News

Mill-GWU ħadt iktar milli tajt – Sammy Meilaq



 

Fl-aħħar diskors tiegħu bħa­la President tat-Taqsima Me­tall u Kostruzzjoni fi ħdan il-GWU, Sammy Meilaq qal li ma­tul is-snin ta’ ħidma fil-GWU, huwa ħa iżjed milli ta lil ħaddieħor.

Sammy Meilaq qal li kienu tlieta l-kisbiet kbar li ħa mill-GWU. L-ewwel waħda kienet l-istabbilità fuq il-post tax-xo­għol, imbagħad kiseb ukoll it-tagħlim u t-tielet kisba importanti kienet l-iżvilupp tal-per­­­sonalità tiegħu.

Minbarra li ilu tliet snin jokkupa l-kariga ta’ President tat-Taqsima, l-involviment ta’ Sammy Meilaq fil-GWU jmur lura għal diversi snin. “Iżda llum mhux qegħdin hawn biex inħarsu lura, iżda biex inħarsu ’il quddiem,” żied jgħid Meilaq.

 

Huwa rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu qrib tiegħu u li apprezzaw il-kontribut li ta fil-GWU, iżda b’mod partikolari rringrazzja lil dawk li l-aktar li argumentaw miegħu, għax mingħajr argumenti interni, ma jinstabux is-soluzzjonijiet.

Huwa appella biex ma titkissirx is-solidarjetà bejn il-ħad­diema u fakkar fi żminijiet oħrajn fejn is-solidarjetà bejn il-ħaddiema kienet strumenta­li biex ċaqalqet lill-Gvern f’ċer­ti deċiżjonijiet, bħal meta l-ħaddiema tal-Kalaxlokk, għa­xar snin ilu, marru Kastilja u waqqfu lill-Prim Ministru minn laqgħa li kellu ma’ uffiċjali tal-UE biex solvew il-problema tagħhom.

Dwar it-Taqsima Metall u Kostruzzjoni, Sammy Meilaq qal li din kienet minn dejjem ix-xafra tas-sikkina u appella lil dawk preżenti biex ikomplu jikkultivaw din il-funzjoni. “Hija fir-responsabbiltà tagħ­kom ilkoll biex bis-solidar­jetà bejnietkom, tkomplu ssaħ­ħu din it-Taqsima li għand­ha storja sa mit-twelid tagħha.”

Matul il-Konferenza Ġenera­li Straordinarja tal-bieraħ, inħatar Emanuel Deguara bħala President tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni u Jesmond Mar­shall bħala Viċi-President.