma kif
huwa l-ħsieb tal-unjin li torganizza iktar korsijiet għax-‘shop stewards’
tagħha fosthom dwar l-avviżi legali.
Waqt li ħeġġeġ lix-‘shop stewards’ biex jekk ikollhom xi problema fil-ħidma
tagħha ma jiddejqux ikellmu lill-uffiċjali għolja tal-unjin għax il-bibien
tagħhom huma miftuħin għalihom, Parnis semma kif f’Settembru li ġej l-istess
‘shop stewards’ se jerġgħu jitlaqqgħu biex l-unjin issegwi l-iżvilupp li jkun
sar wara l-imsemmi kors.
Min-naħa tiegħu l-President tal-GWU Victor Carachi rringrazzja lix-‘shop
stewards’ għall-ħidma li qegħdin jagħmlu b’risq il-kollegi tagħhom fuq il-post
tax-xogħol u saħaq fuq l-importanza tas-solidarjetà fejn waqt li fissirha bħala
pilastru għal kwalunkwe unjin sostna li jekk tispiċċa hi tispiċċa l-unjin.
Carachi żied jgħid li l-GWU se tkompli taħdem biex, fost oħrajn, tattira lejha
ħaddiema minn setturi oħra fosthom dawk li jaħdmu għal rashom u dawk fuq
kuntratti individwali. Parnis qara wkoll messaġġ mibgħut mis-Segretarju
Ġenerali tal-GWU Tony Zarb, peress li dan jinsab imsiefer fuq ħidma tal-unjin,
fejn huwa saħaq fuq l-importanza tax-‘shop stewards‘ fil-ħidma tal-unjin. Fi
tmiem il-kors il-President tal-GWU ippreżenta ċertifikat lit-38 ‘shop steward’.
Ta’ min isemmi li x-‘shop stewards’ kollha wrew solidarjetà ma’ Tony Zarb wara
li d-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo talab lill-Ispeaker tal-Parlament
jindaga u jieħu passi kontrih għax stqarr li l-Membri Parlamentari tal-Gvern
huma tradituri tal-poplu.