News

Tony Zarb: il-viżjoni 2015 m’għandha tinsa lil ħadd



 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb ilbieraħ sa­ħaq li għalkemm l-unjin taqbel li l-pajjiż ikollu viżjoni madankollu temmen ukoll li ħadd m’għandu jintesa.

Hu qal dan waqt laqgħa li delegazzjoni tal-GWU kellha lbieraħ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonlista mat-Tim Viżjoni 2015, grupp ta’ seba’ żgħażagħ mhux attivi fil-politika li ntalbu mill-PN biex iħejju rapport dwar il-Viż­joni 2015. Il-grupp qed jilta­qa’ ma’ unjins u korpi kostitwiti biex jiddiskuti l-proposti tiegħu li mistennijin jiġu ppre­żentati lill-Prim Ministru fl-ew­­wel ġimgħatejn ta’ Settembru.

Minbarra Zarb, id-delegazzjoni tal-GWU kienet ifformata wkoll mill-President Victor Ca­rachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Michael Parnis u s-Seg­retarju tal-GWU Youths Vin­cent Marmara.

Fil-kelmtejn tiegħu, Tony Zarb irrefera għas-60,000 per­su­na li qegħdin jgħixu fil-linja tal-faqar u sostna li l-Viżjoni 2015 għandha tħares lejhom ukoll.

 

 

Huwa sostna li l-każijiet ta’ xogħol prekarju li l-unjin tilta­qa’ magħhom qegħdin kulma jmorru jiżdiedu b’ħaddiema li l-paga u kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri għal dak mitlub mil-liġi.

Zarb irrefera wkoll għall-immigranti fejn qal li hemm ħaf­na li qegħdin jiġu sfruttati u konsegwenza t’hekk il-pajjiż la jaf kemm qegħdin jitħallsu, la jaf min qed iħaddimhom u f’każ ta’ inċident ħadd ma jidher responsabbli bħalma f’siti tax-xogħol fejn min iħaddem ikun magħruf.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li huwa sodisfatt li fir-rapport tiegħu t-Tim Viż­jo­ni 2015 jirreferi għall-manifattura u sostna li għad hawn spazju għal din l-industrija anke jekk irridu nidentifikaw ċertu niċeċ peress li m’għadux żmien fejn ikun hawn il-fabbriki l-kbar tat-tessuti kif kien hawn fil-passat.

Waqt li rrefera wkoll għat-turiżmu u qal li din l-industrija hija pilastru li tajjeb li jkollna viżjoni għaliha wkoll, il-kelliem irrefera wkoll għas-settur tas-servizzi finanzjarji u rrimarka li fortunatament għand­na sistema b’saħħitha.

Huwa enfasizza wkoll li l-Viż­joni 2015 għandha tiġi dis­kussa mal-‘stakeholders’ kollha fil-pajjiż, inkluż l-Oppożizz­joni, u wissa li rridu noqgħodu attenti li din ma tagħtix xokkijiet lill-industrija.

Min-naħa tal-President tal-GWU Victor Carachi saħaq li l-pajjiż irid jagħmel enfasi ikbar fuq l-Ekonomija l-Ħadra għax s’issa pajjiżna qiegħed lura f’dan il-qasam waqt li s-Seg­retarju tal-GWU Youths Vincent Marmara enfasizza li l-Università ta’ Malta trid tħar­reġ iktar nies fil-qasam tar-ri­ċerka waqt li min iħaddem irid jagħraf aktar x’jof­fru l-ħad­diema speċjalment dawk żgħażagħ.