News
Fl-ST Microelectronics : ĦDIMNA SOD ĦALLI NSALVAW L-IMPJIEGI
Permezz tal-ftehim li ntlaħaq fil-jiem li għaddew bejn it-tmexxija tal-ST Microelectronics u l-General Workers’ Union (GWU), ġew salvati mal-1,500 impjieg tal-ħaddiema, kif ukoll l-impjiegi ta’ diversi ħaddiema oħrajn li jagħtu servizz lil din il-kumpanija.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qal li l-GWU ħadmet biex issalva l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema, u dan kien possibbli wara diskussjonijiet intensivi li saru bejn iż-żewġ naħat. B’hekk, il-ħaddiema qablu li, minflok jitnaqqsulhom €2,000 fis-sena, bħalma kien se jsir kieku ma daħlitx il-GWU, u b’mod speċjali s-Segretarju tat-Taqsima Andrew Mizzi u l-kumitat tiegħu, issa se jitnaqqsu biss €250 fuq firxa ta’ sentejn.
Tony Zarb ħabbar li f’dawn l-aħħar ġranet, għadd ta’ ħaddiema mill-ST Microelectronics issieħbu bħala membri ġodda tal-GWU, għax raw u fehmu l-ħidma kbira tal-GWU biex jiġu salvati l-impjiegi.
Fl-intervent tiegħu fi tmiem il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni, Tony Zarb qal li l-GWU hija kburija li l-prinċipji tagħha mhumiex għall-bejgħ.
“Huma l-għodda li jinbidlu matul iż-żminijiet,” kompla jgħid, “iżda l-prinċipji tal-GWU qegħdin hemm biex ma jinbidlux.”
Matul id-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU sellem b’mod speċjali lil Sammy Meilaq, li lbieraħ irtira minn President ta’ din it-Taqsima wara li kien ilu jokkupa l-kariga għal tliet snin.
Tony Zarb iddeskrivieh bħala “ħabib speċjali” u rringrazzjah tal-ħdima sfieqa tiegħu fil-GWU. Huwa qal ukoll li ma jiddejjaq xejn li Sammy Meilaq jibqa’ l-id il-leminija tiegħu matul il-ħidma tal-GWU, b’referenza għal kumment li għadda ġurnalist tal-gazzetta Malta Today meta lbieraħ irrapporta li Sammy Meilaq se jirtira.
Minbarra hekk, Tony Zarb irringrazzja wkoll lil Pawlu Bugeja għall-impenn tiegħu bħala Segretaraju ta’ din it-Taqsima, kif ukoll lill-kontestanti li ħarġu għall-kariga ta’ President u Viċi-President tat-Taqsima, talli wrew ix-xewqa li jidħlu għal iżjed impenn fil-GWU.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU ħabbar li l-Gvern kien ikkonferma l-ftehim li kien intlaħaq dwar il-pensjoni tal-eks-ħaddiema tat-Tarzna u issa kulma jonqos kien biss li l-emenda dwar il-pensjoni tiġi approvata fil-Parlament. Dan sar wara ħidma kbira li wettqet il-GWU għal dawn l-eks-ħaddiema tat-Tarzna.
Tony Zarb tkellem dwar il-ħidma li qiegħda ssir mill-GWU, b’mod partikolari fit-Taqsima Metall u Kostruzzjoni. Semma l-ħaddiema tal-IPSL u li qegħdin isiru laqgħat biex il-GWU tressaq il-proposti tagħha quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Semma wkoll it-tħassib tal-GWU għall-fatt li t-tmexxija tal-BIM mhijiex tieħu interess fil-kumpanija. Tony Zarb qal ukoll li fil-kumpanija Mekkanika, għaddejjin diskussjonijiet dwar ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema u ħabbar kif il-kumpanija Stainless Steel issa ħarġet mid-diffikultajiet kbar li kienet għaddejja minnhom.
Matul id-diskors tiegħu, Tony Zarb semma kif fl-editorjal tal-gazzetta In-Nazzjon tal-bieraħ, ingħad kliem pożittiv favur il-GWU. Qal li l-GWU dejjem emmnet li dan il-pajjiż huwa tal-ħaddiema għax huma l-ħaddiema li sawruh kif inhu llum.