News
Esperjenza unika għaż-żgħażagħ tal-GWU Youths fil-belt ta’ Napli

Fl-aĦĦar
jiem il-membri tal-eżekuttiv tal-GWU Youths kienu mistednin f’Napli mill-Unjin
Taljana CGIL. Din l-istedina saret wara li fix-xahar ta’ Frar il-GWU Youths
ospitat grupp ta’ żgħażagħ fi ħdan din l-akbar trejdunjin Taljana biex jagħmlu
esperjenza ta’ ftit jiem f’pajjiżna. Għaż-żgħażagħ tal-GWU Youths din iż-żjara
f’Napli mhux biss serviet biex iżuru diversi postijiet tax-xogħol imma wkoll
biex jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħrajn attivi fil-kamp trejdunjonistiku.
L-ewwel jum f’Napli beda bi żjara fil-Power
Station tal-kumpanija Tirreno Power fejn kienu spjegati l-isfidi li mhux biss
kellha tiffaċċja l-kumpanija imma wkoll il-ħaddiema meta nbidlet is-sistema
tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Ir-rappreżentant tal-ħaddiema spjega li
t-tibdil fis-sistema kien ifisser li l-kumpanija kellha bżonn inqas persuni
biex iħaddmu l-impjant iżda b’taħdidiet kontinwi rnexxielhom isibu soluzzjoni
għall-ħaddiema anke fi żmien meta kienet qiegħda tiġi installata s-sistema.
Lant tax-xogħol ieħor li żaru ż-żgħażagħ Maltin kien sit ta kostruzzjoni
fiċ-ċentru ta’ Napli fejn qiegħda tinbena Metro Station ġdida. Hawnhekk
il-ħaddiema qegħdin ikollhom jagħtu attenzjoni partikolari għal dak li jagħmlu
għax fis-sit instabu diversi fdalijiet storiċi.
Matul il-jum tal-Ġimgħa l-eżekuttiv tal-GWU Youths iltaqa’ ma’ numru ta’
żgħażagħ li qegħdin isegwu kors f’livell ta’ masters organizzat mis-sezzjoni
responsabbli mit-taħriġ u l-edukazzjoni fi ħdan is-CGIL. L-intenzjoni ta’ dawn
iż-żgħażagħ, li diġà daħlu fid-dinja tax-xogħol, huwa li fil-futur jingħataw
rwol aktar importanti fl-unjin.
Fl-ewwel sezzjoni ta’ din il-laqgħa ż-żgħażagħ Taljani għamlu sensiela ta’
preżentazzjonijiet mill-aktar interessanti fejn wara li wettqu r-riċerka
neċessarja spjegaw il-veduti tagħhom dwar kif jista’ jkun hemm titjib
fis-servizzi soċjali, fl-iżvilupp sostenibbli u fl-unjin innifisha biex
il-ħidma fiż-żmien li ġej tkun aktar effettiva u relevanti.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU
Michael Parnis li f’diskors li għamel enfasizza l-importanza taż-żgħażagħ
fl-unjins filwaqt li wassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-istudenti tac-CGIL li
qegħdin jittammaw li jingħataw rwol akbar fl-unjin. Fi kliem Michael Parnis
ir-relazzjoni tajba bejn il-GWU u CGIL mhux biss hija riflessa fit-tpartit li
jsiru bejn iż-żgħażagħ imma wkoll fil-ħidma li titwettaq fuq livell Ewropew.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tac-CGIL Campania Michele Gravano ukoll
tkellem dwar il-ħidma li qiegħda titwettaq fuq livell Ewropew fosthom mal-unjin
Maltija GWU. Michele Gravano tkellem dwar l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw
il-ħaddiema Taljani f’dawn iż-żminijiet li wħud minnhom huma simili għal dawk
li qegħdin jiffaċċjaw ħaddiema oħrajn fl-Ewropa, inkluż Malta. F’din
l-okkażjoni s-Segretarju tal-GWU Youths Malta, Vince Marmara u s-Segretarju
Internazzjonali Priscilla Muscat ħadu l-okkażjoni biex jirringrazzjaw
lill-unjin Taljana ta’ din l-opportunità u għall-akkoljenza.
F’Napli ż-żgħażagħ Maltin kellhom l-okkażjoni wkoll iżuru diversi postijiet
kulturali bħal Pompei u l-Mużew Nazzjonali. Iż-żjarat fuq il-lantijiet
tax-xogħol, il-laqgħat maż-żgħażagħ tac-CGIL u ż-żjarat kulturali għamlu
ż-żjara f’Napli esperjenza unika għaż-żgħażagħ fi ħdan il-GWU Youths.